Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/614943
16 illum | Il-Ħadd 13 ta' Diċembru 2015 F tit ġimgħat ilu, l-ex-prim ministru Karmenu Mifsud Bonniċi flimkien ma' patri Mark Montebello, Sammy Meilak, Charles Miceli u Michael Grech kitbu ittra lill-prim ministru u lill-kap tal- opposizzjoni illi fiha kkundannaw l-fatt illi ż-żewġ partiti fil-Parlament qegħdin japprovaw l-koinvolġiment ta' Malta fi gwerra għal ewwel darba minn mindu Malta ħadet l-indipendenza. F'din l-ittra, il- firmatarji ukoll esprimew it-tħassib tagħhom illi ż-żewġ nahat fil- Parlament m'humiex qed josservaw l-obbligu kostituzzjonali illi jaħdmu għal paċi. M'għandhiex dubju mill- intenzjonijiet tajbin ta' dawn l-individwi imma nħoss illi l-appell tagħhom, illi fi kwalunkwe każ ma qajjem l-ebda furur fil-pajjiż, m'huwiex f 'loku. Ejjew nistabilixxu ftit il-fatti : Malta ma ddikjarat l-ebda gwerra lil ħadd. L-ebda pajjiż tal-Unjoni Ewropea illi tagħha niffurmaw parti ma ddikjara l-ebda gwerra lil ħadd. Imma dan ifisser illi aħna moħħna mistrieħ u m'għandniex għalfejn ninkwetaw dwar il-futur tagħna ? Jumejn ilu kont qiegħed f 'festin organizzat minn wieħed mill-banek u kont qed nitkellem ma' ħabib antik tiegħi illi għandu negozju kbir. Id- diskors waqa' fuq il-fatt illi Sabratha, belt sebgħin kilometru fil-punent ta' Tripli, kważi mal-fruntiera bejn il-Libja u t-Tuneżija. waqgħet f 'idejn l-Istat Iżlamiku. Il-ħabib tiegħi stqarr illi l-miġja tal-Istat Iżlamiku fil-pajjiż qarib tagħna jista' jipperikola s-suċċess tal-industrija tat-turiżmu f 'pajjiżna illi fuqha niddependu tant. Qalli "Din is-sena gawdejna bil-kbir għaliex pajjiżi oħra bħat-Tuneżija u l-Eġittu batew minħabba t-terroriżmu. Qegħdin imdendlin b'ħajta." Ma stajtx ma naqbielx miegħu : "Aħna soft target. Ma trid xejn biex jitwettaq xi attentat terroristiku f 'pajjiżna bħalma ġara f 'pajjiżi oħra." Pajjiżna tassew jinsab fi gwerra, imma din m'hix xi gwerra illi għażilna aħna illi nidħlu fiha jew illi nixtiequ illi nkunu fiha. M'hijiex gwerra konvenzjonali imma waħda asimettrika kontra għadu illi ma nafux eżatt min hu u fejn ser jitfaċċa jew fejn sejjer ixejjer il-mannara qerrieda tiegħu. Imma dan ma jfissierx illi għandna nkunu passivi u nistrieħu wara l-werqa tat-tina tan-newtralità illi għandna fil- Kostituzzjoni tagħna illi fl-artiklu 1(3) tagħha tgħid : "Malta hija stat newtrali li jrid attivament jilħaq il-paċi, is-siġurtà u l-progress soċjali fost in-nazzjonijiet kollha billi jħaddan politika ta' non-allineament u jirrofta li jipparteċipa f 'kull alleanza militari." Il-Kostituzzjoni tkompli tgħid illi "Dan l-istatus jimplika b'mod partikolari, illi: (a) l-ebda bażi militari barranija ma titħalla fuq territorju Malti; (b) l-ebda faċilitajiet militari f 'Malta ma jitħallew jiġu wżati minn xi forzi barranin ħlief fuq talba tal-Gvern ta' Malta, u biss fil-każi li ġejjin: (i) fl- eżerċizzju tal-jedd naturali ta' difiża leġittima f 'każ ta' vjolazzjoni armata tal-area li fuqha rRepubblika ta' Malta għandha sovranità, jew biex tieħu miżuri jew azzjonijiet deċiżi mill-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda; jew (ii) kull meta jkun hemm theddida għas-sovranità, indipendenza, in-newtralità, l-unità jew l-integrità territorjali tar- Repubblika ta' Malta;" Jista' xi ħadd verament igħid illi fil-preżent pajjiżna huwa anqas vulnerabbli milli huma pajjiżi oħra mill-possibilità ta' atti terroristi terribli ? Dak illi jiddistingwi l-Istat Iżlamiku minn gruppi terroristi oħra tal-passat kif ukoll oħrajn tal- kostellazzjoni jiħadista hija illi barra li huma mpenjati f 'attakki terroristi madwar id-dinja, qed jippruvaw jikkonsolidaw ruħhom f 'territorju vast fis-Sirja u l-Iraq kif ukoll f 'partijiet tal-Libja u tal-Afghanistan mal-fruntiera tal-Pakistan. Iridu jistabilixxu mill-ġdid il-Kaliffat, il-gvern iżlamiku illi kien jeżisti fl-ewwel sekli wara Mawmettu. Il-kaliffi kienu jintgħażlu fix- shura, forma ta' konsultazzjoni populari illi x'uħud jikkonsidraw bħala forma rudimentari ta' demokrazija iżlamika. Madankollu, m'hux magħruf b'liema proċess demokratiku ġie magħżul il-kap ta' l-Istat Iżlamiku, Abu Bakr Al Baghdadi illi fid-29 ta' Ġunju 2014 ipproklama il-Kaliffat u ddikjara ruħu bħala kap u kaliff tal- musulmani kollha. Il-waqa' ta' Sabratha f 'idejn l-Istat Iżlamiku ma kienetx ir-riżultat ta' xi battalja qalila fit-tul. Li jidher illi ġara kien illi xi tlett membri tal-Istat Iżlamiku ġew arrestati mill-milizja magħrufa bħala "Sebħ Libjan" illi hija waħda mill-milizji illi jikkontrollaw Tripli. Bosta milizjani tal-Istat Iżlamiku, mid-dehra fil- maġġiorparti tuneżini, daħlu fil-belt fuq tletin pick-up bil-bnadar suwed tagħhom mingħajr ma' sabu l-ebda opposizzjoni sabiex jeħilsuhom. Wara għamlu parata fil-belt. Jidher illi l-Istat Iżlamiku għandu bosta bażijiet barra l-belt fejn il-militanti jiġu ttrenjati. Din m'hix l-ewwel dehra ta' l-Istat Iżlamiku fil-Libja. Tfaċċa l-ewwel darba f 'Ottubru tas- sena l-oħra f 'Derna u f 'Marzu li għadda, il-militanti ta' l-Istat Iżlamiku ħadu l-kontroll ta' bosta bini f 'Sirte, il-belt tat-twelid ta' Gaddafi. Minkejja opposizzjoni qawwija mill-milizja ta' Misurata, l-Istat Iżlamiku progressivament ikkonsolida l-kontroll tiegħu fuq Sirte. Jidher illi matul dawn l-aħħar xhur, l-Istat Iżlamiku saħħaħ sew il-presenza tiegħu fil-Libja. Skond Lorenzo Carlino, analista anzjan tal-IHS (li qabel kienet magħrufa bħala Jane's Information Group) ta' Londra "illum l-Istat Islamiku fil-Libja għandu bejn tlieta u erbat elef milizjani illi jikkontrollaw Sirte kollha, Hawarah, Nawfalia, jiġifieri jikkontrollaw parti twila tat-triq tal-kosta. Imbagħad jinsabu ukoll f 'Bengażi, fejn effettivament issostiwixxew lil Ansar Al Sharia bħala l-forza jihadista principali illi qiegħda tiġġieled it-truppi tal-ġeneral Haftar (jiġifieri tal- gvern uffiċjali libjan ta' Tobruk) u jinsabu f 'Derna fejn Abu Salim u r-rivoluzjonarji pro-Al Qaeda għad ma rnexxielhomx ikeċċuhom definitivament." U issa jinsabu ukoll fil-punent tal-Libja ferm il-bogħod minn Sirte u Bengħażi. Jidher ukoll illi l-Istat Iżlamiku qed jippjana illi jieħu f 'idejh Agedabia, post żgħir ftit il-bogħod mill-kosta nofs triq bejn Sirte u Bengħażi. Agedabia huwa post strateġiku fiż-żona l-aktar sinjura taż-żejt tal-Libja ftit kilometri il- bogħod mil-bjar taż-żejt, oljodotti u l-portijiet fejn jitgħabba ż-żejt kif ukoll fit-triq tas-Sudan, Chad u Niġer. F'dawn l-aħħar xhur, bosta mexxejja militari u ċivili f 'din il-belt ġew assassinati. Imma l-periklu tal-Istat Iżlamiku fil-Libja ma jieqafx hawn. F'Sirte, il-milizjani tal-Istat Islamiku qed iħaddmu simulaturi tat-titjir u skond il-ġurnal sawdita "Asharq al-Awsat", "il-jiħadisti qegħdin jittrenjaw fit-teknika tat-take- off u llandjar tal-ajruplani u fil- komunikazzjoni mat-torri tal- kontroll." Din il-ġimgħa, ġriet ukoll ix-xniegħa illi Al-Baghdadi, illi fil-passat intqal illi kien ferut f 'attakk mill-ajru, qiegħed illum il- Libja wara illi ħa l-kura fit-Turkija. M'hux ta' b'xejn Carlino stqarr "X'ħin tqis kollox, għandi kważi s-sensazzjoni illi l-kapijiet tal-Istat iżlamiku iridu jesaġeraw fil-Libja, biex donnhom jipprovokaw lil min qed jiġġieldilhom fl-Iraq. U dan f 'pajjż li għadu fil-kaos mingħajr armata jew il-'peshmerga' tiegħu." Dan ir-raġunament jagħmel ħafna sens. Aktar ma' l-Kaliffat fis-Sirja u fl-Iraq jiġi attakkat minn bosta bnadi, l-Istat Iżlamiku ser ikollu aktar għalfejn jistabilixxi ruħu fil- Libja illu għadu bla gvern f 'saħtu illi kapaċi jiġġieled it-theddida jiħadista. Suppost iż-żewġ gvernijiet rivali libjani ser jiffirmaw ftehim nhar it-Tlieta u jwaqfu gvern ta' għaqda nazzjonali. J'alla dan il- ftehim jingħalaq u jirnexxi għax il-Libjani qed jirriskjaw bil-kbir illi jitilfu pajjiżhom u jispiċċaw taħt il-madmad ta' grupp ta' nies illi s-salvaġiżmu tagħhom ma jaf l-ebda limitu. Huwa magħruf illi bosta gvernijiet tal-punent huma ferm inkwetati b'dak illi qed jiġri fil-Libja u t-titjiriet bid-droni fuq it-territorju kkontrollat mill-jiħadisti dejjem jiżdiedu. Ma niskantax illi dal- waqt nibdew nassistu ukoll għall-bumbardamenti mill-ajru tal-jiħadisti, kif qed isir fl-Iraq u fis-Sirja. Imma huwa magħruf illi din l-istrateġija waħidha jkollha suċċess limitat u jkun meħtieġ ukoll operazzjonijiet militari fuq l-art. Wieħed jittama illi dawn ikunu jistgħu jsiru minn armata libjana ġdida u magħquda. Nistgħu nibqgħu bierda quddiem din it-theddida serja ftit lil hinn mill-kosta tagħna ? Min ma jagħrafx il-periklu jiħadista anke lejn pajjiżna qajla jista' jkun responsabbli. Ma nistgħux nistrieħu fuq il-provvediment tal- Kostituzzjoni sabiex nipproteġu ruħna minn din it-theddida. Il- Kostituzzjoni stess tipprovdi illi il-gvern Malti jista' jippermetti l-użu tal-faċilitajiet militari minn forzi barranin f 'każ ta' theddida lis- sovranità jew l-integrità territorjali maltija. Imma verament dan il- provvediment huwa anakronistiku, speċjalment wara li llum m'għadniex fil-gwerra l-bierda. Quddiem it-theddida xejn konvenzjonali tal-preżent, l-iskemi tal-passat m'għadhomx aktar igħoddu u ma nistgħux ninjoraw il-perikli illi pajjiżna jaffaċja. Aktar minn qatt qabel, pajjiżna jrid jagħmel l-għażliet tiegħu sabiex jassigura l-paċi u l-istabilità u dan ifisser ukoll illi wieħed jara kemm il-Kostituzzjoni għadha tgħodd fiċ- ċirkosanzi tal-lum. Min jilludi ruħu altrimenti qajla jista' jkun ta' ġid għall-pajjiż. "Din m'hix l-ewwel dehra ta' l-Istat Iżlamiku fil-Libja. Tfaċċa l-ewwel darba f 'Ottubru tas-sena l-oħra f 'Derna" Joe ellis Opinjoni Gwerra u Paċi