Illum previous editions

ILLUM 06 ta Dicembru 2015

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/611946

Contents of this Issue

Navigation

Page 22 of 39

Il-Ħadd 06 ta' Diċembru 2015 | illum 23 Editorjal ILLUM, MedIaToday LTd, VjaL Ir-rIĦan, San Ġwann SĠn 9016 Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075 Ittri u Kummenti, Imejl: illum@mediatoday.com.mt Narawhom...imma ninjorawhom F 'din il-ħarġa tal-ILLUM qed nippublikaw żewġ stejjer partikolari li minkejja li jitrattaw żewġ attivitajiet separati, għandhom ħafna fatturi komuni. L-aktar li għandhom komuni huwa l-mod kif f 'dan il-pajjiż, Alla jbierek, nagħżlu dak li nagħtu kasu u dak li ninjoraw. Huma komuni għax juru kif fejn jaqblilhom, l-awtoritajiet jitfgħu nies li ma jħallsux il-VAT il-ħabs, u sewwa jagħmlu, imma fl-istess ħin jinjoraw ċrieki fi ċrieki ta' nies u negozji li mhux talli mhumiex iħallsu taxxi, talli xogħolhom għat- taparsi ma jaf bihom ħadd u qed jgħixu min-negozju li lanqas biss suppost jeżisti għax m'għandux il-permessi neċessarji. Dwar l-immigranti jistennew ix-xogħol fi Triq Aldo Moro fil-Marsa, issa ilna nitkellmu u nisimgħu. Hawnhekk għaddej, u ilu għaddej snin, racket sħiħ ta' abbuż li mhux qed isir taħt l-art jew 'il bogħod mill-għajn, iżda li qed iseħħ quddiem għajnejna ta' kull ġurnata. Kuljum, prattikament mingħajr distinzjoni, għexieren ta' immigranti jintefgħu jistennew xi vann biex jgħabbihom u b'hekk ikollhom ġurnata, jew jekk ikunu fortunati, ftit jiem ta' xogħol. Meta l-ILLUM niżel il-Marsa u kellem lil dawn il-persuni, huma qalu lill-gazzetta li qed jitħallsu bejn €3 u €5 fis-siegħa, naturalment mingħajr ktieb u għalhekk mingħajr ma jiddikjaraw sold, li jintagħżlu skont l-istatura tagħhom, daqslikieku kienu parti minn suq tal-iskjavi u li issa, apparti l-Maltin, qed imorru wkoll persuni Sirjani li terġa' u tgħid qed joffrulhom ħlas inqas minn dak li qed joffrulhom il-Maltin. U sadanittant, waqt li dan l-abbuż sfaċċat għaddej, abbuż li jkollna nfakkru mhux biss qed jisfrutta lil dawn il-persuni vulnerabbli bl-aktar mod viljakk, imma qed jitfa' lill-impjegati li jixtiequ jaħdmu skont il-liġi fi żvantaġġ ċar, il-poltiċi tagħna miż-żewġ naħat jibqgħu jsuqu minn Triq Aldo Moro, qisu xejn mhu xejn. Għalfejn qed indumu biex nieħdu azzjoni? Għalfejn mhux qed nisimgħu għajta b'saħħitha kontra dan l-abbuż? Għalfejn mhux qed ikollna pulizija biex iħarrku lil min qed iħaddem b'mezzi mhux legali? Quddiem għajnejna qegħdin jiġru dawn l-affarijiet! Qed narawhom kuljum! Għalfejn din l-apatija? Għax hemm min qed iħaxxen butu u jaqbillu li dan l-abbuż jibqa' għaddej? U la semmejna l-immigranti fil-Marsa, irridu nagħmlu referenza għal storja oħra li qed tidher fuq il-faċċata ta' dan il-ġurnal illum. Sewwa, mela persuna tegħreq l-għaraq biex tieħu self mill- bank u tħallsu lura, tmur kors fuq ieħor biex tkun terapista professjonali, ikollha kull awtorità imaġinabbli tiġri warajha biex tkun ċerta li mhux qed tikser xi sub- artikolu ta' xi liġi Ewropea, imbagħad tiġi persuna oħra jew in-nies li hemm warajha, tikri post, u f 'daqqa waħda ssir terapista kwalifikata fil-massaġġi. Biex imbagħad nitfgħu tank melħ fuq il- ferita, insiru nafu, grazzi għall-informazzjoni mogħtija mill-Prim Ministru fil- Parlament, li f 'sentejn sħaħ f 'Buġibba/Qawra/San Pawl il-Baħar ingħata permess wieħed biss għal 'massage parlour'. L-ILLUM sabet tmienja, u f 'sitta minnhom l-impjegata jew sid jew il- persuna li tikri l-post qalu li ilhom joperaw bejn erba' xhur u sena. Allura x'se nagħmlu issa? Jiġifieri se naċċettaw li f 'dan il-pajjiż ikollna in-negozjant onest, li jaħdem kemm jiflaħ biex jibni negozju u jikseb il-kwalifiki, u ħaddieħor li jista' jagħmel li jrid? Mhux inġustizzja din? Jekk hemm standards, dawn għandhom jgħoddu għal kulħadd, Malti, Afrikan, Ċiniż jew Ġappuniż. U jekk huwa minnu li f 'dawn il-postijiet għaddejja attività sesswali, l-awtoritajiet u l-politiċi għandhom żewġ għażliet, kif qalet il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Beauty Therapists Magda Magri Naudi, jew jgħalqu dawn il-ħwienet jew inkella jbiddlulhom l-użu tagħhom u jagħmluhom briedel legali. Ħaġa waħda hija ċerta, li kemm fil-każ ta' negozji bħal tal-massaġġi u ħafna iktar fil-każ ta' immigranti li qed ikollhom drittijiethom mirfusin, l-awtoritajiet ma jistgħux jibqgħu reqdin. Jekk jieħdu azzjoni jkunu qed jagħmlu ġustizzja ma' min qed ibati u jkun sfruttat f 'sitwazzjonijiet bħal dawn u jkunu qed jagħmlu ġustizzja maċ-ċittadin onest, li jmur ix-xogħol kuljum u jħallas it- taxxi kif mistenni minnu.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 06 ta Dicembru 2015