Illum previous editions

27 Dicembru 2015

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/620226

Contents of this Issue

Navigation

Page 17 of 35

Muntanji ħodor Kull sena ninħasad ftit aktar mis-sena ta' qabel. Għal dawn l-aħħar tnax-il sena ilni nqatta' l-vaganzi tal-Milied u l-aħħar tas- sena fl-Ewropa ċentrali. L-ewwel darba li rsaqt 'l hawn kien f 'lejl kiesaħ jxoqqlok għadmek, b'xi għaxar gradi taħt iz-zero. Kif xrift mill-ferrovija bżajt li se tiqafli qalbi u riġlejja niżlu jgħoddsu fil-borra li l-bjuda tagħha donnha tixgħel anki bil-lejl. Minn ftit snin ilu 'l hawn m'għadniex nilbsu ż-żarbun speċjali, naqqasna n-numru ta' flokkijiet li konna nilbsu, raqqaqna l-ġkieket, erfajna l-ingwanti u l-kpiepel nilbsuhom biss biex niddandnu naqra. Jien u nikteb fiċ-ċellulari qed jimmarkali temperatura ta' sitta fuq iż-żero, u kif tħares mit-tieqa tara fjuri li s-soltu kienu jinbtu għall-ħabta ta' April. ll-klima tassew inbidlet u s-sinjali qegħdin juru ritmi dejjem aktar mgħaġġla. In-nies tal-lokal, bir-raġun, huma l-aktar li jinkwetaw. Tismagħhom jipparagunaw dari mal-lum. Pereżempju anki jien niftakar kif konna nieħdu gost nieħdu l-kafè ta' filgħodu nħarsu lejn il- qċaċet bojod tal-muntanji. Dalgħodu qgħadna nanalizzaw kemm hu skur l-aħdar tal-istess muntanji. Il-President tar-Repubblika Qed jidhirli li Marie Louise Coleiro Preca tat faċċata ġdida lill-presidenza tar- Repubblika. B'mod speċjali matul dawn il-ġranet kienet, kif ngħidu, kull fejn tħares. L-impenji tagħha jeħduha kullimkien, inkluż fi sptarijiet fl-Ingilterra. Presidenti oħrajn taw bixra aktar formali lill-presidenza, bixra aktar bierda jkolli ngħid. Coleiro Preca, għall-kuntrarju, tidher bħala president li tinkludi lil kulħadd fil-kalendarju tagħha, bi preferenza ovvja għal sezzjonijiet tas-soċjetà li huma batuti u ż-żgħażagħ. Ta' spiss tiġi kkritikata: jew għax fir-ritratt uffiċjali tidher artifiċjali; jew għax tilbes ilbies li ma jixirqilhiex; jew għax, saħansitra, hija simpatika u karitatevoli żżejjed. Biss, il-popolarità tagħha tisboq lil ta' nies prominenti oħrajn, żgur dik ta' presidenti emeriti li forsi f 'isem id-dekor u l-formalità naqsu milli joqorbu lejn in- nies u qagħdu lura. Id-dehra u l-manneriżmi tagħha, meta tiltaqa' man- nies, jagħtuha bixra materna. Filwaqt li naf li qed nissogra li kliemi jiġi interpretat bħala sessist, Coleiro Preca għandha l-kwalitajiet kollha li jillustraw il-maternità kif kienet mistħajla tradizzjonalment: suritha, imġibitha u l-mod kif anki n-nies jirreaġixxu fiżikament fil-preżenza tagħha. Wieħed jista' jargumenta li l-figura ta' president ta' repubblika għandu jkollha komportament differenti minn dak ta' Coleiro Preca, anki għaliex il-presidenza hija, fl-aħħar mill-aħħar, simbolu, personifikazzjoni tal-Istat. Imma jidhirli li wieħed għandu jifhem ukoll li fl-aħħar mill-aħħar l-Istat huwa konglomerazzjoni ta' individwi, bl-esperjenzi u l-istorja tagħhom. Dak li presidenti oħrajn ippruvaw jagħmlu b'suċċess minimu jekk mhux ukoll b'falliment totali, fil-programmi tat-tip ta' Xarabank u, dak iż- żmien, il-programmi ta' Lou Bondi li suppost kellhom iqarrbuna lejn il-president bħala bniedem u mhux simbolu, Coleiro Preca tagħmlu kontinwament mingħajr kameras, irtokk u reġisti li jiddettaw kopjun skont id-direzzjoni televiżiva u r-rekwiżiti kummerċjali. San Silvestru Qatt ma fhimt għala jsir tant kjass bi tmiem is-sena u l-bidu ta' waħda ġdida. Niftakar f 'żgħożiti, wara lejla ta' ikel u xorb u żfin, qrib it-tokki ta' nofs il- lejl ħafna kienu donnhom jidħlu f 'qoxrithom u tant jemozzjonaw irwieħhom li kien jaqbżilhom id- dmugħ jekk ma jagħmlux ukoll xenata sħiħa. Forsi kien ikun il-climax ta' sena dwejjaq u fallimenti żgħar li minn Jannar kienu jakkumulaw sew sa Diċembru u ebda xirja stravaganti ma kienet se ttaffi l-uġigħ tagħha. Ħafna kien ikollhom – u forsi għad hawn min jgħaddi minn din l-esperjenza – intermezz qasir ta' malinkonija kbira bejn ix-xalar tal-aħħar u l-magħmudija tas-sena l-ġdida. Aktarx li dan l-intermezz kien ikun l-anqas parti giddieba tal- lejla kollha. Kuraġġ Hemm dawk li f 'dawn il- jiem kellhom jgħixu l-ironija kerha li tilfu lil xi ħadd għażiż proprju waqt il-qofol tal-festeġġjamenti. Ħafna jibżgħu li jiġrilhom hekk għax jaħsbu li l-festi tal- ferħ jibqgħu mtebbgħa għal dejjem bid-dulur. Imma min bħali għadda mill-esperjenza jaf li ż-żmien isabbar u t-telfa għal-għeżież hija kerha tiġi meta tiġi. Xtaqt li qabel nagħlaq l-aħħar artiklu tiegħi għal dis-sena, ngħaddi kelma ta' kuraġġ lil min tilef lil xi ħadd viċin ħafna tiegħu proprju f 'dawn il-ġranet. Mhijiex esperjenza sabiħa, veru, li ssib ruħek riekeb karozza sewda ssuq wara dak li aħna nsejħulu l-karru, bid-dwal tat- toroq itepetpu, bil-gallariji mixgħula u n-nies iħaffu lejn id-dar ħalli joħorġu għal-lejl tal-Milied. Imma ż-żmien verament jagħlaq il-feriti u għada pitgħada taċċetta li l-ħajja, inklużi l-mumenti tal-ferħ, terġa' lura għan- normal. U wara kollox ... Mill-ġimgħa d-dieħla se jibdew jgħidulna li għandna bżonn innaqqsu l-piż. U se jibdew joffrulna xarbiet light, ikliet low jew no carb. U se jibdew jgħidulna wkoll li għandna bżonn niċċaqalqu u allura se nibdew nisimgħu ħafna bit-tali u t-tali gym. Se jitfaċċaw numru ta' esperti tal-ġisem biex jagħtuna pariri siewja dwar x'għandna nagħmlu biex id-dnubiet li wettaqna tul dawn il-ġranet jinħafrulna. Dan kollu mill- ġimgħa d-dieħla. Għalissa nkomplu naduraw lill-baqra s-smina u nieħdu gost li dawn l-esperti għadhom qegħdin iħejju l-kostum u jagħmlu l-irtokk fil-kamrin ta' wara l-purtiera. 18 illum | Il-Ħadd 27 ta' Diċembru 2015 Noti Waqt Vjaġġ (5) Immanuel mIFSuD Opinjoni "Il-popolarità tagħha tisboq lil ta' nies prominenti oħrajn, żgur dik ta' presidenti emeriti li forsi f 'isem id-dekor u l-formalità naqsu milli joqorbu lejn in-nies u qagħdu lura" Ritratt: Ray Attard

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - 27 Dicembru 2015