Illum previous editions

ILLUM 3 Jannar 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/621906

Contents of this Issue

Navigation

Page 15 of 35

16 illum | Il-Ħadd 03 ta' Jannar 2016 F il-preżent, il-gżira ta' Għawdex għaddejja minn mument storiku li jista' jirrappreżenta wkoll punt ta' bidla. Sa madwar ħamsa u għoxrin sena ilu, din il-gżira żgħira kienet, tajjeb jew ħażin, teżisti fil-periferija tal-gżira l-kbira. Ekonomikament u soċjalment, Għawdex kien baqa' lura b'servizzi ftit jew wisq primittivi, telqa burokratika, u nuqqas ta' opportunitajiet f 'kull settur. Minħabba f 'hekk, Għawdex kien meqjus bħala territorju remot u iżolat fost il-biċċa l-kbira tal- poplu Malti. Minn dakinhar sal-lum nistgħu ngħidu li Għawdex għadda minn qawmien soċjo-ekonomiku sostanzjali, bl-introduzzjoni u t-tkabbir fis-servizzi soċjali kollha, primarjament dawk tas-saħħa, l-edukazzjoni, l-infrastruttura, l-amministrazzjoni, it-trasport, ix-xogħlijiet pubbliċi, il-qasam tal- impjiegi u l-isport. It-twaqqif tal-Ministeru għal Għawdex wassal biex Għawdex ikun direttament rappreżentat fil-kabinett. B'hekk Għawdex sab il- leħen u l-kunfidenza li kien jeħtieġ biex joħroġ l-identità tiegħu. Huwa fatt li fis-snin reċenti Għawdex laħaq livelli għolja f 'dawn l-isferi soċjo-ekonomiċi kollha permezz ta' tkabbir kontinwu li forsi patta xi ftit għat-telqa li sofriet minnha l-gżira fl-imgħoddi. Però wieħed irid jistaqsi, x'se jiġri minn issa 'l quddiem? Għandhom raġun dawk li jaħsbu li Għawdex qiegħed jerġa' jkun ikkunsidrat bħala territorju remot ta' pajjiżna? X'se jkun l-impatt tal-famuża 'brain drain' li donnu ħadd ma jrid isemmiha, aħseb u ara kemm jagħmel xi ħaga biex iwaqqafha? U forsi nazzarda nistaqsi, l-Għawdxin se jsibu futur fi gżirithom? Ma' din il-mistoqsija hemm oħrajn li ma nistgħux ninjorawhom. Jista' jkollna żvilupp aktar wiesa' milli għandna bħalissa mingħajr ma nkomplu nitilfu jew neqirdu l-art? Biex ikompli jiżviluppa, Għawdex għandu bżonn jimxi fuq il-mudell 'Malta' u jiġi mibdul f 'ċentru kummerċjali u industrijali? Għandna bżonn inkomplu noħonqu l-ftit spazju miftuħ li għad fadal fuq din il-gżira żgħira u unika tagħna? Għawdex huwa ċentru differenti fil-kuntest nazzjonali u mhux distrett ieħor periferali. Fi kliem ieħor, Għawdex huwa reġjun distint li għandu patrimonju kulturali kbir. L-Għawdxin jixtiequ u jistħoqilhom jiġu ttrattati bħalma jiġu ttrattati ċ-ċittadini l-oħra kollha li ma jgħixux fuq din il-gżira. L-iżvilupp mhuwiex biss fattur marbut mal- ġustizzja soċjali imma għandu wkoll jitqies bħala sine qua non fir-rigward tal-iżvilupp fuq livell nazzjonali. Dak li hu meħtieġ u mistħoqq għal Għawdex għandu dejjem ikun miżmum fuq l-aġenda nazzjonali u mhux suġġett li jinkixef biss kull ħames snin meta tkun ġejja l-elezzjoni. Il-ħajja fil-pajjiż tistagħna permezz tal-ko-eżistenza ta' mudelli differenti ta' żvilupp u diversità fl-għażliet. Għandna bżonn nagħtu ħajja ġdida liż-żoni kummerċjali u industrijali preżenti, fejn in-natura ġiet prattikament mirduma mill- attivitajiet ma jaqtgħu xejn tal- bniedem fil-fabbriki, l-uffiċini, mill- konġestjoni tat-traffiku, l-impjanti tal-enerġija, u l-pressjoni u l-ġlieda bla nifs kontra l-ħin. Għandna bżonn noħolqu spazji aktar miftuħa u kampanja aktar ħadra, fejn il- bniedem għadu magħġun u integrat fir-ritmu tan-natura u għad għandu l-ħin li jieqaf u jħares madwaru. Il-bilanċ bejn it-tisbiħ taċ-ċentri urbani u l-protezzjoni tal-kampanja huwa essenzjali għall-ħarsien tas-saħħa psikoloġika ta' pajjiż. L-iżvilupp ekonomiku m'għandu qatt inaqqas jew iħassar il-kwalita' tal-ħajja tal-individwu. Il-bniedem dejjem għandu bżonn il-beraħ, spazji miftuħa li jippermettulu jieħu n-nifs, ambjent rurali san, ħajja anqas mgħaġġla li tippermettilu japprezza n-natura, fejn teżisti armonija bejn l-attivitajiet tal- bniedem u l-ambjent ta' madwaru. F'pajjiżna, Għawdex huwa simbolu ta' din is-sejħa reġjonali, post li joffri ambjent uniku u kwiet. Flimkien ma' Thoreau (1854) fil- kitba tiegħu 'Walden', ejja naħsbu ftit u nistaqsu, "Għaliex għandna ngħixu ħajja daqshekk mgħaġġla li tħallina bla nifs?" Il-bniedem modern għandu bżonn qawwi ta' protezzjoni minn dak li Rousseau jsejjaħ le tourbillion social (it- turbulenza soċjali). Għawdex mhux presepju u l-Għawdxin żgur lanqas ma huma pasturi. L-għażla ekoloġika ta' Għawdex għandu jkollha l-għan li, bis-saħħa tax- xjenza u t-teknoloġija, tintlaħaq armonija bejn l-iżvilupp, il-ħarsien u t-tisħiħ tal-ambjent, it-tiġdid ta' nħawi urbani, u l-konservazzjoni tal-kultura tradizzjonali permezz ta' metodi kreattivi u innovattivi. Għawdex għandu jagħmel din l-għażla ekoloġika minflok jimxi fuq il-passi tal-mudell industrijali mħaddem f 'Malta. Żgur li dan ma jfissirx rassenjazzjoni għal-livell anqas ta' żvilupp jew l-abbandun ta' mezzi teknoloġiċi u l-progress. Għawdex huwa niċċa ta' kultura ekoloġika, li jixraqlu li jiġi kkurat u kkonservat. Inċidentalment, l-ambjent mhuwiex biss realtà fiżika, iżda huwa marbut ukoll ma' struttura ħajja u kumplessa li tiġbor fiha aspetti oħra ta' twemmin, relazzjonijiet, tradizzjonijiet u valuri. Sal-, Għawdex ma kellux pjan ta' żvilupp li jagħmel sens. Biżżejjed tħares lejn l-għadd kbir ta' appartamenti li nbnew bl-addoċċ ma' kullimkien u li jibqgħu vojta għal parti kbira tas-sena. Li kien għall-iżviluppaturi Għawdex jinbena kollu, u ma tibqax rokna waħda minnu li ma tinkesiex bil-ġebel. L-attrazzjoni unika u t-topografija tal-gżira ta' Għawdex jistgħu jinqerdu għal kollox f 'temp ta' ġenerazzjoni waħda. Daqshekk huwa tqil il-piż li qed iġorru llum dawk li jokkupaw pożizzjonijiet f 'livelli fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet. U daqshekk huwa tqil il-piż li kull wieħed u waħda minna għandu jħoss l-obbligu li jġorr fl-impenn tiegħu biex jiżgura li Għawdex ikollu preżent u futur aktar sostenibbli. Ryan Mercieca huwa kandidat tal- PN fuq Għawdex ryan mercieca Opinjoni Lura lejn il-Futur "Għandna bżonn inkomplu noħonqu l-ftit spazju miftuħ li għad fadal fuq din il-gżira żgħira u unika tagħna?" "Li kien għall-iżviluppaturi, Għawdex jinbena kollu, u ma tibqax rokna waħda li ma tinkesiex bil-ġebel"

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 3 Jannar 2016