Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/611946
18 illum | Il-Ħadd 06 ta' Diċembru 2015 M 'hemmx dubju illi ċertu sens ta' urġenza qed jakkumpanja t-taħdidiet illi bdew il-ġimgħa l-oħra f 'Pariġi dwar it- tibdil tal-klima. U wieħed ma jistax ma jgħidx illi dan is-sens ta' urġenza m'huwiex f 'postu. COP21, kif inhi magħrufa l-Konferenza tal-Partijiet tal-Konvenzjoni Kwadru tal-Ġnus Magħquda dwar it-Tibdil fil-Klima, (UNFCC), infetħet f 'Pariġi l-Ħadd li għadda fil-presenza tal-mexxejja ta' kważi l-195 pajjiżi firmatarji kollha u mistennija tagħlaq nhar il-Ġimgħa għalkemm wieħed ma jeskludiex illi d-diskussjoni tibqa' għaddejja sal- Ħadd li ġej. Dawn il-konferenzi issa ilhom isiru 21 sena u l-aktar importanti fosthom kienet COP3 illi saret fi Kyoto fl- 1997 illi nisslet Protokoll illi permezz tiegħu, bosta pajjiżi ntrabtu illi sal- 2012 inaqsu l-emissjonijiet tagħhom ta' ta' sitt gassijiet serra in paragun mal-1990 b'medja ta' 5.2%. Dan ifisser tnaqqis ta' 29% kumparat ma' dak li altrimenti kien jiġri mingħajr dan il-ftehim. Dan il-protokoll daħal fis-seħħ fl-2005 u skada fl-aħħar ta' l-2012. Kważi l-pajjiżi kollha rratifikaw il- Protokoll ta' Kyoto, bl-eċċezzjoni ta' l-Istati Uniti. Minkejja illi l-President Obama spiss jindirizza l-problema tat-tibdil tal-klima, il-Kungress amerikan illi huwa ddominat mir- Repubblikani huwa ferm ostili u bosta esponenti tiegħu anke jiċħdu illi t-tibdil fil-klima huwa r-riżultat ta' azzjoni umana. Fortunatament, dina l-veduta qiegħda dejjem issir aktar u aktar rari imma għal snin twal ipparalizzat kwalunkwe azzjoni konkreta f 'Washington. U għadha sal-lum tikkondizzjona l-politika ta' l-akbar ekonomija tad-dinja u waħda mill-akbar kontributuri tal-gassijiet serra fid-dinja (wara ċ-Ċina). Fil-fatt, kemm l-Amerika kif ukoll iċ-Ċina u l-Indja għadhom jopponu trattat mandatorju illi jobbliga lill-pajjiżi jnaqqsu l-emissjonijiet tagħhom ta' gassijiet serra bħalma hu dak ta' Kyoto. Taħt Kyoto, il-pajjiżi illi kienu qed jiżviluppaw, fosthom iċ-Ċina u l-Indja, ma kienux obbligati illi jnaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra peress illi kienu kontribwixxew ftit li xejn għall-akkumulazzjoni ta' CO2 fl-atmosfera. Kollettivament, il-grupp ta' pajjiżi ndustrijalizzati magħrufin bħala l-pajjiżi tal-Annex 1 kellhom inaqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra b'medja ta' 4.2% fil-perjodu bejn l-2008 u l-2012 in paragun mal-1990. Dan l-għan intlaħaq fil-wisgħa u dana anke minħabba l-kollass tal-ekonomiji tal- lvant tal-Ewropa illi kienu jiddependu ħafna fuq industrija illi kienet ferm tniġġeż. Kważi l-pajjiżi Ewropej kollha, inkluż dawk tal-lvant ta' l-Ewropa illi saru parti mill-Unjoni Ewropea, laħqu l-objettivi ffissati minn Kyoto għalkemm x'uħud bħall- Italja u Spanja għamlu dan billi xtraw krediti ta' emissjoni mingħand pajjiżi oħra. Dana peress illi Kyoto kien nieda mekkaniżmu innovativ sabiex jassigura illi t-tnaqqis fil-gassijiet serra isir bl-aktar mod ekonomikament effikaċi possibli : jekk pajjiż ibati biex inaqqas l-emissjonijiet tiegħu jista' jixtri l-krediti illi pajjiżi oħra jkunu rnexxielhom jakkwistaw fit-tnaqqis ta' emissjonijiet da parti tagħhom aktar milli kienu obbligaw ruħhom illi jnaqqsu. Madankollu, pajjiżi oħra ma kienux daqshekk eżemplari. Il-Kanada ritirat mill-Protokoll ta' Kyoto f 'Diċembru 2011 u minflok ma naqset l-emissjonijiet tagħha b'6% kif kellha tagħmel, żidithom bi 17% sal- 2009. Mill-banda l-oħra, l-Amerika illi qatt ma rratifikat il-Protokoll ta' Kyoto, żiedet l-emissjonijiet tagħha bi 11% sal-2011 meta ukoll kellha tnaqqashom b'6%. Komplessivament, l-emissjonijiet ta' gassijiet serra żdiedu b'40% bejn l-1990 u l-2009 b'ħafna minn din iż-żieda attribwibbli għat- tkabbir ekonomiku mgħaġġel taċ- Ċina. Fil-fatt, wieħed jista' faċilment jikkonkludi illi ħafna mill-industrija illi tniġġeż emigrat minn pajjiżi ndustrijalizzati għaċ-Ċina bir-riżultat illi l-emissjonijiet tal-gass serra naqsu sew fil-pajjiżi żviluppati u żdiedu drastikament fiċ-Ċina. F'COP15 illi saret f 'Diċembru 2009 f 'Copenhagen, il-pajjiżi firmatarji tal-UNFCC ma rnexxielhomx jilħqu ftehim dwar dak illi kellu jiġri wara illi jiskadi l-Protokoll ta' Kyoto fl- aħħar tal-2012. Id-dikjarazzjoni finali rrikonoxxiet il-ħtieġa illi t-temperatura medja fid-dinja ma tiżdiedx aktar minn 20 Celsius aktar milli kienet fl-era pre-industrijali sabiex ma nipperikolawx il-futur tal- umanità. Imma din id-dikjarazzjoni m'hijiex ftehim illi jorbot. Ħafna attribwew dan il-falliment għall- atteġjament taċ-Ċina illi kienet għadha tirreżisti l-ideja ta' tnaqqis mandatorju tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra. Madankollu, Copenhagen ma kienx falliment totali għaliex il- pajjiżi ndustrijalizzati kkommettew ruħhom illi jgħaddu, anke permezz ta' investiment privat, $ 30 bn lill- pajjiżi sottożviluppati fuq it-tlett snin ta' wara ħalli jgħinuhom jikkumbattu l-impatt tat-tibdil tal-klima. Din is- somma għandha titla għal $ 100 bn fis-sena sal-2020 u skond l-O.E.C.D., din il-figura jidher illi ser tintlaħaq. Ta' min isemmi ukoll illi sal-2010, 138 pajjiż kienu ffirmaw il-ftehim ta' Copenhagen. F'dawn l-aħħar sitt snin, inbidlu ħafna affarijiet. L-evidenza xjentifika dwar it-tibdil fil-klima saret aktar konsolidata u tassew huma ftit dawk illi għadhom jiċħdu illi t-tibdil fil- klima huwa l-frott tal-azzjoni tal- bniedem. Qegħdin nassistu għal sena aktar sħuna minn ta' qabilha u qed ikollna l-aktar temp sħun illi d-dinja kellha għal eluf kbar ta' snin. L-effetti tat-tibdil tal-klima qed dejjem jinħassu aktar. Din is-sena, għal ewwel darba, it-temperatura medja ser taqbeż grad Celsius u b'hekk, ser inkunu aktar minn nofs triq lejn l-objettiv ta' żieda fit-temperatura ta' m'hux aktar minn 20 Celsius. Waħda mill-aktar punti kontroversjali illi qed jiġu diskussi bħalissa f 'Pariġi huwa illi attwalment sabiex żgur ma nipperikolawx l-futur tal-umanità, aħjar nimmiraw għal żieda fit-temperatura illi ma tiżboqx 1.50 minflok 20 Celsius. Madankollu, din il-proposta qed issib resistenza qawwija minn pajjiżi bħall-Għarabja Sawdita, illi dejjem tadotta posizzjoni intransiġenti f 'dawn it-taħdidiet (f 'konferenza minnhom is-Sawditi nsistew illi l-produtturi taż-żejt għandhom jiġu kkumpensati talli d-dinja ma tibqax taħraq iż-żejt illi huwa wieħed mir- raġunijiet prinċipali tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra !) u l-Indja illi ma tridx tikkomprometti l-iżvilupp futur tagħha b'restrizzjonijiet fuq l-użu tal- faħam illi minnu għandha ħafna. Illum iċ-Ċina bidlet il-posizzjoni tagħha radikalment. L-iżvilupp mgħaġġel taċ-Ċina kellu riżultat diżastruż fuq l-ambjent ċiniż. Kulħadd ra x-xeni ta' smog illi regularment jaħkem Peking. Bosta mix-xmajjar u l-għelieqi taċ-Ċina huma vvelenati u l-partit komunista qed jirrealizza illi jrid jindirizza l-aspirazzjonijiet tal-poplu u jtejjeb l-istandards ambjentali. Fl-istess ħin, kemm fiċ-Ċina kif ukoll fl- Indja, l-effetti tat-tibdil tal-klima qegħdin dejjem jidhru aktar b'tifrix ta' desertifikazzjoni u b'estremi ta' fenomeni klimatiċi illi qed iħallu effetti diżastrużi kemm fuq il-ħajja umana kif ukoll fuq l-infrastruttura. Għaldaqstant, kemm iċ-Ċina kif ukoll l-Indja m'għadhomx jinsistu illi din hi biss problema tal-pajjiżi storikament industrijalizzati li għandhom isolvuha huma. Dawn il-fenomeni qed narawhom f 'bosta postijiet oħra ukoll. Il-glaciers ta' Greenland qegħdin jinħallu b'rata allarmanti bir-riżultat illi l-livell tal-ilma baħar dejjem jogħla. Dan il-fenomenu ser progressivament jhedded ħafna mill-bliet kostali u gżejjer (inkluż Malta) fejn tgħix il-maġġorparti tal-populazzjoni tad-dinja. F'Kalifornja, illi qiegħda ssofri mill-akbar niexfa f 'aktar minn 1,200 sena, żoni kbar qegħdin iċedu anke bir-rata ta' żewġ pulzieri fix- xahar minħabba l-ippumpjar eċċessiv ta' ilma. Dana qed joħloq dannu kbir fl-infrastruttura b'konsegwenzi ekonomiċi ferm serji u evidenti. M'hux ta' b'xejn illi l-kumpaniji tal-assikurazzjoni u anke l-Pentagon huma fost dawk ferm inkwetati bl- effetti tal-bidla fil-klima. Il-kuxjenza dejjem tikber dwar il-ħtieġa urġenti illi tiġi indirizzata l-problema tat-tibdil tal-klima tat ukoll lok għall-enċiklika tal-papa Franġisku Laudato Sì, Dwar l-Għożża tad-Dar Komuni Tagħna illi ħarġet f 'Ġunju li għadda. Il-papa Franġisku jikkritika l-isfruttar bla ħniena u l-qerda tal- ambjent illi huwa jattribwixxi għall- apatija, għat-tellieqa bla rażan għall- qliegħ, għall-fidi żejda fit-teknoloġija u għall-mjopja politika. Il-papa jgħid illi "it-tibdil tal-klima huwa problema globali b'implikazzjonijiet ferm serji : ambjentali, soċjali, ekonomiċi, politiċi ...Hija waħda mill-akbar sfidi illi għandha l-umanità llum" u jwissi dwar "il-qirda bla preċedent tal-ekosistemi b'konsegwenzi serji għalina lkoll" jekk ma jittieħdux immedjatament miżuri ta' mitigazzjoni. Il-papa Franġisku għamilha ċara illi t-tagħlim tradizzjonali tal-Knisja Kattolika favur il-ħajja għandu jabbraċja ukoll il-ħarsien tal-ħolqien u b'hekk, il- missjoni evanġelika tal-Knisja ħadet ukoll bixra radikalment ekoloġika. Dan fl-isfond ta' mistoqsijiet pertinenti dwar is-sostenibilità tas- soċjetà konsumerista illi sseddaq l-ekonomija kapitalista illi timbotta lil kulħadd jikkonsma aktar milli hu meħtieġ. Żvilupp ieħor ferm importanti huwa l-evoluzzjoni drammatika tal-enerġija solari, speċjalment bil- produzzjoni rħisa fiċ-Ċina. Illum, l-enerġija solari qiegħda ssir aktar u aktar kompetittiva, u f 'ħafna pajjiżi, anke bla sussidji. Qegħdin naraw pajjiżi bħal Marokk illi qed jagħmlu investimenti massivi fl-enerġija mix- xemx. Imma anke fl-Amerika, dan is-sors ta' enerġija issa qed iħabbatha fir-rigward ta' prezz mal-enerġija mill-gass. U l-prim minisru ndjan, Modi huwa sostenitur kbir tal-enerġija mix-xemx u ħabbar alleanza ta' 120 pajjiż flimkien mal-industrija sabiex tippromwovi użu akbar tal-enerġija solari. L-enerġija rinovabbli, fosthom dik tar-riħ, hija xaqq ta' tama kbira illi d-dinja tissupera l-isfida taż-żieda fit-temperatura illi qiegħda tipperikola l-istess sopravivenza tal-umanità. Fil-waqt illi t-tama hi illi l-mexxejja tad-dinja jissuperaw id-differenzi konsiderevoli illi għad hemm fil-jiem li ġejjin sabiex jintlaħaq ftehim illi jorbot lill-pajjiżi kollha, ilkoll kemm aħna ma rridux ninsew il-ħtieġa illi nagħmlu l-għażliet personali illi jpoġġu lid-dar komuni tagħna f 'anqas periklu fil-futur. Jekk nistgħu nevitaw l-karozza, ejjew nevitawha, jekk għandna nisseparaw l-iskart, ejjew nisseparawh u ejjew nibnu d-djar tagħna b'mod u manjiera illi ma jkollniex għalfejn insaħħnu ħafna fix- xitwa jew inkessħu wisq fis-sajf. Kif qal tant tajjeb il-president Obama, din hi l-ewwel ġenerazzjoni illi qed tħoss l-effetti tat-tibdil tal-klima u l-aħħar waħda illi tista' tagħmel xi ħaġa biex tevita l-konsegwenzi ta' tali tibdil. Din hija sfida tassew kbira illi dina l-ġenerazzjoni ma tistax titlef bl-ebda mod. Joe ellis Opinjoni L-isfida għad-dar komuni