Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/621906
Ftit tal-ġranet ilu kont qiegħed insuq fit-triq tal- kosta sejjer lejn il-Qawra waqt li nipprova niftakar kif kienet it-triq qabel ma bdiet titranġa ftit snin ilu. Ftakart fil-frustrazzjoni li xufier kien jesperjenza meta jinqabad wara xi ħadd għaddej bil-mod u jqatta' t-triq sħiħa jipprova jfittex opportunità biex jaqbżu. Min jaf kemm ġraw inċidenti, għexieren minnhom fatali, meta żewġ vetturi kienu jsibu ruħom wiċċ imb wiċċ ma' xulxin għax wieħed minnhom ipprova jaqbeż karozza. Minħabba li din it-triq hija imserrpa mhux ħażin, dan it-tip ta' manuvrar kien ikun ħafna iktar diffiċli u jekk ma jkollokx karozza li taċċellera f 'ħin qasir, tista' tispiċċa fuq il-karreġġjata opposta għal diversi sekondi, x'aktarx f 'xi dawra. Wieħed jassumi li bil- proġett ta' Triq il-Kosta, din il problema spiċċat, però mhux dejjem huwa il-każ. Li naqas il periklu ta' kollużjoni 'head on' huwa fatt, però li ma jkollokx esperjenza frustranti miexi bi tletin kilometru fis-siegħa t-tul kollu tat- triq, mhix garanzija. Dan mhuwiex minħabba d-disinn tat-triq iżda minħabba l-mod kif jagħżlu li jsuqu ċertu sewwieqa Maltin u l-mod kif tiġi infurzata l-liġi. Jien u nsuq lura mill-Qawra, inqbadt wara serbut karozzi kollha mexjin madwar ħmistax-il kilometru fis- siegħa inqas mil-limitu tal- veloċità imposta fuq dik it- triq. Biex tkompli tgħaxxaq, il-limitu tal-veloċità imposta f 'dik it-triq, diġà huwa pjuttost baxx u nemmen li hu insult għall-potenzjal ta' triq bħal dik. Ġara li żewġ sewwieqa ddeċidew li jsuqu bil-mod maġenb xulxin u jibqaw hekk it-tul tat-triq kollha. Għal ħafna sewwieqa Maltin, il-fatt li triq għandha żewġ karreġjati minflok waħda ifisser biss li inti għandek tnejn minn fejn tagħżel u tista' toqgħod f 'liema waħda trid. Għal xi wħud, il-fatt li hemm linja sħiħa ta' karozzi kollha jaqbżuhom minn ġewwa ma jfisser xejn. Hija mentalità komuni wkoll li donnu iktar ma ssuq bil-mod, iktar tkun ċittadin tajjeb u responsabbli. Fil-verità, huwa pjuttost l-oppost u dawn in-nies li jimblukkaw il-karreġjata ta' barra, ikunu l-kaġun ta' ħafna inċidenti, traffiku, frustrazzjoni u imblukkar ta' vetturi tal- emerġenza. Meta tpaqpaq jew itteptep id-dawl lil dawn in- nies biex jidħlu fil-karreġjata ta' ġewwa, iħarsu lejk b'ħarsa jew ta' sorprisa jew ta' rabja. L-awtoritajiet, kontinwament ifakkruna li qegħdin jimplimentaw 'standards' Ewropej kemm fil-kostruzzjoni tat-toroq, kif ukoll fl-infurzar tar- regolamenti tat-traffiku, però għal xi raġuni qatt ma rajt jew smajt b'xi ħadd li ġie mħarrek talli kien qiegħed jimblokka l-karreġjata ta' barra. Meta nara tant kilba għaċ- ċitazzjonijiet u nies imħarrka fuq affarijiet tant żgħar, għaliex kontravenzjoni tant komuni u allarmanti tibqa' għaddejja qisu xejn mhu xejn? Fil-pajjiżi kollha Ewropej li soqt fihom, ir-regola li jkollok karreġjata biex issuq fiha u oħra biex taqbeż lil xi ħadd, hija regola ġenerali segwita minn kullħadd. Hija waħda mill- lezzjonijiet bażiċi li jgħallmuk meta tibda titgħallem issuq. Forsi qiegħed inkun ftit ċiniku li nasal biex nemmen li dawn is-sewwiqa ma jiġux imħarrkin għaliex bis-saħħa tagħhom iġiegħlu lil ħafna oħrajn jiksru l-liġi u jgħinu fl-introjtu ġej mill-multi. Mill-banda l-oħra, x'sens jagħmel li jintefqu miljuni kbar fit-toroq biex tiżdied karreġjata oħra imbagħad inħallu xi ċuċ jimblokka l-karreġjata ta' barra u ixxejjen il-benefiċċji ta' proġett bħal dan? Onestament, ma nistax nifhem kif ċertu liġijiet jiġu infurzati sal-punt li mmorru kważi fl-estrem u oħrajn li huma ħafna iktar serji jiġu injorati kontinwament. Inħarrku lil xi ħadd li pparkja l-karozza pied 'il barra minn kaxxa bajda għax ma qagħaditlux, inħarrku lil xi ħadd li ma xegħelx id-dawl immedjatament malli daħal fil-mina u nħarrku lil xi ħadd li kien qiegħed isuq b'id waħda barra mit-tieqa. Ftit ilu rajt b'għajnejja ċitazzjoni fuq karozza pparkjata għaliex iż-żebgħa ta' fuq il-bonnet kienet sfumat u bdiet titqaxxar bix-xemx u ma kinitx taqbel mal- kumplament tal-karozza. Tabelli li ma jagħmlu l-ebda sens loġiku jinżergħu matul il-lejl u l-għada ssib gwardjan jew pulizija tat- traffiku joħroġ ċitazzjonijiet qishom pastizzi. Toroq li faċilment jifilħu veloċità massima ta' bejn tmenin u mitt kilometru fis-siegħa jitpoġġewlhom kameras tal- veloċità li jfaqqawlek ritratt fl-iktar parti dritta u sigura tat-triq malli taqbeż is-sittin kilometru fis-siegħa bi ftit kilometri. Mill-banda l-oħra, kontinwament nara ġenituri għaddejjin bit-tfal tagħhom mhux marbutin u jaqbżu minn seat għall-ieħor. Apparti li din l-irregolarità hija diżastru jistenna li jsir, it-tfal jistgħu faċilment itellfu l-attenzjoni tas- sewwieq ħafna iktar minn konverżazzjoni fuq il- mobile. Filwaqt li skejjel tal-istat u tal-knisja ta' spiss ikollhom pulizija tat-traffiku jimblukkaw it-triq fil-ħinijiet li jidħlu u joħorġu it-tfal, tfal li jattendu skejjel privati donnhom ma jgawdux min dan il- privileġġ. Kull filgħodu tara serbut ta' karozzi ta' ġenituri deħlin f 'toroq ta' skejjel privati, bi tfal mhux marbutin jaqbżu anke quddiem, kulħadd jieqaf fin- nofs biex iniżżel lil uliedu, u tfal jiġru qalb il-karozzi lejn l-iskola. Dan ilu jiġri s-snin, però donnu jiġi ttollerat. Meta jkun hemm serbut ta' karozzi weqfin fit-traffiku, f 'ħafna pajjizi hija regola ġenerali li dawk li qegħdin fil-karreġjata ta' ġewwa iżommu kemm jistgħu fuq ix- xellug u dawk fil-karreġjata ta' barra jżommu kemm jista' jkun mal-lemin tat- triq biex ikun hemm spazju bejn iż-żewġ karreġjati biex jgħaddu muturi u vetturi tal-emerġenza. Iktar ma jirnexxielu jgħaddi malajr pulizija tat-traffiku jew gwardjan biex jassisti li xi żewġ sewwieqa li ħabtu, iktar it-traffiku jkun jista' jirritorna lura għan-normal malajr. Però f 'Malta, kulħadd jitfa' fejn irid u sewwieq ta' mutur irid joqgħod iserrep qalb il-karozzi u vettura ta' emerġenza tagħmel diversi minuti bis-sireni jgħajtu sakemm eventwalment jiġi kreat ftit spazju. Dan iżid mal-volum tat-traffiku u jipperikola lis-sewwieqa tal- muturi. Nixtieq li xi ħadd jilluminani għalxiex hemm din id-diskrepanza bejn kontravenzjoni u oħra, speċjalment meta l-kontravenzjonijiet li jiġu injorati huma fost dawk li jikkreaw l-iktar problemi tat- traffiku u inċidenti. Il-Ħadd 03 ta' Jannar 2016 | illum 23 Vetturi Ingranat Andrew Pisani Karreġjata tal-għażla tiegħek Kontinwament nara ġenituri għaddejjin bit-tfal tagħhom mhux marbutin u jaqbżu minn seat għall-ieħor