Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/620226
Il-Ħadd 27 ta' Diċembru 2015 | illum 19 Editorjal ILLUM, MedIaToday LTd, VjaL Ir-rIĦan, San Ġwann SĠn 9016 Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075 Ittri u Kummenti, Imejl: illum@mediatoday.com.mt L-2015: Traġedji li rridu nitgħallmu minnhom I s-sena li issa waslet fit-tmiem tagħha kienet karatterizzata minn diversi kwistjonijiet, kemm fuq livell lokali kif ukoll fuq livell Ewropew. L-akbar kwistjoni, bla dubju, kienet dik tal-immigrazzjoni lejn l-Ewropa, inkluż lejn Malta. Sfortunatament, lil hinn mill-ħafna pożi, pjanijiet ta' azzjoni u summits, din is- sena se tibqa' mfakkra bħala dik li fiha tilfu ħajjithom eluf ta' nies innoċenti li l-unika dnub tagħhom kien li qed ifittxu ħajja aħjar. Ma nistgħux inkunu onesti magħna nfusna meta nħarsu lura lejn dawn l-aħħar 12-il xahar jekk ma niftakrux f 'dawk is-70 persuna li nstabu mejtin fuq wara ta' vann fil-fruntiera Awstrijaka u numru ta' bnedmin li tilfu ħajjithom jippruvaw jaqsmu lejn l-Ingilterra. Jekk nonqsu li naħsbu fit-tul dwar dawn it- traġedji umani, ikun ifisser li għalina l-ħajja ta' bniedem ma tfisser xejn. Ikun inutli li lokalment nagħmlu kampanji favur il-ħajja umana, liema kampanji għandhom messaġġ pożittiv, jekk imbagħad inħarsu n-naħa l-oħra għax dik il-ħajja mitlufa tkun 'il bogħod minna jew, agħar minn hekk, għax dik il-ħajja tkun ta' xi ħadd ta' karnaġġjon differenti. Hija sfortuna kbira li matul l-2015, minflok għarafna nitgħallmu l-lezzjonijiet tal- passat, għażilna li nerġgħu nirrepetu l-iżbalji tal-passat. Għażilna, bħala Ewropej, li nibnu l-ħitan, għażilna li nkunu b'saħħitna mad- dgħajjef li qed ifittex ħajja aħjar u dgħajfin ma' min qed jisfrutta dik il-ħajja umana. Għax b'mejtin smajna ħafna, imma b'pieni ħorox u ġustizzja tanġibbli kontra kriminali li jixorbu demm dawn in- nies biex iwassluhom fl-'art imwiegħda' ma smajniex. Għaliex? Immaġinaw kieku fost dawk ir-ritratti ta' tfal mejtin imwasslin fuq il- kosta b'ċafċifa tal-mewġ kien hemm ibnek jew bintek. Immaġinaw kemm kienet tkun kerha l-2015 kieku qarib jew ħabib tiegħek kien fost l-2,600 persuna li tilfu ħajjithom fil-baħar Mediterran fl- ewwel nofs ta' din is-sena. Daqstant ieħor jeħtieġ li bħala Maltin, Ewropej, Kristjani u aktar minn kollox umani, inħossuna preokkupati li ħutna Afrikani jew Sirjani qed jitilfu ħajjithom quddiemna. Ma nistgħux nirrakkontaw l-istorja ta' Ponzju Pilatu li ħasel idejh minn Kristu b'sens ta' stmerrija, jekk aħna qed nagħmlu l-istess 2,000 sena wara. U jekk qed nitkellmu dwar l-imwiet, ma nistgħux ma niftakrux f 'dawk li tilfu ħajjithom taħt il-mannara terrorista f 'Pariġi, fis-Sirja, fil-Libja u fil-Lebanon. Tant nies sfaw maqtulin minħabba monstru ikrah li twieled fostna sforz l-inġustizzji u l-indħil politiku tal- passat. Il-ħolqien tal-IS jgħallimna, jekk xejn, li meta ma nkunux attenti u meta nidħlu biex 'insalvaw' poplu u wara nħalluh għal riħu, inkunu qed niżirgħu ż-żerriegħa tal- iskuntentizza u nħallu l-art fertili għal min jikber fl- injoranza. Hekk ġara fl-Iraq u hekk qed jiġri fil-Libja bħalissa. Huwa pożittiv li Malta qed terġa' tikteb l-istorja billi sservi ta' pont bejn iż-żewġ Gvernijiet Libjani u jeħtieġ li fl-2016 Malta tkompli ssegwi dan l-irwol nobbli. Libja aktar sigura, ma jfissirx biss Malta aktar sigura, imma Ewropa aktar sigura, għax inkunu bdejna t-triq biex neqirdu moviment inuman li tħalla jikber wisq matul l-2015. Is-sena li waslet fi tmiemha ma kinitx spettakolari għad-dinja, u speċjalment għall- Ewropa, imma hija s-sena li minnha għandna ħafna x'nitgħallmu. Jalla l-2016 tkun sena li matulha nisimgħu inqas b'imwiet, b'inqas ħitan telgħin u b'inqas attakki fundamentalisti kontra kull min huwa ta' rieda tajba. Hekk jixraq lilna u hekk jixraq lill-umanità.