Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/608325
Il-Ħadd 29 ta' Novembru 2015 | illum 27 Vetturi Ingranat minn Andrew Pisani Malta u l-karozzi għandhom passat interessanti u relazzjoni intima bejniethom, ħafna iktar milli xi wħud jaħsbu. Meta titkellem ma' barranin li qatt ma resqu lejn Malta, ftit huma dawk li jemmnuk li hemm tant dilettanti tal- karozzi fuq din in-naqra ta' blata. Meta wieħed jara d-daqs ta' Malta fuq il-mappa, irid jagħmel sforz biex jipprova jifhem għaliex nuzaw il-karozzi bħala mezz ta' trasport, aħseb u ara li nixtru karozzi sprtivi, (li lanqas fl-aqwa autobahn Ġermaniża ma tista' tilħqilha l-potenzjal massimu tagħha) u biex tkompli tgħaxxaq, nimmodifikaw karozzi biex inżidu l-veloċità tagħhom. U jekk ma tkunx trabbejt Malta, diffiċli biex tifhimha. Però, ħafna Maltin, donnu għandhom il-petrol fil-vini tagħhom. Il-karozza hija membru tal-familja estiża tagħna. Mhux talli għandna interess kbir fil-karozzi u l-muturi, iżda kapaċità kbira wkoll, kemm bħala ħiliet mekkaniċi u kif ukoll bħal ħiliet ta' sewqan. Minn fejn ġiet din il-passjoni? Għalkemm id-delizzju tat- tiżjin tal-karozzini u tlielaq taż-żwiemel, ħmir u dgħajjes ilu jeżisti għal snin twal, ir- relazzjoni tagħna mal-inġenji, bdiet fil-bidu tas-seklu li għadda meta Malta kienet għadha kolonja tar-Renju Unit. Bħal ħafna affarijiet oħra, is-sistema tat-traffiku u tal-vetturi kienet ibbażata fuq dik tar-Renju Unit li minn banda, żammitna pjuttost iżolati mill-kumplament tal- kontinent Ewropew minħabba d-direzzjoni tat-traffiku u l-pożizzjoni tal-isteering. Oriġinarjament, il-karozzi fit- triq kienu jkunu tas-servizzi, ta' xi Ingliżi li kienu stazzjonati hawn, jew ta' xi Malti sinjur. Però, wara l-gwerra, ftit ftit bdew jitfaċċaw xi karozza 'l hemm u 'l hawn quddiem xi bieb ta' xi ħaddiem, u kienu dawk il-ħaddiema li welldu fostna din il-passjoni. Psikoloġikament, ħafna Maltin kienu minn dejjem jippreferu jonfqu flushom f 'xi ħaġa tanġibbli, xi ħaġa li żżomm il-valur u xi ħaġa li tirrifletti l-flus li jkunu intefqu, milli fuq xi esperjenza, xalar jew safar. Dejjem skantajt kif uħud mill-familji tal-ħaddiema Maltin kien jirnexxielhom iġemmgħu biżżejjed flus biex jixtru xi 'choker' tad deheb li jirwilek għonqok, xi ċurkett tal-lira u xi linfa tal-kristall ġo l-ewwel kamra ta' terran bi tlitt ikmamar, meta ħafna mill-pagi kienu taħt il-ħames liri fil-ġimgħa. Kien hemm min saħansitra jiddejjen biex uliedu ma jkunux inqas minn ħaddiehor, u għall- magħmudija, diġà jkollom xi ħajta deheb. Il-karozza kienet tapplika perfettament għal din l-ideoloġija. Dak iż-żmien kienet għadha ma rrenjatx il-kultura konsumerista, li karozza tinbidel kull ftit snin, u għal ħafna li xtraw l-ewwel karozza tagħhom fis-snin ħamsin u sittin, l-iskop kien li din il-karozza sservi għal dejjem, li tintiret mill-missier għall-iben u li l-valur tagħha ma jonqos qatt. Minħabba l-ammont ta' nies li kien hawn jaħdmu fit-tarzna u l-kapaċità fix-xogħol tal-ħadid li evolviet tul is-snin, ħafna Maltin kienu saru esperti fuq kif jipproteġu l-vetturi tagħhom mill-kankru tas-sadid. Kienet xena komuni li tara lil xi ħadd iżarma karozza ġdida fjamanta u ibellalha ż-żejt tal-kittien f 'kull xaqq u kanal possibbli u jdellek xi naqra żebgħa 'red oxide' ma' kull fejn jaħseb li jista' xi darba jitfaċċa xi traċċa ta' sadid. Minn dak iż-żmien bikri fl-istorja tal-karozzi, ħafna Maltin diġà kellhom il-mentalità li huma kienu kapaċi jagħmlu biċċa xogħol aħjar milli għamlet il- fabbrika. Is-superstizzjonijiet ukoll kellhom il-kontribut tagħhom fil-modifika tal-karozzi. Mal wasla tal-karozza l-ġdida, kien jiġi t-tberik tal-kappillan li jipproteġi lil din il-karozza (u lil ta' ġo fiha) minn xi diżgrazzja. Il-mentalità li xi ħadd jgħir għalik u jisħitlek il-karozza ma kinetx xi ħaġa rari. Kien hemm min idendel xi bżaru jew xi qrun mal- mera ta' ġewwa jew xi nagħla ta' żiemel max-xibka ta' quddiem u xi santa tal-patrun ma tonqosx. Dawn kienu wħud mill-ewwel modifikazzjonijiet u personifikazzjonijiet li bdew isiru li jagħmlu kull karozza iktar individwali u personalizzata. It-tberfil, (arti ta' kitba u disinji bil-pinzell fuq kull tip ta' vettura l-iktar fuq dawk kummerċjali), kienet isservi bħala mezz ta' qima jew alleanza lejn ir-reliġjon Kristjana, jew lil kuruna tar- Renju Unit. Iktar tard bdew ukoll jissemmew artisti bħal Elvis, Paul Anka, Cliff Richard u Clint Eastwood u ismijiet ta' films bħal Ben Hur fuq xi bonnet jew bieba. B'dawn il-modifikazzjonijiet u manutenzjoni li kienu jsiru, il-karozza bdiet issir estenzjoni tal-karattru tal-individwu. Sid il-karozza kien jaf kull bolt u skorfina tal-karozza tiegħu u kien se jagħmel kull ma jkun hemm bżonn biex din il-karozza tibqa' tiffunzjona. Din hija biss il-bidu tal-istorja tal-karozzi f 'Malta. Il-Wild b'erba' roti "Ħafna Maltin, donnu għandhom il-petrol fil-vini tagħhom. Il- karozza hija membru tal-familja estiża tagħna" "Kienet xena komuni li tara lil xi ħadd iżarma karozza ġdida fjamanta u ibellalha ż-żejt tal-kittien f 'kull xaqq u kanal possibli u jdellek xi naqra zebgħa 'red oxide'" Tberfil jew tip ta' kitba li kienet tinżebagħ ma' xi vetturi f 'pajjiżna