Illum previous editions

ILLUM 3 Jannar 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/621906

Contents of this Issue

Navigation

Page 18 of 35

Il-Ħadd 03 ta' Jannar 2016 | illum 19 Editorjal ILLUM, MedIaToday LTd, VjaL Ir-rIĦan, San Ġwann SĠn 9016 Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075 Ittri u Kummenti, Imejl: illum@mediatoday.com.mt Disservizz politiku D in il-gazzetta ma tista' tieqaf qatt tfakkar lill-Gvern preżenti u b'mod speċjali lill-Prim Ministru preżenti Joseph Muscat li dawk li nsejħulhom 'ċensiera politiċi' ma jagħmlu ebda favur lill-ebda Gvern. Min jinċensa lill-politiku, hu tal-liema kulur hu, jgħollih sas-smewwiet u jdoqqlu biss dik id-diska li jrid jisma', fil- verità ma jkun qed jagħmel xejn għajr jipprepara t-triq tal-istess mexxej lejn telfa ċerta. Matul dawn l-aħħar ġranet din il-gazzetta nnutat żewġ tipi ta' argumenti. L-ewwel wieħed f 'editorjal ta' gazzetta lokali u l-kontro-argument f 'żewġ artikli ta' opinjoni differenti, wieħed tal-eks Ministru Nazzjonalista Michael Falzon u l-ieħor tal- Professur Lino Briguglio. Din il-gazzetta taqbel perfettament mal-argument ta' Briguglio u Falzon meta jgħidu li mhu minnu xejn li l-Maltin jimpurtahom biss mill-but u għala għajnhom minn kwistjonijiet ta' governanza. Taqbel ukoll mal-opinjoni ta' Falzon meta dan jgħid li realment, meta pajjiż ikun sejjer tajjeb ekonomikament, l-ekonomija tieqaf tkun kwistjoni li dwarha jkun iġġudikat Gvern u l-votanti jibdew iħarsu lejn kwistjonijiet oħrajn. Kwistjonijiet bħal kemm il- Gvern qed ikun ġust, kemm il-Gvern qed jidher li qed jagħti ċans lil kulħadd hu min hu jew hi min hi, kemm l-ideat tal-Gvern qed ikunu implimentati b'konsultazzjoni u kemm il-Gvern qed jinħass li huwa abjad iktar mis-silġ fejn jirrigwarda governanza. Immorru ftit snin lura u nieħdu bħala eżempju ż-żieda fil-kontijiet tad- dawl u l-ilma taħt il-Gvern Nazzjonalista mmexxi minn Lawrence Gonzi. Bla dubju, din il-kwistjoni kienet l-aktar waħda li swiet voti lill-Gvern Nazzjonalista u l-kwistjoni ewlenija li tefgħet lill-istess Gvern f 'arena, prattikament jiġġieled kontra kulħadd. Imma, u hawnhekk jidħol l-argument ta' Briguglio u Falzon, filwaqt li kienu ħafna dawk li ħassew id-daqqa ta' kontijiet ogħla, kienu ferm inqas dawk li ddeċidew li jaqilbu l-vot minħabba l-istess żieda. Fil-fatt għal ħafna votanti li abbandunaw lill-PN, kien aktar il-mod kif kienu introdotti ż-żidiet li dejqet u frustrat. Aktar mill-ewri żejda li riedu jħallsu, dejjqithom l-arroganza, il-mod kif l-eks Ministru Austin Gatt kien litteralment qed jitmejjel bil-unions, il-famuża frażi ta' Gonzi "se nivvota bil-qalb biex jogħlew il-kontijiet", il-fatt li protesta li għaliha attendew eluf kbar ta' nies ġiet injorata, imbagħad biex tgħaxxaq, l-iżbalji ħoxnin u tal-mistħija li bdiet tagħmel l-ARMS. Dejjaq ħafna lin-nies il-fatt li mill-2004 Gvern Nazzjonalista qatt ma kien daqshekk iżolat u kkritikat daqs kemm kien dakinhar. Fil-fatt, l-emoraġija qawwija u mingħajr waqfien mill-PN bdiet minn din il-kwistjoni sakemm baqgħet tikber minħabba kwistjonijiet oħrajn, kważi kollha relatati mal-governanza. Jekk il-Partit Laburista ħaseb li din kienet biss kwistjoni ta' ċenteżmi, ewri u noti ta' flus kien sejjer żball. Il-kwistjoni tal-kontijiet niżlet fuq Gonzi bħal gorboġ ġebel, l-ewwel u qabel kollox, għax kixfet element qawwi ta' arroganza u ras iebsa fi Gvern li kien diġà tilef ħafna mill-ħeġġa biex jiggverna. Il-kwistjoni tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma kienet eżempju ikrah ħafna ta' kif għandek tiggverna. Konna nistennew li l-Partit Laburista jitgħallem minn din l-istorja u mill-umiljazzjoni li għadda minnha l-PN. Konna nistennew li l-passat riċenti kien ikun biżżejjed biex Gvern Laburista ma jistrieħx biss fuq is-suċċessi ekonomiċi u l-flus li l-istess Gvern qed jgħid li qed imorru għand il-poplu. Konna nistennew li t-telfa storika tal-PN fetħet għajnejn kull politiku Malti u Għawdxi u wriethom li għall-Maltin, l-arroganza u l-ħabi mhux aċċettabbli. Għalhekk inkunu diżonesti u nkunu qed nagħmlu l-akbar disservizz possibbli lill-Partit Laburista, lil Joseph Muscat u finalment lill-Laburisti kollha jekk nieħdu l-attitudni ta', "u iva, x'jimporta li l-Gvern jaħbi, jew ma jurix kuntratti, jew hawn perċezzjoni li maħmuġ daqs in-Nazzjonalisti. L-importanti li raħħasna l-kontijiet." Ikun disservizz kbir għaliex inkunu qed noħolqu kor ta' inċens biex nagħtu l-impressjoni li elezzjoni tintrebaħ fuq iċ- ċenteżmi u noti tal-flus, meta fil-fatt dan mhux il-każ. Għalkemm ir-roħs fil- kontijiet hija wegħda li dan il- Gvern żamm u ta' dan ħaqqu kull tifħir, il-maġġoranza ta' dawk li jaħsbu qabel jivvutaw għandhom prinċipji li jmorru lil hinn minn xi €50 skont f 'sena minn fuq kont tad-dawl u l-ilma. Il-prinċipji tagħhom jiddettaw li pajjiż fejn trid tkun taf lil xi ħadd biex tasal u pajjiż fejn hemm min qed jistagħna b'mod mill-aktar diżonest, mhux dak il-pajjiż li jridu jgħixu fih. L-ekonomija sejra tajjeb. Mhux kulħadd sejjer tajjeb. Dan il-Gvern tilef ħafna mill-immaġini pożittiva tiegħu minħabba sensiela ta' allegazzjonijiet u każi ta' governanza bażwija u meritokrazija finta. Hija din ir-realtà li Muscat jeħtieġ jiffaċċja jekk irid jerġa' jirbaħ.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 3 Jannar 2016