Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/611946
Il-Ħadd 06 ta' Diċembru 2015 | illum 19 M eta tegħlibna l-kurżità, hemm ċans li nsibu rwieħna fl-inkwiet. Għaliex il-kurjuż jimxi fuq art fejn qatt ma rifes. Il-kurjuż jista' biss jobsor x'se jsir, iżda qatt mhuwa ċert minn dak li se jara. Hekk hi t-tagħlima wara l-kaxxa ta' Pandora u t-tuffieħa tal-Eden. Jiena favur id-demokrazija. Ma naċċetta qatt li ngħix barra minnha. Tajjeb jew ħażin, bil-problemi kollha li kellu pajjiżna, id-demokrazija dejjem salvatu. Iffortunat ukoll li pajjiżi assorba l-istrutturi kollha demokratiċi li għandha d-demokrazija Ingliża, anke jekk meta l-Ingliżi kienu fostna ma kinux daqstant demokratiċi magħna. Stajna għamilna bħal pajjiżi eks kolonji oħrajn, li flok għażlu t-triq tad-demokrazija mat-tluq tal-Ingliżi minn pajjiżhom, bejn b'reazzjoni għal snin twal ta' ħakma Brittanika u bejn għaliex kien hemm aġenda ideoloġiki estremi, għażlu t-triq tad-dittatura jew ta' gvernijiet fundamentalisti. Aħna m' għamliniex hekk, għaliex l-għatx għad- demokrazija kien fina ħafna qabel mal- Kuruna Ingliża ma baqgħetx magħna. Iżda min-naħa l-oħra, irridu nammettu li d-demokrazija tal-Punent, għalkemm oġġettivament hija l-aħjar sistema li nafu s'issa, mhux bil-fors hija applikabbli bil-punt u l-virgola f 'kull pajjiż ieħor li għandu kulturi u storja differenti għal kollox minn dik tal-Punent. Jiena nħoss li l-Punent ma jagħmilx sewwa li jrid jimponi l-mudell tad-demokrazija oċċidentali fuq pajjiżi oħrajn. Ħalli nagħmilha ċara, f 'ebda ħin ma nista' naċċetta d-dittatura. Meta lmaħt l-istatwa ta' Saddam Hussein taqa', dakinhar ċapcapt. Meta waslet l-aħbar li d-ditattura ta' Ghaddafi spiċċat, fraħt għall-poplu Libjan. Meta qaluli li Ben Ali tat-Tuneżija kien qabad ajruplan u ġarr miegħu kemm felaħ rikezzi biex jaħrab mit-Tuneżija, ktibt lil wieħed li kont naf u tajtu l-awguri. Iżda l-biża' tiegħi hi, li dan iċ-ċapċip u ferħ kollu, x'aktarx kien miraġġ. Wara li tneħħa dak, u tneħħa l-ieħor u issa bdew igerrbu s-snin, nagħmel mistoqsija waħda: il-popli li hemm f 'dawn il- pajjiżi llum jinsabu aħjar milli kienu? It-tweġiba għalija hija ċara: assolutament le. Illum ħafna minn dawn il-pajjiżi saru l-bejta tat-terrur tal-ISIS. Jekk qabel kienu jitwettqu atti inumani, illum qed nisimgħu b'barbariżmu li qatt qabel ma rajna bħalu. Jiena naħseb li kawża ta' dan kollu, titnissel mill-kurżità li tmur kważi 26 sena ilu. Il-Punent ried ikun jaf x'kien hemm wara l-ħajt ta' Berlin. Għalija hija ħaġa ċara, li mill-waqgħa tal-ħajt ta' Berlin 'l hawn, wara ftuħ tal-fliexken tax-xampanja u diskorsi sbieħ, ma jidhirx li l-affarijiet marru daqstant kif naħsbu. Per eżempju qatt ma konna qrib xifer ta' gwerra globali daqs kemm qegħdin issa. Lanqas meta kien hemm il-kriżi tal-missili ta' Kuba ma konna daqstant qrib. Għall-kaos li qegħdin naraw fid- dinja, illum jaħtu prinċipalment dawk li ħasbu li b'sempliċi waqgħa ta' ħajt, kien ser ikollna aktar libertà u aktar ordni fid-dinja. Iżda l-problema tal- mexxejja tal-Punent dejjem kienet li jħobbu wisq jagħmluha ta' tijonfalisti. Għal uħud mill-mexxejja tal-Punent, il-waqgha tal-ħajt ma kinetx tfisser rebħa demokratika jew tal-libertà, iżda ir-rebħa tas-sistema kapitalista fuq dik komunista. Għalihom, ma kinetx tfisser rebħa tal-popli, iżda rebħa ta' ideoloġija. Għalhekk, meta pjanaw id-demolizzjoni tal-ħajt, ma kellhomx pjan fit-tul biex jilqgħu għall-effetti tat-tuffieħa li kienu qatgħu u l-kaxxa li kienu fetħu. Mikhail Gorbachev, bħal filosfu Fukuyama, dan l-aħħar stqarr li l-Punent kien mgħaġġel wisq biex jieħu taħt idejh l-eks Repubbliki Sovjetiċi mingħajr l-involviment tar-Russja. Għalhekk, opportunità li kellha tkun bidu ġdid bejn il-Punent u l-Lvant trasformajnieha f 'waħda ta' konfront. L-ogħla espressjoni ta' dan il-konfront intlaħaq bit-twaqqiegħ ta' ajruplan Russu mit-Turkija, u bit-tgħajjir li għaddej bejn Erdogan u Putin. Il- periklu huwa ċar, għaliex it-Turkija hija membru tan-NATO. Il-konfront bejn il-Punent u l-Lvant għalhekk huwa evidenti. B'konsegwenza ta' din l-għaġġla biex il-Punent ikabbar il-fruntieri kollha ta' madwaru, ħareġ ċar li ma kienx hemm pjan fit-tul, biex illum qegħdin naraw madwarna tgerfixa kbira li ma nistgħux insibu tarf tagħha. Il-Punent dejjem kellu pjan biex ineħħi u jwaqqa', iżda qatt ma kellu pjan ieħor ċar biex jimtela' l-vojt ta' min jitwarrab jew jibni strutturi oħra. Huwa għalhekk li pajjiż bħall-Iraq, is-Sirja, l-Afganistan, il-Libja u x'aktarx anke l-Eġittu u t-Tuneżija, illum qed ikunu kkunsidrati bħala stati falluti u non-Stati. Fi klima bħal din, nibtu diversi movimenti bħalma huma l-Al Shebab, l-Al Qaida, Boko Haram u issa l-agħar fosthom l-lSIS, għaliex fejn hemm id- diżordni, jfaqqsu ċelloli li jissejħu anti- Stat. Isiru Stati li mhumiex leġittimi iżda li jkollhom mhux biss territorju, ġieli mhux preċiżat, iżda saħansitra segwaci u anke forom ta' strutturi li jipprovdi lin-nies tal-post, dak li ħadd ieħor ma jkunx qed jagħtihom. Il-prezz tal- kurżità għamja u l-għaġġla għat-tkabbir ta' fruntieri u li nimponu mudelli ta' tmexxija fuq ħaddieħor, għandu l-prezz għoli tiegħu. Iżda l-konsegwenza hija aktar gravi milli kieku għandna quddiemna l-possibbiltà ta' gwerra ta' stat magħruf. L-għadu li għandha d-dinja llum, huwa wieħed inviżibbli. La għandu uniformi, la għandu territorju fiss, u lanqas għandu wiċċ Agħar minn hekk, dan l-għadu m'għandux dawk li jissejħu fi gwerra tradizzjonali, 'rules of engagement'. La jintagħrfu, la jiddistingwu bejn ċivili u dawk li mhumiex, anzi ċ-ċivili huma l-mira prinċipali tagħhom, u lanqas iħossuhom imqar moralment marbutin b'regoli ta' trattati internazzjonali biex inaqqsu mill-barbariżmi li ġġib magħha gwerra. Iżda hija ħasra li l-bniedem ma jitgħallimx mill-istorja. Ħaġa li diġà rajna qabel fl-istorja tal-Punent, li kull meta fuq ix-xefaq tidher il- Gwerra, jogħla l-volum politiku u l-Parlamenti kollha isejħu għal aktar miltariżmu, reżoluzzjonijiet ta' attakki u dikjarazzjonijiet ta' aktar gwerra. Dan rajnieh dan l-aħħar fl-Ingilterra, fi Franza u l-Ġermanja…it-trojka storika ta' kull gwerra fuq il-kontinent. Din id-darba mhumiex jintebħu li dak li għandhom quddiemhom qiegħed hemm, iżda mhux hemm. L-aktar bniedem rispettabbli li għandek miegħek fuq ix-xogħol, jista' jkun dak li l-għada jidħol f 'xi post pubbliku b'ċinturin splusssivi ma' qaddu. Jiena mhux xi paċifista. Lanqas ma nemmen fil-miltariżmu. Nemmen li r-raġuni tista' tiggwidana biex insibu soluzzjoni għall-froga li għamilna aħna stess. Veru li ma tista' treġġa' lura l-bajd li tkun tfajt fiha, iżda tal-anqas nistgħu għal darba nagħmlu tentattiv biex ma tinħaraqx. Kemm l-ewwel u kemm it-tieni gwerra dinjija kienu żewġt ifrejjeġ li mhux inħarqu, iżda kienu karbonizzati…u kull darba għaliex tgħelibna l-kurżità. Toni AbelA Opinjoni Il-kaxxa u t-tuffieħa "L-għaġġla għat- tkabbir ta' fruntieri u li nimponu mudelli ta' tmexxija fuq ħaddieħor, għandu l-prezz għoli tiegħu" Mill-waqa' tal-ħajt ta' Berlin 'l hawn, ma jidhirx li l-affarijiet marru daqstant kif naħsbu