Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/624745
16 illum | Il-Ħadd 10 ta' Jannar 2016 M issieri kien suldat mar-Royal Airforce Ingliża. Kien suldat jew aħjar bumbardier, għalkemm ma nafx li qatt ibbumbardja xi ħaġa jew lil xi ħadd. Kien jaħdem fil-'Bicycle store' fi żmien meta kelli rota armata b'kollox. Kien fil-'Bedding store' fi żmien meta fid- dar, ħadd ma kien se jmut bil-kesħa. Kien jagħmel xogħol li kellu x'jaqsam ma' kollox ħlief ma' bumbardamenti. Xogħlu kien iħobbu. Iżda għandi l-amment ta' meta darba filgħodu ma kienx qam kuntent li sejjer għax-xogħol. Missieri ma kienx wieħed minn dawk li kien imur għax-xogħol bil-geddum, iżda f 'din l-okkażjoni partikolari, kien imdejjaq. Għal xi xahar kienu stazzjonawh fit-turetta ta' Ħad- Dingli biex jisostitwixxi lil xi ħadd temporanjament. Xogħlu kien li jagħmel xi kikkra te jew dak li jkun hemm bżonn għal dawk li kienu jaħdmu f 'din it-turretta, li ma kinux Maltin iżda Ingliżi. Xogħol min kien jaħdem f 'din it-turretta kien li jagħti l-'bearings' u l-'coordinates' lill-ajrupajni tal-gwerra fi żminijiet ta' paċi biex jitħarrġu fil-bumbardamenti. Il-bumbardamenti ta' Filfla. Dik il-gżira żgħira, li qabel ma bdew jiflaġġellawha l-Ingliżi bil-bombi, kienet akbar milli hi. Ta' kull filgħaxija, missieri kien jigi mnikket għaliex ma kienx jiflaħ xeni ta' bombi jaqgħu madwar u fuq Filfla. "Se jġibuha fix-xejn!" kien jgħidilna. Kien talab li jkun trasferit, iżda it-talba tiegħu ma kinitx milqugħa għalkemm kulma għamel fit-turretta ta' Ħad- Dingli kien xahar biss. Meta neħħewh, feraħ għax ħeles milli jara l-flaġell ta' biċċa minn art twelidu. L-Ingliżi għandhom ħafna gżejjer. Iżda ma jidhirlix li qatt ibbumbardjaw xi waħda minnhom biex jitħarrġu fil-bumbardamenti. Għaliex iblah dak li jippemermetti li jqatta' biċċa minnu. Dakinhar, is-sens ta' orgolju li tkun Malti, ma kienx fl-aqwa tiegħu u l-kuxjenza li għandna llum għall- ambjent, kienet non-eżistenti. Dan il-flaġell bqajna nippermettuh anke wara li Malta saret indipendenti. Kien fil-bidu tas-sebgħinijiet li Filfla waqfet titnaqqar mill-bombi. Bombi li ma kinux tal-għadu, iżda li kienu qed jagħmlu ħsara daqslikieku. Iżda mhux il-poplu Malti biss ma kellux din il-kuxjenza. Fil-fatt, taħt l-amministrazzjoni Laburista tal- 1955-58, kien se jintlaħaq ftehim mal-Gvern Imperjali sabiex Filfla tingħata b'ċens għal 150 sena għal xelin fis-sena! Lanqas għall-għolja ta' Scebberras, għaliex fi żmien il- Kavallieri, riedu jħallsu tazza ilma u falkun, li kienu żgur jiswew daqs xelin u aktar. F'memo tal-Kabinett ta' Ottubru tal-1962 taħt Amministrazzjoni Nazzjonalista, il-kwistjoni ta' Filfla reġgħet tqanqlet mill-Ministru Caruana Demajo. Dan għamel referenza għal dak li kien se jiġri tmien snin qabel. Ma qabel xejn ma dak il-ftehim, għaliex skont hu, ħlas ta' xelin fis-sena kienu ftit wisq. Dehrlu li mitt lira antiki fis-sena kienu aktar ġusti! Jiġifieri li kien għaż-żewġ partiti ta' dak iż-żmien, il-ħsieb li Filfla tingħata lill-Ingliżi hemm kien. Fortunatament, dan il-ftehim qatt ma sar għaliex kieku qisna Ċipru, b'parti minna għadha f 'idejn il-Kuruna. Dan il-ħsieb ġieni f 'moħħi meta dan l-aħħar reġgħet tqanlet il-kwistjoni ta' Filfla f 'Dissett. Kulħadd nesa x'kien jiġri b'dawn il-bumbardamenti. L-ammont ta' ordinanza u splussivi mhux sploduti li għad hemm fuq din il-gżira huwa impressjonanti. Balal kbar kollha sadid jinsabu mifruxin ma' wiċċ dak li fadal minn din il-gżira. Ħaġa tajba li fl-1988, ġiet dikjarata bħala gżira protetta u li ħadd ma jista' jitla' fuqha jekk mhux b'permess speċjali. Li jimpressjonani f 'dak li kien ġara, mhux wisq li Gvernijiet suċċessivi għalqu għajnejhom għal dan id- desagrazzjoni ta' parti mit-territorju tagħna, iżda kif il-popolazzjoni ta' dak iż-żmien qagħdet għal dan kollu. Il-bombi mhux biss kienu jkissru l-blat, iżda ħarbtu s-sistema sħiħa ekoloġika unika li kulħadd kien jaf li kienet teżisti. Min jaf kemm ħlejqiet żgħar uniċi u endemiċi għaliha inqatlu u inqerdu. Min jaf kemm bejtiet tal-Kanġu ta' Filfla sfaw meqruda. Hemmx reġistrat li kien hemm imqar għaqda waħda li ħarġet tipprotesta. Illum huwa inkonċepibbli li nerġgħu naraw din ix-xorta ta' devastazzjoni u qirda fuq skala dasqhekk kbira. Kieku llum, l-eluf joħorġu jipprotestaw. Kieku llum, il-bambin biss jaf kemm għaqdiet jingħaqdu biex dan ma jsirx. Kieku llum, min jaf kemm protesti ġudizzjarji jkunu preżentati kontra l-Gvern. Kieku llum, deċiżjoni bħal din, tkun il-mewta ċerta elettorali tal-Gvern. Illum, għal ħafna anqas minn hekk, isiru protesti ta' kull xorta u fuq kull xorta ta' kwistjoni li tkun tirrigwarda kwistjoni ambjentali. Allaħares ma jkunx hekk. Anzi hija sfortuna għal pajjiżna li l-kuxjenza favur l-ambjent u l-ħolqien ta' għaqdiet ambjentali ma nħolqux ħafna qabel. Il-ħakma kolonjali kien fattur li żammna lura minn dan. Il- perjodu post-kolonjali kien pjuttost turbolenti bi prerogattivi dwar żvilupp ekonomiku aktar milli wieħed ambjentali. Kien hemm żmien meta li titkellem favur l-ambjent kont tkun meqjus li qiegħed tipprova żżomm l-iżvillupp. Jekk ma kinux ukoll jixluk li qed tfixkel. Li kieku pajjiżna kiseb l-Indipendenza qabel l-1964, kieku l-affarijiet kienu jkunu mod ieħor għaliex il-kuxjenza favur l-ambjent kient tkun aktar bikrija. Li kieku ġara hekk, min jaf kemm swar, kemm monumenti u kemm patrimonji storiċi u anke rurali konna nsalvaw. Iżda ma ġarax hekk, u dak li tlifna, nistgħu ninsuh. Iżda dak li għandna, rridu nipproteġuh. Ħalli ma naqqrux dak li fadlilna għaliex għalxejn li nibqgħu nirċievu aktar ittri minn Filfla. Toni AbelA Opinjoni Ittri minn Filfla "Dakinhar, is-sens ta' orgolju li tkun Malti, ma kienx fl-aqwa tiegħu u l-kuxjenza li għandna llum għall- ambjent, kienet non- eżistenti" Kien fil-bidu tas-sebgħinijiet li Filfla waqfet titnaqqar mill-bombi