Illum previous editions

ILLUM 10 Jannar 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/624745

Contents of this Issue

Navigation

Page 16 of 35

Il-Ħadd 10 ta' Jannar 2016 | illum 17 D an l-aħħar erġajna smajna ħafna diskors dwar il-Konvenzjoni Kostituzzjonali, l-idea tal-manifest elettorali Laburista li permezz tagħha għandu jsir tibdil fil-Kostituzzjoni. Nimmaġina li għal ħafna nies, din d-diskussjoni hija qajla rilevanti. Għal ħafna, hija aktar importanti l-ġlieda ta' kuljum ta' kif ser tpoġġi l-ħobż fuq il-mejda, kif ser tipprovdi saqaf għall-familja, kif ser tlibbes lil uliedek u fejn ser tedukahom. Dawn huma l-affarijiet bażiċi tal-ħajja umana illi wieħed irid jistinka għalihom irrispettivament f 'liema pajjiż igħix, jekk hux Franza, l-Għarabja Sawdita jew l-Koreja ta' Fuq. Madankollu, il-mod kif jiġi ġestit il-poter jagħmel differenza kbira fil-ħajja tal-individwu u fil-libertajiet illi jgawdi. Altru wieħed igħix fil-Koreja ta' Fuq fejn minkejja dak kollu illi tgħid il-Kostituzzjoni tal-pajjiż, il-poter huwa ġestit minn klikka żgħira u altru wieħed igħix fl- Għarabja Sawdita illi hija tejokrazija bbażata fuq it-tagħlim tas-setta iżlamika estremista, il-Waħħabiżmu. Minkejja l-libertajiet personali żgħar u l-ġid kbir illi għandhom iċ-ċittadini sawditi, il-poplu ma jgawdiex il-libertà ta' espressjoni, ma jaħtarx il-gvern illi jmexxieh u nofs il-populazzjoni, in-nisa, l-anqas biss jistgħu jsuqu karozza. Mill-banda l-oħra sabiex il-poplu jgawdi l-libertajiet personali illi jgawdi l-poplu franċiż, m'hux bil- fors illi jkollu kostituzzjoni miġbura f 'volum wieħed bħalma għandna aħna jew għandhom ħafna pajjiżi oħra. Biex nagħtu eżempju klassiku, il-kostituzzjoni tar-Renju Unit, bħalma huwa l-każ ta' Iżrael u ta' New Zealand, m'hijiex miġbura f 'dokument wieħed u għaldaqstant, hija meqjusa bħala m'hix kodifikata. Mill-banda l-oħra, f 'pajjiżna, huwa minnu illi mill-1962 'l hawn kellna Kostituzzjoni miġbura f 'dokument wieħed imma dana ma jfissierx illi dan id-dokument illi aħna nsejħulu l-Kostituzzjoni fih il-preċetti kostituzzjonali kollha ta' pajjiżna. Bosta liġijiet oħra ukoll jiffurmaw parti mill-Kostituzzjoni ta' pajjiżna bħalma huma l-Att dwar l-Unjoni Ewropea, l-Att dwar il-Konvenzjoni Ewropea illi huwa simili għall- Human Rights Act brittaniku illi ġie għaxar snin warajh, l-Att dwar l-Ombudsman u l-Att dwar l-Uffiċju Nazzjonali tal-Verifika. Għaliex wara kollox il-Kostituzzjoni m'hija xejn ħlief il-qafas ta' regoli illi permezz tagħhom il-poter għandu jiġi ġġestit. L-ewwel kostituzzjoni kodifikata kienet dik amerikana illi ġiet adottata fl-1787 wara l-gwerra tal- Independenza mir-Renju Unit u ratifikata mit-tlettax-il stat oriġinali sal-1790. Din il-kostituzzjoni oriġinarjament kien fiha seba' artikli u kienet influwenzata mill-aqwa ħsieb liberali ewropew tal-epoka. Il-missirijiet kostituzzjonali kienu nies verament għorrief u l-għerf tagħhom sewa biex illum l-Istati Uniti tal-Amerika hija l-akbar potenza fid-dinja. Sal-lum il-Kostituzzjoni amerikana ġiet emendata sebgħa u għoxrin darba bl-aħħar emenda tiġi ratifikata min-numru meħtieġa ta' stati wara 202 sena u 225 jum ! L-ewwel għaxar emendi jinkorporaw dak illi jissejjaħ il-Bill of Rights illi jissalvagwardja l-libertajiet personali u fundamentali tal-amerikani. It-tieni emenda tagħti d-dritt lill- amerikani sabiex iġorru l-armi. Illum il-kuntest storiku spiss jintesa' u l-Kungress ma rnexxielux jilleġisla kontrolli adekwati fuq ix-xiri tal-armi bir-riżultati traġiċi illi spiss naraw. It- tmintax-il emenda kienet tipprojbixxi l-manifattura u l-bejgħ (imma m'hux il-konsum) tax-xorb, liema emenda frott il-Projbizjoniżmu ġiet revokata bil-wieħed u għoxrin-il emenda. Fl-Italja, il-Kostituzzjoni ġiet adottata mill-Assemblea Kostitwenti fit-22 ta' Diċembru 1947 b'maġġoranza kbira tal-voti. L-Assemblea Kostitwenti kienet ġiet eletta fit-2 ta' Ġunju 1946 fl-istess jum illi sar ir-referendum illi abolixxa l-monarkija. S'issa ġiet emendata 15-il darba għalkemm bħalissa il- gvern ta' Renzi qed jimbotta proposta sabiex jirridimensjona radikalment il-komposizzjoni u l-poteri tas- Senat. Fil-preżent, is-Senat għandu prattikament l-istess poteri tal-Kamra tad-Deputati u jrid anke jagħti l-fiduċja lill-gvern. L-eżekuttiv taljan huwa dgħajjef u dan huwa l-konsegwenza storika tal-perjodu faxxista. Imma l-Kostituzzjoni taljana illi hija frott kompromess bejn il-kattoliċi u l-komunisti serviet sew lill-pajjiż. L-istess jista' jingħad dwar il- kostituzzjoni tagħna. Dan l-aħħar id-deputata indipendenti Marlene Farrugia kitbet "Our second challenge is not to reform our expired Constitution, but to write a constitution of our own, that reflects the actual needs of our nation half a century after that constitution was tailormade for us by the British, spiced up by Mintoff in 1974 and seasoned with a couple of goodies by Fenech Adami in the 1980s." Ma naqbel xejn ma dan : il-Kostituzzjoni tagħna ma kienetx xi dota kolonjali imma kienet frott il-ħidma ta' ġuristi maltin u l-aktar tal-Avukat-Ġenerali tal-epoka, J.J. Cremona illi silet sew mit-tradizzjoni amerikana, indjana u mill-Konvenzjoni Ewropea tad- Drittijiet tal-Bniedem. Fl-istess ħin mexa fuq il-mudell ta' Westminster dwar l-operat tal-gvern u tal- leġiżlatura, mudell illi gradwalment qegħdin nitbiegħdu minnu. Intoppi matul is-snin kellna imma l-fatt illi pajjiżna huwa demokrazija vivaċi jattesta għas-suċċess tal- Kostituzzjoni. Ma nafx x'għandha eżatt f 'moħħha Marlene Farrugia imma altru illi l-Kostituzzjoni tagħna m'hix skaduta. M'hemmx dubju illi hemm fejn tista' tissaħħaħ u għandha tissaħħaħ imma ma narax għala għandna nivvintaw ir-rota mill-ġdid, tendenza ferm maltija kull meta jinbidel gvern jew ministru. U mid-dehra l-ħsieb ta' Marlene Farrugia kien ukoll il-ħsieb wara l-proposta tal-partit laburista illi jwaqqaf Konvenzjoni Kostituzzjonali sabiex twelled it-Tieni Repubblika : riskrittura sħiħa tad-dokument kostituzzjonali. Dwar dan is-suġġett ktibt diversi drabi imma issa illi s-suġġett reġa tqanqal, ta' min infakkru dak illi kont ktibt fid-9 ta' Ġunju 2013 fl-artiklu tiegħi f 'dan il-ġurnal "Sette Giugno ieħor" 'F'dan il-kuntest, infakkar f 'dak illi ktibt fit-12 ta' Mejju li għadda : "(I)l-ħsieb tal-gvern il- ġdid (hu) illi jsejjaħ Konvenzjoni Kostituzzjonali sabiex tfassal dawn ir-riformi u twassal għat-twelid tat- Tieni Repubblika. Imma l-manifest elettorali tal-partit laburista ma qal xejn kif ser tkun komposta dina l-Konvenzjoni u kif ser tipproċedi fil-ħidma tagħha imma wieħed jifhem illi l-ħsieb hu illi għandha tkun rappresentattiva tal-poplu in ġenerali." Din il-proposta vaga illi tissejjaħ Konvenzjoni Kostituzzjonali sabiex tabbozza l-bidliet għall- Kostituzzjoni qed tqanqal tħassib serju u ġiet ikkritikata anke mill-ex kap tal-Partit Laburista, Karmenu Mifsud Bonniċi. L-appell ta' l-Ispeaker illi d-diskussjonijiet sabiex isir tibdil kostituzzjonali isiru fl-ambitu parlamentari m'għandhux jiġi njorat mill-Gvern għaliex huwa evidenti illi jekk irridu naslu x'imkien, id-diskussjonijiet. għandhom isiru fil-Parlament u mkien aktar.' Dak li ktibt kważi tlett snin ilu għadu ferm relevanti llum. U ma rrid inżid u ma nnaqqas xejn minnu. Li hu relevanti m'hux min jippresjiedi d-diskussjonijiet, importanti kemm hu mportanti min jippresjedihom imma liema instrument ser jintuża sabiex jiġu abbozzat t-tibdiliet kostituzzjonali meħtieġa illi fl-aħħar mill-aħħar iridu jgħaddu mill-proċess parlamentari sabiex jiġu approvati skond il-Kostituzzjoni attwali. Inkun qed nonqos jekk ma nfakkarx fix-xogħol utli illi kien wettaq il-Kumitat Magħżul tal-Ħdax-il Leġiżlatura dwar it-Tisħiħ tad- Demokrazija li kien magħmul minn sitt membri u sitt sostituti miż-żewġ naħat tal-Parlament. Dan il-Kumitat Magħżul kien bena fuq ix-xogħol li kien wettaq il-Kumitat Magħżul dwar l-Emendi Kostituzzjonali bejn l-1987 u l-1989 u adotta żewġ rapport proviżorji. Ħasra kbira illi kunsiderazzjonijiet partiġjani mijopiċi ssabottaġjaw ix-xogħol siwi ta' dan il-Kumitat Magħżul. Fil-fehma meqjusa tiegħi, m'hemmx ħtieġa illi nivvintaw ir-rota mill-ġdid u nfaqsu konvenzjoni mix-xejn illi rridu naqblu kif ser tkun komposta u x'ser ikunu t-termini ta' referenza tagħha meta l-anqas qed naqblu min għandu jmexxiha. Personalment inħoss illi l-aħjar soluzzjoni tkun illi l-Kumitat Magħżul tal-Kamra isir wieħed permanenti sabiex ikompli fuq ix-xogħol siwi li sar bil-kalma kollha. Dina m'hix operazzjoni illi ser titlesta f 'dina l-leġislatura għax huwa pjuttost tard fil-leġislatura illi l-prim ministru issa jqajjem il-ħtieġa ta' bidla kostituzzjoni. Inħoss ukoll illi ħadd aħjar mill- Ispeaker m'għandu jippresjedi dan il- Kumitat Permanenti bħalma kien il- każ tal-Kumitati Magħżula tal-Kamra dwar it-tibdil kostituzzjonali. Hija persuna illi diġa affermat ruħha bħala super partes u illi l-partijiet kollha tgħallmu jaħdmu magħha minkejja illi m'hux dejjem jaqblu mar-rulings u d-deċiżjonijiet tagħha. Ma nħossx illi l-President hija l-persuna idonea għal dan ir-rwol peress illi wieħed mill-objettivi tat-tibdil kostituzzjonali neċessarjament għandu jkun ir- reviżjoni tal-poteri u prerogattivi presidenzjali. L-objettivi ta' reviżjoni kostituzzjonali għandhom ikunu t-tisħiħ tas-separazzjoni tal-poteri illi ġew serjament imdgħajfa fl- aħħar snin, it-tisħiħ tal-ġudikatura u l-mod u manjiera kif tiġi appuntata, it-tisħiħ tal-istrumenti kontra l-kriminalità u l-korruzzjoni, it- twessiegħ tad-drittijiet umani u ċivili u t-tisħiħ tal-istituzzjonijiet sabiex jiġi assigurat it-trasparenza massima fl-operat tal-gvern. Il-ħidma li trid issir hija kbira, trid tinvolvi esperti kostituzzjonali u s-soċjetà ċivili kollha imma trid issir bil-kalma u serenità u m'hux fl-isfond ta' tinbix partiġjan. Jekk min irid jieħu d-deċiżjonijiet jonqos milli jaġixxi b'serjetà imma jkun moħħu biss biex jiggwadanja xi vantaġġ żgħir politiku, ikunu qegħdin naħlu aktar ħin u ma naslux fejn ilkoll nixtiequ illi naslu. Ħlejna żmien biżżejjed u l-aħjar illi wieħed jista' jagħmel hu illi jerġa jibda l-proċess illi l-Kumitat Magħżul dwar it-Tisħiħ tad-Demokrazija kien beda fil-Ħdax-il Leġiżlatura u illi ġie interott prematurament. AĦBARIJIET ONLINE .cOm.mT Joe ellis Opinjoni Il-Kostituzzjoni li neħtieġu

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 10 Jannar 2016