Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/614943
Il-Ħadd 13 ta' Diċembru 2015 | illum 19 I d-dibattitu ambjentali fil-pajjiż qed irabbi l-għeruq. Iktar nies huma konxji ta' dak li qiegħed jiġri. Peró dan mhux rifless biżżejjed fil-mod kif in-nies iġġib ruħha. F'dan is-sens għadna ftit lura. Imma, wara kollox, dan huwa proċess li jieħu żmien mhux żgħir biex minn għarfien aħjar ngħaddu għall-impenn. Waħda mid-diffikultajiet li rridu naffaċċjaw kuljum hi l-frammentazzjoni tas-settur pubbliku b'mod li r-riżorsi li għandu, il-pajjiż ma jagħmilx użu tajjeb biżżejjed tagħhom, għax dawn huma mifruxa żżejjed. Il-qasma tal-MEPA f 'żewġ awtoritajiet jiena nħares lejha f 'dan is-sens. Il-MEPA ma kinitx qed taħdem tajjeb, imma li taqsamha f 'żewġ biċċiet, qatt ma kienet soluzzjoni, għax kull waħda miż-żewġ biċċiet qatt mhu se tkun b'saħħitha biżżejjed, l-anqas fil-qasam tagħha. Il-MEPA ma kinitx b'saħħitha biżżejjed minħabba li fil-ħidma tagħha tul is-snin, qatt ma poġġiet l-interess tal-komunità sħiħa fiċ-ċentru tal-ħidma tagħha. Dejjem iffukat fuq l-iżvilupp tal-art u assigurat li l-bqija ta' ħidmieta ma jtellifx dan l-iskop primarju. Meta fl-2002 l-ambjent ingħaqad mal-iżvilupp tal-art f 'awtorità waħda, kien hemm opportunità tad-deheb, li sfortunatament ma ġietx użata sewwa. F'pajjiż żgħir bħal tagħna, l-eżistenza ta' awtorità waħda għall-ambjent u l-ippjanar għall-użu tal-art kienet opportunità unika biex il-ħidma ambjentali tkun iffukata u effettiva. (Il- ħidma ambjentali tinkludi l-ippjanar għall-użu tal-art.) Minflok, din l-opportunità intużat ħażin. Kien hemm il- possibilità ta' sinerġija, imma din ġiet skartata. Minflok, ġie assigurat li d-Direttorat tal-Ambjent jibqa' bla riżorsi umani u tekniċi inkluż bla direttur għal diversi snin, kif għadu sal-lum li qed nikteb. Kif kien, bla snien u bla idejn, id-Direttorat tal-Ambjent ftit seta jkun effettiv. Fil-bidu ta' din il-ġimgħa ġiet konkluża d-diskussjoni fil-Parlament biex il-MEPA tinqasam mill-ġdid f 'żewġ awtoritajiet: awtorità għall-ambjent u oħra għall- ippjanar għall-użu tal-art. Il-liġijiet li tressqu f 'ħafna aspetti huma identiċi għal- liġi l-qadima, bid-difetti b'kollox. Kull waħda miż-żewġ liġijiet ewlenin ippreżentati, fiha lista ta' prinċipji li qegħdin hemm biex iservu ta' gwida għall-Gvern, u anke għall-awtoritajiet il-ġodda nfushom, dwar il-mod kif għandhom jaġixxu. Imma, sfortunatament dawn tħallew biss bħala prinċipji fuq il-karta għax mhuwiex possibli li ċittadin ordinarju inkella għaqda ambjentali tmur il-Qorti bl-insistenza li dak li l-Parlament approva fil-prinċipju, jitwettaq. Din mhix xi ħaġa ġdida, għax dan id-difett fil-liġijiet ġie kkupjat mil-liġi l-qadima li fis-sustanza tgħid l-istess affarijiet. Bid-difetti kollha tal-liġijiet, dawn jitħaddmu, tajjeb jew ħażin, skond x'tip ta' persuni jinħatru biex imexxuhom. Kellna, u għad għandna, kemm persuni kapaċi kif ukoll persuni li mhumiex kapaċi biex imexxu dawn it- tip ta' awtoritiajiet. Kultant, xi persuni kapaċi ddakkru mill-bqija. Qatt mhu tajjeb li l-Gvern jiddeċiedi waħdu dwar il- persuni li għandhom ikunu fdati bit-tmexxija ta' dawn l-awtoritajiet. Il-prattika fl-Unjoni Ewropea u anke fl-Istati Uniti tal-Amerka hi li l-persuni li jinħatru jkunu mgħarbla fil-pubbliku minn kumitati tal-Parlament. Il-proċess fl-Istati Uniti tal- Amerka huwa ħafna iktar rigoruż minn dak fl-Unjoni Ewropea. Hemmhekk anke l-imħallfin prospettivi jgħarblu, u mhux l-ewwel darba li kien hemm persuni nominati li ma kisbux l-approvazzjoni biex jinħatru. Dan ifisser li wara li l-Gvern jinnomina lill- persuni li għandhom imexxu, dawn jidhru quddiem kumitat parlamentari li jistaqsihom diversi mistoqsijiet, u jiddibatti magħhom il-fehmiet u l-esperjenzi tagħhom relatati mal-oqsma differenti ta' ħidma tal-awtorità li jkunu ġew nominati biex imexxu. Dan isir biex ikun stabbilit jekk humiex kompetenti biex imexxu. Hi sistema li meta tkun addottata għandha sservi ta' xprun fuq il-Gvern tal-ġurnata biex joqgħod iktar attent dwar il-persuni maħtura, għax id-difetti jew in-nuqqasijiet tagħhom b'dan il-mod hemm ċans tajjeb li jiġu esposti immedjatament. Din il-proposta saret kemm fil-manifest elettorali tal- Alternattiva Demokratika, kif ukoll fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista. Fil- Parlament f 'dawn il-ġranet, ġew ippreżentati proposti f 'dan is-sens kemm minn Marlene Farrugia f 'isem Alternattiva Demokratika kif ukoll minn esponenti tal- Partit Nazzjonalista. Minkejja li kien hemm l-opportunità ta' kunsens dwar dawn il-proposti, il-Gvern sfortunatament għażel li jirreżisti dak li kien ikun ċertament pass kbir 'il quddiem fil-kontabbiltà tat- tmexxija tal-awtoritajiet. Kien biss nhar il- Ġimgħa 4 ta' Diċembru, li waqt id-diskussjoni pubblika organizzata mill- Kummissjoni Ambjent tal-Knisja li l-Prim Ministru iddikjara li l-Partit Laburista m'abbandunax l-idea imma li għadu qed jiżviluppa qafas li jkun japplika għal firxa wiesa' ta' awtoritajiet. Filwaqt li dan hu tajjeb jibqa' l-fatt li intilfet opportunità unika fid-dibattitu parlamentari li tiġi introdotta s-sistema tal- għarbiel bi prova fil-qasam li hi l-iktar meħtieġa, dak ambjentali. Għax wara koIlox huma dawk afdati bit-tmexxija li jistgħu jagħmlu d-differenza, anke jekk il-liġijiet jibqgħu difettużi. Għalhekk hemm il-ħtieġa li ngħarblu aħjar il-ħatriet li jsiru, illum qabel għada. Hu b'hekk li l-għarfien aħjar tal- obbligi ambjentali tagħna nistgħu nittrasformawhom f 'awtoritajiet impenjati bis-serjetà biex jagħmlu dmirhom. Carmel Cacopardo huwa l-Viċi Chairman tal- Alternattiva Demokratika cacopardocarm@gmail.com Opinjoni Carmel CaCopardo L-għarbiel hu meħtieġ "Il-Gvern, sfortunatament għażel li jirreżisti dak li kien ikun ċertament pass kbir 'il quddiem fil-kontabilità tat-tmexxija tal- awtoritajiet"