Illum previous editions

ILLUM 20 December 2015

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/618153

Contents of this Issue

Navigation

Page 18 of 39

Il-Ħadd 20 ta' Diċembru 2015 | illum 19 D an huwa żmien sabiħ, ikkaratterizzat minn solidarjetà ma' dawk anqas ixxurtjati minnha kemm materjalment kif ukoll fiżikament.Huwa żmien sabiħ ta' għaqda fejn niftakru f 'dawk vulnerabbli iżda li jagħmlu wkoll parti mis-soċjetà tagħna. Hawnhekk, ma nistax ma nsemmix il-bżonn li niftakru fil-ħajja umana sa mill-bidu nett tagħha, fl-embrijun uman li hu wkoll vulnerabbli u jeħtieġ li jibqa' protett fil-liġi Maltija kif inhu s'issa. Malli l-isperma tiffertilizza l-bajda, hemm ħajja umana ġdida. Ħajja umana fil-bidu nett kif konna jien u int. Ħajja ġdida, mhux oġġett, bil-ġenetika unika ta' bniedem ġdid, ħajja unika ġdida. Għalhekk, meta nitkellmu dwar l-embrijun uman, nitkellmu dwar wieħed minnha. Dan l-aħħar, smajna li għandu jkollna għażla fl-IVF bħal pajjizi oħra barra minn Malta. Iżda ma nistgħux inqabblu lil Malta ma' pajjiżi oħra f 'dan l-aspett. Dan għaliex tista' tgħid li l-pajjizi kollha tal-Ewropa tilfu r-rispett tal-ħajja. Iva, tilfu r-rispett tal-ħajja fejn annimal hu aktar protett minn tarbija fil- ġuf. Idħlu fl-internet u araw l-istejjer regolari ta' tfal misjuba mormija f 'xi park jew skip, abbandunati. Saret xi ħaġa ta' kuljum. Imbagħad, xi ngħidu dwar in-numru ta' tfal maqtula bl-abort. Numru li jkexkxek... miljuni. Ġenerazzjoni ta' tfal b'ħajjithom maħsuda f 'isem l-għażla libera. Dan mhux avvanz tas-soċjetà! Allura, jekk dawn il-pajjiżi lanqas jagħtu valur lit-tarbija fil-ġuf, aħseb u ara kemm se jagħtu kasha meta tkun ferm iżgħar fl-istadju tal-embrijun. Għalihom, li tiffriża ħajja, li tarmi ħajja, li tagħżel ħajja minn oħra, ma tagħmlilhomx differenza. Mhux bħalna. Għalina, kull ħajja umani għandha valur. Aħna, dawn l-affarijiet ma nagħmluhomx, u ma rriduhomx jiġru f 'pajjiżna. Fil-liġi tal-Protezzjoni tal-Embrijun Uman, mhux permess li tiffriża ħajjiet. L-embrijuni umani huma trasferiti fil-ġuf ta' ommhom u jingħataw iċ-ċans li jitwieldu. Jiġu ffriżati biss il-bajd tal- mara, mhux ħajjiet umani. Dan il-bajd iffriżat jinżamm biex jekk hemm bżonn, jintuża f 'ċiklu ieħor. L-iffriżar tal-embrijuni jwaqqaf il-ħajja taghhom, ipoggihom fil-friża, u jipperikolalhom ħajjithom ghax mill-inqas 10% imutu fil- proċess tat-thawing. Huwa proprju għalhekk li fil-Ligi tal-Protezzjoni Tal-Embrijun uman mhux permess li tiffriża ħajjiet bħala regola, iżda biss fl- eċċezzjoni straordinarja. Każ ta' eċċezzjoni jew kontingenza ma japplikax fil-ligi in ġenerali, biex inkunu ċari. Min qed jgħid li l-iffrizar jeżisti bħala regola, mhux qed jgħid is- sewwa! Jekk verament irridu ngħinu l-koppji, jistgħu jingħataw aktar cycles mingħajr ħlas. Nistgħu ninvestu f 'taħriġ tal-istaff tagħna f 'ċentri li għandhom rati ta' suċċess ogħla minn tagħna f 'Malta! Jekk verament l-intenzjoni hi li ngħinu l- koppji, u fl-istess ħin nipproteġu l-ħajja, dan għandu jkun prijorità. Inħallu lill- koppji liġi ta' serħan il-moħħ, kif għandna bħalissa fejn ma jridux joqogħdu jhewdnu li għad baqalhom ħajjiet fil-friża, ulied li ma jistgħux iwelldu, aħwa tat-tfal li diġà għandom! Pajjiżna jiftaħar bl- ugwaljanza. Din is-sena ftaħarna li ksibna livelli ogħla ta' ugwaljanza. Aħna wkoll f 'pajjiżna rridu nkomplu naraw li jkun hawn ugwaljanza: ugwaljanza fejn kull ħajja tkun protetta. Ugwaljanza fejn kemm jekk jiena fl-istadju ta' embrijun, kemm jekk jien fi stadju ta' tarbija fil-ġuf, kemm jekk twelidt, jekk kbirt, jekk għandi diżabbiltà, jew jien anzjan fl-aħħar ta' ħajti, hemm post għalija, protett fis-soċjetà. Din hi l-ugwaljanza ta' veru li tagħti soċjetà umana. Ugwaljanza ġenwina tagħti kas l-interess tat-tfal mhux tagħmel lit-tfal oġġett għas-sodisfazzjoni tal-kbar. X'ugwaljanza hi dik li tagħżel żewg embrijuni minn ħamsa, u tagħtihom il-ħajja fil-ġuf ta' ommhom iżda tħalli lil ħuthom, it-tlieta l-oħra f 'futur inċert fil-friża, kif propost? X' responsabbiltà hi dik li toħloq tfal li intenzjonalment se jiġu mċaħħda mill-omm jew il-missier ġenetici tagħhom apposta? Id-donazzjoni tal-bajda u tal-isperma hekk tagħmel, toħloq tfal abbandunati mill-ġenitur ġenetiku tagħhom. Din mhux karità, li intenzjonalment iċċaħħad l-ulied mill-ġenituri bioloġiċi tagħhom. Karità hija l-addozzjoni, li b'imħabba kbira, trabbi u tħobb tfal daqs li kieku tiegħek għax għal xi raġuni m'għandomx ġenituri tagħhom. Issa, fl-isem ta' ugwaljanza falza, nippruvaw nargumentaw li l-liġi tagħna f 'Malta teskludi lil xi ħadd. F'isem ugwaljanza falza, smajna min jippromwovi aċċessibbiltà tal-IVF lil min hu single jew koppji tal- istess sess. Kontradizzjoni sħiħa fejn id-drittijiet tat-tfal jintesew għal kollox. Li koppja tal-istess sess ma jkollomx tfal b'mod naturali, mhux diskriminazzjoni iżda natura. Bħala konklużjoni, nixtieq nispiċċa b'appell. Ejjew nibqgħu sodi f 'dan il-valur tal-ħajja. Huwa vera li Malta hija żgħira fid-daqs iżda Malta dejjem kienet kbira fil-qalb. Naqra ta' gżira f 'nofs il-Mediterran, iżda li dejjem għamlet differenza, anke fl-istorja tad-dinja. Ejjew nibqgħu nagħmlu differenza, illum ukoll. F'dinja li kull ma jmur qed tiżvaluta l-ħajja, ejja nibqgħu niddefenduha aħna l-Maltin mingħajr kompromessi. Ħallu l-liġi li tipproteġi l-embrijun uman tkompli taqdi dmirha u verament tipproteġi l-ħajja. Dr.Miriam Sciberras hi ċ-chairperson ta' Life Network Malta www.lifenetwork.eu chairman@lifenetwork.eu Opinjoni MIRIAM SCIBERRAS L-Għożża tal-Ħajja Umana "Il-pajjiżi kollha tal-Ewropa tilfu r-rispett tal-ħajja. Annimal hu aktar protett minn tarbija fil-ġuf " "Ejja nħallu lill-koppji, liġi ta' serħan il-moħħ kif għandna bħalissa, fejn ma jridux joqogħdu jhewdnu li għad baqalhom ħajjiet fil-friża, ulied li ma jistgħux iwelldu, aħwa tat-tfal li diġà għandom" Uħud mill-persuni li attendew dimostrazzjoni fil-Belt favur il-ħajja, li saret ftit ġimgħat ilu

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 20 December 2015