Illum previous editions

27 Dicembru 2015

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/620226

Contents of this Issue

Navigation

Page 22 of 35

L-interess fil-karozzi, jiddependi ħafna fuq l-individwu u dak li qiegħed jipretendi li jieħu minn karozza. Għal ħafna, karozza jew mutur huma sempliciment biċċa għodda li twasslek minn post sa ieħor, u għal dawn in-nies l-interess fil-vetturi iqum biss kull meta jkunu waslu biex jixtru jew jibdlu l-vettura li jsuqu. Dawn in-nies ifitxxu l-prattikalità, kumdità, ekonomija u forsi estetika. Meta finalment jixtru l-vettura li jixtiequ, jagħmlu l-ewwel ftit gimgħat jew xhur, ferħanin b'dak li xtraw, imbagħad, il-vettura jkollha l-istess importanza daqs il- 'washing machine' jew il-friġġ li għandhom id-dar. L-aqwa li taħdem Nasal biex nifhem lil dawn in-nies u nara similarità fija meta nqis l-attitudni tiegħi għal ċertu affarijiet. Meta nkun qiegħed infittex biex nixtri xi 'appliance' għad-dar, ikun hemm dawk il-ftit ġimgħat meta nibda ndur il-ħwienet u donnu nsir espert fil-kwalitajiet tal-'appliances' li jeżistu, u nkun naf l-ispeċifikazzjonijiet kollha tal-prodotti li hemm fis-suq. Forsi nħares darba jew darbtejn lejn il-friġġ ġdida li nkun xtrajt kull meta nkun fil-kċina, però din l-imħabba tmut wara ftit ġimgħat. Jekk issaqsini illum x'jisimha l-friġġ li għandi bħalissa u għaliex kont għażilt lilha, inbati biex intik risposta. Però fejn tidħol karozza, għal dawk bħali li huma dilettanti jew forsi kelma aħjar, ipassjonati, l-għażla ta' karozza hija differenti. Il-karozza ma tridx tkun biss waħda li taqdik, iżda waħda li taqbel mal-karattru tiegħek, waħda li tqanqallek ċertu emozzjonijiet u waħda li meta tipparkjaha u ssakkarha, terġa' ddur lura u tħares lejha. Filwaqt li magni oħra nħalluhom waħedhom biex jagħmlu xogħolhom, il-karozza tagħmel parti mill- ispazju li nqattgħu l-ħin fih. Il- karozza ssir bħal firma tagħna li tinforma lil dawk li nafu, li aħna qegħdin hemm u b'hekk issir parti mill-identità tagħna. L-għażla li jagħmel dilettant tal-karozzi, mhux dejjem tagħmel ħafna sens. Hawn ċertu karozzi li jagħmlu xogħolhom perfettament u huma ekonomiċi, ma jagħtux inkwiet u komdi biex issuqhom iżda jtuk l-istess tip ta' sotisfazzjon li jtik 'calculator' meta jaħdimlek xi somma. Tara n-numru, titfiha u twaddabha fil-kexxun mingħajr l-inqas tip ta' apprezzament. Karozzi bħal mhuma t-Toyota Vitz u Mazda 2, iħallu l-istess tip ta' impatt fuqi għalkemm it-tnejn huma karozzi eċċellenti. Mill-banda l-oħra, ġieli nixtru karozzi li jfaqqruna bl-ispejjeż, iqattgħu iktar ħin bil-'bonnet' miftuħ milli magħluq, jista' jkun li jkollhom rikba skomda jew viżibbiltà ħażina, però għal xi raġuni jew oħra l-imħabba lejn dawn il-vetturi iktar tiżdied. Id-difetti tal-karozza donnu iktar jagħmluhom umani u bħall-umani, iktar ma jgħaddi żmien, iktar nitgħallmu ngħixu magħhom u nsibu rimedju għalihom. Għal dawk li jgħixu ma' dilettant tal-karozzi, il-ħajja mhux dejjem tkun faċli. Uħud mid-dilettanti jqattgħu ħafna ħin fuq l-internet, jew ipaċpċu f 'xi forum ma' diletanti oħra bħalhom fuq xi ħaġa li l-oħrajn jaraw kompletament banali, jew fuq xi websajt ifittxu xi parti tal-karozza li jkollhom bżonn. Meta finalment tkun saret xi modifika jew tiswija żgħira fuq il-karozza, id-dilettanti jippretendu li kulħadd se jinduna b'din id-differenza u jiskantaw kif dawk li jgħixu magħhom ma ndunawx il l-pum tal-bieba m'għadux iżjed iswed iżda sar kulur il-karozza. Safra barra minn xtutna xi kultant tfisser li rridu mmoru nżuru xi 'scrap yard' biex inlaqqtu xi parti li ma sibniex Malta waqt li ammont sostanzjali tar- ritratti li jittieħdu, ikunu ta' xi karozzi 'interessanti' li ħatfulna l-attenzjoni. Meta niltaqgħu ma' xi dilettant ieħor f 'xi tieġ jew okkażjonijiet oħrajn, ħafna drabi ninsew dak li jkun għaddej madwarna u nidħlu f 'xi parlata li għall-oħrajn, ftit tagħmel sens. Ċertu frażijiet jew mistoqsijiet bħal, "Imma 'worth it' li qiegħed tonfoq dawn il-flus fuq din il-karozza?", ma jeżistux fil-vokabularju tal-ifissati. Ħafna drabi, li kieku kellhom ibigħu l-karozza tant għal qalbhom (u kontra qalbhom), ma jġibux lura nofs il-flus li nefqu, però dilettant ta' veru ma jagħmilx li jagħmel għall- profitt. Nara similarità mal-ħwejjeġ li nagħżlu biex nilbsu. Hemm dawk li jimxu mal- moda u dawk li jilbsu mhux bilfors huwa komdu jew jagħmel sens ekonomikament. L-iskop tal-ħwejjeġ hawn, ikun għall-vanità. Hawn sidien ta' karozzi li huma hekk u jużaw il-karozza biex jattiraw l-attenzjoni u jħossuhom aħjar fuqhom infushom. Meta l-karozza ma tibqax moda jew ma tirriflettix il-valur monetarju tagħha, ibigħuha u jixtru oħra li tattirahom. Mill-banda l-oħra, hemm dawk li jilbsu ħwejjeġ li jqisuwhom bħala parti mill- identità tagħom u anke jekk ma jkunux moda u ma jimpressjonawx il-masses, xorta jilbsu dak li jfisser xi ħaġa għall-karattru tagħhom. Id-dilettant ta' veru tal- karozzi huwa l-istess. Hemm drabi meta sid il-karozza ma jinteressaħx x'jaħsbu n-nies, iżda fuq il-pjaċir li ttih kemm bħala esperjenza ta' sewqan, kif ukoll bħala sbuħija suġġetiva. Ħafna drabi, il-massa tan-nies ma tkunx kapaċi tapprezza s-sinifikat, il-ħin dedikat, l-istorja jew l-inġinerija wara karozza ta' ċerta karattru u d-dedikazzjoni ta' sidha żgur li ma tkunx qiegħda trebbħu xi popolarità. Għal xi wħud, li forsi trebbaħhom huwa xi erba' feriti żgħar f 'idejhom, swidija taħt id-dwiefer, uġigħ fid-dahar, xi flokk pulit imtebba' biż-żejt u kont tal-bank li donnu qatt ma jieħu r-ruħ. Però finalment, is-sodisfazzjon li jħoss dilettant tal-karozzi ma jsibu minn imkien ieħor. Nixtieq nagħlaq billi nawgura l-kumplament tal-festi it-tajba lill-qarrejja u sena ingranata b'risq u hena. Il-Ħadd 27 ta' Diċembru 2015 | illum 23 Vetturi Ingranat Andrew Pisani Il-Karozza: Biċċa għodda jew xi ħaġa iktar? "Hawn ċertu karozzi li jagħmlu xogħolhom perfettament u ma jagħtux inkwiet iżda jtuk l-istess tip ta' sotisfazzjon li jtik 'calculator' meta jaħdimlek xi somma" Idejn id-dilettant Toyota Vitz

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - 27 Dicembru 2015