Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/624745
14 illum | Il-Ħadd 10 ta' Jannar 2016 I s-sena 2015 issa hija parti mill-arkivji tal- istorja. Madankollu dak li seħħ matulha jista' jibqa' jkollu influwenza mhux biss fuq il-preżent imma wkoll fuq il-futur. L-isfidi għas-sena 2016 x'aktarx li għandhom l-għeruq tagħhom fis-sena 2015. Dan japplika għal kollox u għal kulħadd, imma xtaqt li dan il-prinċipju niffukah fuq l-Unjoni Ewropea. Is-sena 2016 se tkun qiegħda toffri sfidi kbar lill-Unjoni Ewropea. Sfidi li joħorġu minn kriżijiet li rajnihom jiżviluppaw u jilħqu skali kbar ħafna tul is-sena li għaddiet. Mhux kriżi kienet il-kwistjoni tal-Greċja? Mhux kriżi hija l-kwistjoni tal-migrazzjoni rregolari? Mhux kriżi hija l-kwistjoni tat-terroriżmu? Mhux kriżi hija l-instabilità fil-Libja u fis-Sirja fost oħrajn? Mhux kollha kemm huma joffru sfidi kbar lill- Unjoni Ewropea? Mhux ta' uġigħ ta' ras kbira hija l-kwistjoni tar-Renju Unit dwar jekk titkomplix is-sħubija Brittanika fi ħdan l-Unjoni Ewropea jew le? Mhux sfida oħra enormi huwa l-fatt li qiegħed jikber b'ritmu inkwetanti l-lemin estrem f 'għadd ta' pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea? Mhux inkwetanti u sfida huwa r-ritmu li bih jinħass li qiegħda tintilef il-fiduċja fl-Unjoni Ewropea? Li wieħed ikun irid jara huwa x'qiegħed iwassal biex ikollna din is-sitwazzjoni. Aktar u aktar meta mbagħad jiżviluppa nuqqas ta' ftehim fi ħdan l-Unjoni Ewropea nnifisha dwar il-mod li għandha tkun kumbattuta l-kriżi inkwistjoni. Eżempju klassiku huwa l-kwistjoni tal-migrazzjoni. Huwa kalkulat li matul is- sena li għaddiet, in-numru ta' immigranti irregolari li qasmu lejn l-Ewropa b'diversi modi qabeż sewwa l-miljun ruħ. Eluf oħrajn ma rnexxielhomx jagħmluha. Tilfu ħajjithom mat-triq, bil-maġġoranza tagħhom spiċċaw mgħerrqin fil-baħar Mediterran, b'min jaf kemm minnhom lanqas il-katavri tagħhom ma nġabru. L-ewwel ħames/sitt xhur tas-sena jagħtu ftit nifs lill- Unjoni Ewropea fejn tidħol il-migrazzjoni irregolari, ovvjament minħabba t-temp. Il-kesħa u l-maltempati fuq il-baħar 'jikkontrollaw' il-vjaġġi klandestini. Ftit nifs, għax malli l-elementi naturali jsiru aktar favorevoli allura nerġgħu għal li konna. Kemm rajna xhur ta' diskussjonijiet fi ħdan l-Unjoni Ewropea li, minkejja kull tama, baqgħu ma wasslux għal konklużjoni. Anzi kien hemm okkażjonijiet fejn in-nuqqas ta' qbil fost il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea rajnih isarraf f 'bini ta' fruntieri fl- istess postijiet li ftit ta' snin ilu konna qegħdin nifirħu u niċċelebraw it-twaqqigħ ta' fruntieri simili. X'ironija! Huwa ferm aktar minn xieraq li hawnhekk nagħmel parentesi u nfaħħar l-inizjattiva li ħa l-Gvern Malti biex ftit tal-ġimgħat ilu laqqa' f 'pajjiżna l-mexxejja tal-pajjiżi membri tal- Unjoni Ewropea u ta' diversi pajjizi fil-kontinent Afrikan mnejn qegħdin jaslu ħafna u ħafna immigranti. It- traġedja Sirjana kompliet tikkontribwixxi ferm għal din il-problema. U allura x'tista' ssejjaħ sitwazzjoni bħal din jekk mhux sfida kbira li se jkollha quddiemha l-Unjoni Ewropea tul din is- sena l-ġdida? Huwa fatt innegabbli li n-nuqqas ta' fiduċja li qegħdin naraw f 'diversi pajjiżi fejn tidħol politika ta' ċentru xellugi kif ukoll ċentru lemini ħoloq spazju komdu biex il-lemin estrem jerġa' jibda jgħolli rasu. Franza hija eżempju mill-aktar ċar. Dan meta qegħdin nitkellmu dwar pajjiż fejn it-terroriżmu ħalla marka kbira ferm tul is-sena li għaddiet. Malli tibda tintilef il-fiduċja f 'kull naħa tal-ispettru politiku demokratiku, is-sitwazzjoni tibda ssir inkwetanti. Tħassib li qegħdin narawh ukoll fl-Olanda, id-Danimarka u l-Finlandja. Is-sitwazzjoni fil-Libja hija wkoll sfida enormi. In-nuqqas ta' stabbiltà f 'dan il-pajjiż ħalla ħerba sħiħa warajh. Ħerba li l-effett tagħha ma jappartjenix biss lill-pajjiż innifsu. Il-konsegwenzi tagħhom inħassew u għadhom qegħdin jinħassu sewwa. Konsegwenzi li ħolqu art fertili għall-Istat Iżlamiku. Hemm imbagħad il- kwistjoni tat-tkomplija ta' sħubija jew le tar-Renju Unit fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Oriġinarjament kien maħsub li r-referendum dwar dan il-punt kruċjali jsir s-sena li ġejja, imma bħalissa hemm ħafna spekulazzjonijiet li dan isir matul din is-sena, tant li qiegħed jissemma anke Ġunju li ġej. Sal-lum jidher li l-miżien qiegħed ixaqleb, anke jekk mhux b'tant kalatura, favur li r-Renju Unit jibqa' jifforma parti mill-Unjoni Ewropea. Ħafna jkun jiddependi fuq ir-riżultat li joħroġ mit- taħditiet li l-Prim Ministru Ingliż qiegħed ikollu mal- Unjoni Ewropea. Li qiegħed jitqies primarjament mill-poplu Brittaniku huwa jekk bi sħubija jew le fl-Unjoni Ewropea jħossux aktar sigur, personalment u ekonomikament. Huwa ferm aktar minn ovvju li d-deċiżjoni tal-poplu Brittaniku, tkun xi tkun, se jkollha impatt qawwi mhux ftit fuq il-futur tal-Unjoni Ewropea. Ovvjament mhumiex dawn biss l-isfidi li se tkun qiegħda tħabbat wiċċha magħhom l-Unjoni Ewropea tul is-sena 2016. Dawn huma l-aktar ovvji għax għalkemm rajnihom jiżviluppaw tul is-sena li għadha kemm għaddiet, ir-reazzjonijiet għalihom ma kienux daqstant punġenti. M'għandi l-ebda dubju li se jinqalgħu affarijiet li lanqas biss qed noħolmuhom - tajbin u ħżiena. L-importanti hu li għandna niffaċċjaw l-isfidi bl-entużjażmu u obbligu li nagħmlu minn kollox biex iċ-ċittadini tagħna jsserħu rashom li dawk li qed jirrapreżentawhom fil-Parlament Ewropew qed jaġixxu għall-ġid tagħhom u ta' pajjiżhom. Marlene Mizzi hija MPE fi ħdan il-Partit tas-Soċjalisti u Demokratiċi Opinjoni L-Isfidi għall-UE fis-sena 2016 marlene mizzi "Id-deċiżjoni tal- poplu Brittaniku, tkun xi tkun, se jkollha impatt qawwi mhux ftit fuq il-futur tal- Unjoni Ewropea" Waħda mill-isfidi tal-UE hija l-immigrazzjoni, u ftit ġranet ilu aktar iġsma ittellgħu mejtin mal-kosta tat-Turkija