Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/618153
Il-Ħadd 20 ta' Diċembru 2015 | illum 17 I l-politika m'għadhiex bħal ta' dari, u meta ngħid hekk mhux qiegħed immur 'il bogħod ħafna, qisu kollox kien jgħaddi. Ma kienx hawn liġijiet u pubbliku b'saħħithom biżżejjed biex jishru u jgħassu lill- Gvern tal-ġurnata. Anke l-lingwaġġ politiku kien għal kollox differenti. Jekk illum tuza l-Malti idjomatiku, malajr tiġi fl-inkwiet. Dik li llum tissejjaħ korrettezza politika tinsisti li anke l-idjoma tista' tkun offensiva. Fejn naf jiena, jekk ngħid lil xi ħadd, "Mela jiena iswed?" għax ikun qabiżni jew ħallieni barra, hemm ċans tajjeb li tkun akkużat li inti razzist. Darba minnhom sibt ruħi fl- inkwiet għaliex f 'artiklu li deher fil- Kullħadd li ma kontx qrajt, l-awtur bagħat lil Natalino Fenech isib xi Grieg. Xlewni bl-omofobija u jekk ma tridx, Lou Bondi, dak li llum tgħallaq, dejjem metaforikament, b'ħabel tad-deheb, saħansitra ħareġ jgħajjarni sodomista. Għaliex illum, ġieli b'sinċerità, u ġieli b'ipokrezija, l-opinjoni pubblika saret aktar sofistikata mill-bieraħ. Dan ma jingħadx biss għal dik li hija idjoma jew korrettezza politika, iżda aktar għall-mod kif jiġu amministrati l-fondi pubbliċi u jġibu rwieħhom il-politiċi anke fil- ħajja privata tagħhom. M'għandniex xi ngħidu, il-media soċjali u elettronika tat biċċa għodda tajba, ġieli anke ħażina, f 'idejn dawk li sa ftit ilu kienu spettaturi, u li llum b' Facebook, Twitter u dominji elettroniċi oħra saru protagonisti jekk mhux ukoll parteċipanti fil-politika aktar mill-politiċi nnifishom. Għalhekk hemm kuntrast kbir ma' dak li kien isir dari. Kieku Joe Cassar kien politiku 25 sena ilu, x'aktarx ma kienx ikollu għalfejn jirriżenja, jekk mhux ukoll ħadd ma kien jagħti każ. Kieku l-każ ta' Ian Borg seħħ tletin sena ilu, żgur li ma kienx jagħmel aħbar. Kien hemm żmien meta li tkun fil-politika kien mistenni li ċċaqċaq il-qasba dwarek daqslikieku kienet parti mill-ħajja tal-politiku. M'għandniex xi ngħidu, kienu żminijiet fejn iċ-ċittadin kien iħossu parteċipi darba kull ħames snin biex fil-ħames snin ta' wara, jidħol f 'ibernazzjoni twila sakemm jerġgħu jaslu l-elezzjonijiet. Dawk kienu żminijiet meta ċ-ċittadin kien tassew jivvota b'saqajh biss. Iżda llum mhux hekk. Lanqas jilħqu jiġu ppubblikati r-riżultati tal-elezzjonijiet li ma tibdiex il-kritika u ċ-ċensura. Partiti politiċi, gazzetti, l-istituzzjonijiet u l-pubbliku in ġenerali bil-media soċjali, li ma jibdewx iqattgħu fil-Gvern tal-ġurnata kull meta jonqos f 'xi ħaġa jew ma jimxix kif suppost. Illum, iċ-ċittadini jibqgħu għaddejjin għal ħames snin kollha tal-Gvern u jużaw, moħħhom u idejhom apparti saqajhom. Il-kapitlu politiku għal min jirbaħ elezzjoni ma jingħalaqx. Anzi jinfetaħ kapitlu ġdid. Il-każijiet dwar tehid ta' artijiet u proprjetajiet tal-Gvern jagħmlu storja ħafna aktar minn qabel, u allaħares ma kienx hekk. Sa 40 sena ilu, ma kienx hawn liġijiet li jikkontrollaw lill-Gvern, kif u b'liema mod seta' jagħti biċċa art tal-poplu lil xi persuna privata. Kien fl-1976 li għaddiet liġi li bis-saħħa tagħha, l-gvern ma seta' jiddisponi minn proprjetà tal-poplu jekk mhux b'sejħa pubblika jew b'resoluzzjoni tal-Parlament. Qabel dik id-data, il-proprjetà tal-poplu kienet tingħata mingħjar ħtieġa ta' formalitajiet u bil-ħabi totali. Fil-fatt, kien hawn min sar sinjurun minn fuq din is- sistema li llum hija inkonċepibbli. Hija ħaġa tajba għalhekk li llum, iż-żewġ partiti jaqblu fuq proposti ta' aktar trasparenza u liġijiet li jkunu ċari daqs il-kristall. Liġijiet li ma jippermettux li l-ewwel issir il-froġa u mbagħad insiru nafu biha żmien wara b'xi rapport tal-Awditur Ġenerali jew b'kumbinazzjoni bħalma ġara fl-Enemalta jew f 'Mater Dei. Aktar minn hekk, irridu ntejbu l-liġijiet tagħna sal-punt li l-politiku ma jdurx magħha b'ħafna legaliżmi, u xorta jagħmel dak li kien isir 40 sena ilu. Jekk jiġri hekk, agħar minn 40 sena ilu, għaliex filwaqt li xorta jkun hemm element ta' arbitrarjetà, din id-darba tkun legali! Nagħti eżempju ta' dak li qed ngħid. Meta inbiegħu l-Mid Med Bank u l-Maltacom, huwa minnu li l-Gvern biegħ u trasferixxa l-ishma li kellu. Teknikament ma biegħx proprjetà, iżda fir-realtà, kemm il-Mid Med Bank, kif ukoll il- Maltacom kellhom patrimonju kbir ta' bini u artijiet. Tant huwa minnu dan, li fil-każ tal-Maltacom, kulhadd inħasad meta sirna nafu li biċċa art daqs erba' grawnds tal-futbol 'prime site' fil-Qawra kienet għaddiet bi żball lil Telecom, meta suppost ma kellhiex tkun parti mill-assi tat- trasferiment. Dan ġara u għadu jista' jiġri, għaliex fid-definizzjoni ta' proprjetà li jista' jitrasferixxi kull Gvern b'offerta pubblika jew b'risoluzzjoni tal-Parlament, l-ishma li għandu l-Gvern f 'kumpaniji li għandhom ħafna proprjetà immobiljari, mhumiex inklużi. Strettament, ma nafx għaliex, għax fl-aħħar mill-aħħar, anke għall-korrettezza politika, il-Gvern dejjem jaqbillu li jmur quddiem il-Parlament, mhux biss għaliex hekk tiddetta r-raġuni, iżda sabiex ukoll ma jkunx kritikat li mhux qed ikun trasparenti. Aktar ma jkunu pubblikati rapporti tal- Awditur Ġenerali li jiċċensuraw lil min jiggverna u aktar mal- istituzzjonijiet joħorġu d-difetti fil- governanza, aktar tinħass il-ħtieġa ta' miżuri preventivi fil-liġijiet. Għalhekk kienet deċiżjoni tajba, li fl-ewwel ftit ġimgħat ta' dan il-Gvern, tneħħiet il-preskrizzjoni ta' reati kontra persuni pubbliċi u ddaħħlet il-Whistleblower Act. Tajjeb ukoll li dalwaqt tidħol ukoll il-liġi tal-finanzjament tal-Partiti, għaliex b'dawn il-liġijiet, l-abbużi jitbiegħdu aktar. Liġijiet li ilhom 'il fuq minn 25 sena biex isiru. Dan indipendentement minn jekk min qiegħed jiggverna hux għal kollox korrett f 'dak li jagħmel u jiddeċiedi. Fl-aħħar mill-aħħar, ikollok kemm ikollok liġijiet tajbin ir-riżultat jiddependi mill-mod kif iġib ruħu l-Gvern tal-ġurnata. Hija ħasra li ħafna partiti jiftakru kif kellhom iġibu rwieħhom fil-Gvern meta jmorru fl-Oppożizzjoni. Dak l-ikrah meta d-demokrazija ma titħaddimx sewwa, li min żbalja jintebah bl- iżball meta ma jkunx għadu fil-poter. Issa rridu nagħmlu qabża fil-kwalità: li nintebħu bl-iżball meta nkunu fil-Gvern u nkunu għaqlin biżżejjed mhux biss li nirranġaw l-iżball iżda li ma nirrepetuhx. Agħar minn hekk m'għandniex nużaw il-korrettezza bħala karotta...s'intendi elettorali! Toni AbelA Opinjoni Korretti u mhux karrotti "Kieku l-każ ta' Ian Borg seħħ tletin sena ilu, żgur li ma kienx jagħmel aħbar" Is-Segretarju Parlamentari Ian Borg