Illum previous editions

27 Dicembru 2015

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/620226

Contents of this Issue

Navigation

Page 16 of 35

Il-Ħadd 27 ta' Diċembru 2015 | illum 17 G ħaddiet sena. U fl-aħħar tal- 2015 għandi mistoqsija waħda li nixtieq nistaqsi lill-Prim Ministru. Possibbli ma tħossokx xi ftit jew wisq irrabjat? Ħa nfiehem lili nnifsi aħjar. Jien dejjem tlajt fil-biża' mill-Labour. Għal żmien twil, konna nitilgħu l-mass meetings tal-PN b'ċerta fervur u orgolju, speċjalment fiż- żmien meta kellna l-għażla nidħlux fl-Unjoni Ewropea jew le. Dak iż-żmien lanqas kieku kien jiġi l-arkanġlu t'Alla mis-sema jgħidli li xi darba se nivvota Labour ma kont nemmnu. Ma tarax! Nivvota lill-Labour? U tgħid mhux hekk. Il-Labour kellu wisq immaġini ħażina. Bin-Nazzjonalisti nafu fejn qegħdin u nafu fejn irridu mmorru għax għandhom viżjoni. Il-viżjoni tal-Labour? "Parntership, l-aqwa għażla," bil-kliem kantat jekk jogħġbok. Le, grazzi. Għal eluf kbar ta' nies li llum qegħdin fit-tletinijiet, il-Labour kien ifisser biss għaks tal-passat, qamel, TV bla kulur u vjolenza fit-toroq. Għalija n-Nazzjonalisti biss kienu kapaċi jmexxu. Nagħmlu naqra 'fast forward' u naqbżu l-ovvju, jiġifieri l-LGBT Labour u dak il-billboard li apparti li qallgħani skoss prositijiet, u r-rimarki ta', "int miġnun" jew "mur għand psikjatra" u patallott żebgħa mal-bieb, dejjem ifakkarni fuq kemm għandi bżonn mmur niġri ġirja. Naslu għall-2013. Jien flimkien ma' eluf oħrajn iddeċidejna li kien wasal iż- żmien li nħallu l-preġudizzji warajna u nivvutaw Labour. 'Fast forward' ieħor u niġu għall-lum. Mela kontra kull ma stajt emmint għal snin twal, l-ekonomija taħt il-Labour sejra tajjeb ħafna. Kellna sena rekord fit- turiżmu, is-suq tal-proprjetà għaddej minn l-aqwa żmien tiegħu fi snin u, ħa ngħidlek, l-ewwel baġits tal-Labour kienu qishom dawk li kien jagħmel il-PN qabel l-elezzjoni. L-ewwel tliet baġits kienu mimlijin inizjattivi verament tajbin. Child care b'xejn, benefiċċji tal-qgħad li jonqsu bil-mod il-mod, traħħis tad-dawl u l-ilma, l-ewwel żidiet fil-pensjoni u stabbilità fil-prezz tal-fuel u tal-gass. Dawn ħallew impatt pożittiv fuq l-ekonomija. Kif ħallew l-inizjattivi għall-first time buyers u l-benefiċċji għal persuni bi qligħ baxx. Apparti dawn imma, id-defiċit nieżel u l-qgħad qiegħed fl-inqas livelli tiegħu mis-snin 90, jiġifieri s-snin 'glorjużi' tal-PN fil-Gvern. Mela Labour does work after all! L-industrija tal-films qed tesperjenza l-akbar tkabbir li qatt kellha, Għawdex qed jara żidiet f 'kważi kull qasam u l-inizjattivi li qed jittieħdu fil-qasam edukattiv għal sistema iktar inklussiva huma inkoraġġanti ħafna. U mhux se nsemmi liġijiet bħal dik tal-whistleblower u l-finanzjament tal- partiti, li kellu jkun dan il-Gvern li jaqbadhom mill-qrun u jibda jaħdem fuqhom wara li kienu ilhom snin jiġbru t-trab. Allura, possibbli, ma tħossokx frustrat Joseph, meta tara li dawn il- kisbiet li kellu u li qed ikollu l-pajjiż qed ikunu totalment minsijin taħt muntanja ta' 'żbalji' li qed iwettqu ċerti nies li suppost jafu aħjar? Ma tirrabjax meta tara xhur ta' xogħol biex ikunu mwettqin miżuri pożittivi, itiru mar- riħ għax xi ħadd għandu għajnejh ikbar minn żaqqu? Għandek nies madwarek li rnexxielhom jagħmlu dak li n-Nazzjonalisti damu snin biex għamlu, jiġifieri li jibnu torri tal-avorju, jintefgħu jiffoxnaw fih u jaħsbu li kulħadd paxxut bħalhom. Għandek nies li sa qabel l-elezzjoni kienu jmorru jħabbtu l-bibien, mhux tiegħi ta' għax Buġibba ħadd ma jiġi jħabbat, imma ta' Laburisti li ilhom jaħdmu għall- Partit minn meta twieldu u li llum għat-taparsi ma jafuhomx. Tkellem Laburisti li jgħidulek , "wegħduni din" jew "wegħduni dik" u "bqajt b'xejn". Wasal iż-żmien li xi ħadd mill-Partit Laburista jara min għamilhom dawn il-wegħdi u min għamilhom iqabbad lil min hemm taħtu biex minflok joqgħod tiela u nieżel Triq ir-Repubblika jħossu xi prima donna, jattwa dak li kien mwiegħed fuq bażi personali. Wasal iż- żmien li min ilu jistenna u jaqla fuq rasu, fl-armata biex nagħti eżempju, jingħata dak li ħaqqu u li l-partit jiftakar li vera li l-iswitchers bħali kellna parti importanti fir- rebħa Laburista, imma l-Partit Laburista mhux tal- iswitchers biss. Il- Partit Laburista jaf il-bidu tiegħu lill-partitarji Laburisti li llum għal xi raġuni jew oħra, minoranza konsiderevoli tagħhom qed iħossuhom 'il bogħod mill- istess Partit Laburista. Issa naf li hemm min qed jippretendi wisq u naf li hemm min saħansitra qed jippretendi l-impossibbli, però l-isfortuna hija li meta għandek ċerti nies qed jibilgħu u jitħanżru u qed jagħmlu dan fil-pubbliku ma tagħtix tort lil Ċikku u Peppi li jgħidlek "la dak qed jitħanżer dak, jien irrid nitħanżer ftit ukoll." Imbagħad din is-sena kellek każ wara l-ieħor imbarazzanti ta' Ministri u Segretarji Parlamentari bħal Michael Falzon li jekk mhumiex ħatja huma, ħatja dawk ta' madwarhom li għax tela' l-Gvern tagħhom, u minn xejn saru ħafna, f 'daqqa waħda ħasbu li saru allat. Il-problema ta' dawn l-armata ta' nies huwa li minkejja l-ħafna laqmijiet kbar biex mingħalihom jimpressjonaw, tant ma jifhmux kazz fil- politika li minflok, tal-inqas, fottew b'mod intelliġenti bħalma kienu jagħmlu n-Nazzjonalisti, marru jaħraw fejn jarahom kulħadd. Dawn x'jinteressahom! Mhux huma jridu jidhru quddiem il-poplu. Dawn joqogħdu jippamplaw, għax il-Partit jew il-Ministru tahom l-arja, imbagħad meta niġu għas-si u n-no, addio partit u Joseph Muscat. Intuli tistrieħ fuq il-pastażati ħoxnin li saru taħt in- Nazzjonalisti, għax l-impressjoni hawn barra hija li l-Labour qed jitpastas daqs in-Nazzjonalisti. Qaċċat, warrab, aqta' u naqqas, Joseph fejn hemm bżonn u fejn jeħtieġ. Nies li qed jirkbu l-karru tiegħek u jippopoaw sidirhom f 'isem il-Labour biex imbagħad bid-defiċjenza madornali tagħhom u bl-istint korrott tagħhom qed iffottu l-ħidma tal- Gvern tiegħek, m'għandekx x'tambihom. Ma noqogħdux nippretendu li kienet xi sena fantastika għall-Labour, għax ma kinitx. Ma noqogħdux nippretendu anqas li l-Labour għadu b'xi 36,000 vot minn fuq in-Nazzjonalisti, għax m'għadux. Pero l-poplu u dawk li fdawk għadhom qed jittamaw li tqaċċat dil- ħafna arja żejda li rabbew xi nies għax telgħalhom il-poter għal rashom. Qed tagħmel xogħol eċċellenti fl-ekonomija u f 'dak li jolqot lill-poplu b'mod dirett. Żbalji qed tagħmel ukoll ħa nifthiemu, u fl-ambjent ma tantx qed timpressjona wisq. Imma kollox ma' kollox, dan il-pajjiż illum huwa iktar b'saħħtu milli sibtu. Mela kemm se ddum tħalli erba' opportunisti korrotti iffotulek ix- xogħol tajjeb ħafna li qed jagħmel dan il-Gvern? Albert Gauci Cunningham huwa l-editur tal-gazzetta ILLUM Opinjoni Ismagħni naqra Ġuż ... Albert GAuci cunninGhAm "Ma tirrabjax meta tara xhur ta' xogħol biex ikunu mwettqin miżuri pożittivi, itir mar-riħ għax xi ħadd għandu għajnejh ikbar minn żaqqu?" "Vera li l-iswitchers bħali kellhom parti importanti fir-rebħa Laburista. Imma l-Partit Laburista mhux tal-iswitchers biss"

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - 27 Dicembru 2015