Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/624745
Ftit tal-ġimgħat ilu f 'din ir-rubrika, kont ktibt fuq kif il-gvernijiet lokali, b'istruzzjonijiet mill-Unjoni Ewropea, kontinwament jagħmlu pressjoni fuqna s-sidien tal-karozzi biex inbiddlu l-vetturi tagħna, irridu jew ma rridux, għal vetturi iktar moderni. ir-raġuni li jagħtuna għal dan l-aġir huwa minħabba l-ambjent. Però, meta wieħed iħares sew lejn il-motivi ta' dawn id-deċiżjonijiet, jitqajmu dubji serji kemm hu veru li dan kollu jsir għal raġunijiet ambjentali. Għalkemm kien imħabbar fil-baġit, għal ħafna, xorta kienet kemxejn ta' sorpriża meta semgħu li mill-ewwel ta' Jannar ta' din is-sena, it-taxxa tar-reġistrazjoni ta' vetturi użati antiki iktar minn sentejn kellha togħla b'madwar 30% u r-raġuni li ngħatat hija biex ikollna karozzi li jħammġu inqas. U jiena nistaqsi, 'Imma dawn bis-serjetà?' Mela ftit tax-xhur ilu konna għadna kif smajna bl- iskandlu tal-emmisjonijiet tal-Volkswagen ġewwa l-Istati Uniti. Skont rapporti fuq aħbarijiet internazzjonali, il-livelli tal-emmisjonijiet kienu saħansitra erbgħin darba iktar mil-livelli stabbiliti mill-Istati Uniti. Dan l-iskandlu infirex f 'ħafna iktar partijiet tad-dinja u wara ftit bdiet ħierġa l-aħbar li kienu diversi kumpaniji tal-karozzi Ewropej li kien qiegħed jinstabilhom diskrepanza bejn l-emmisjonijiet li kienu qegħdin jiġu rreklamati u l-emmisjonijiet reali. L-ammont ta' karozzi affetwati mhuwiex preċiż, però hemm possibbiltà li jaqbeż diversi miljuni ta' karozzi anke fl-Ewropa. S'issa, għadni ma smajtx b'xi soluzzjoni konkreta kif se tissolva din l-affari, u l-Unjoni Ewropea, li s-soltu tkun fost dawk ta' quddiem biex tiprietka fuq l-ambjent, qiegħda relattivament kwieta. Mhux talli hekk, imma talli nisimgħu li se niġu intaxxati iktar talli nixtru karozza antika iktar minn sentejn, fejn l-alternattiva tkun li nixtru karozzi li kienu propju f 'nofs dan l-iskandlu minħabba emmisjonijiet eċċessivi. Jiena nippretendi li sakemm din l-affari tissolva u jistabbilixxu eżatt kemm hemm karozzi affetwati u jibdew jiġu ttestjati l-karozzi b'mod iktar reali, din il- pressjoni biex nixtru bilfors karozzi ġodda tiġi sospiża u llaxkata. Ħa nagħtikom eżempju tal-assurdità ta' din iż-żieda fit-taxxa tar-reġistrazzjoni. Mela karozza partikolari diesel irreġistrata għall- ewwel darba f 'Diċembru tal-2013, iklassifikata bħala Euro 5 għandha l-ammont ta' €2,419 x'jitħallsu bħala taxxa tar-reġistrazzjoni, jekk din il-vettura tiġi impurtata minn barra bħala karozza użata din is-sena. Jekk wieħed jimporta l-istess tip ta' karozza, bl- istess speċifikazzjonijiet u emissjonijiet iżda rreġistrata għall-ewwel darba f 'Jannar tal-2014, l-ammont dovut bħala taxxa tar- reġistrazzjoni jkun ta €1,795. Qegħdin ngħidu iktar minn €600 sempliċiment għax waħda ħarġet minn 'showroom' ftit ġimgħat qabel l-oħra. Jista' xi ħadd jispjegali kif qiegħed jibbenefika l-ambjent jekk jien nixtri karozza li hi ftit ġimgħat iktar moderna? Forsi wieħed jgħid, 'Imma iktar ma tiqdiem karozza, iktar tibda tħammeġ'. U jien nistaqsi, allura possibli l-karozzi tal-lum huma daqshekk inferjuri li wara sentejn, it-teknoloġija li taħdem biex tipproteġi l-ambjent tibda tfalli? Mela dan il-ftaħir kollu ta' teknoloġija moderna favur l-amjent hija kollha daħka fil-wiċċ, jekk ma sservix iktar minn sentejn. Li kieku kellna nimxu b'din ir-rata, u kulħadd kellu jibdel il-karozza kull sentejn, l-ambjent ikun milqut ħafna agħar. Ikkunsidraw it-tniġġiż kollu li jipproduċu l-fabbriki biex jimmanifatturaw dawn il-karozzi kollha: il-materjal kollu bħal ħadid, plastik, ġilda, lasktu, ramm u żejt li tintuza f 'kull karozza, it- tniġġiż mill-vapuri, ferroviji u trakkijiet biex dawn il-vetturi jiġu trasportati u l-ammont kollu ta' skart li jinħoloq mill-karozzi skrapjati. Li kieku ridna nnaqsu l-emmisjonijiet, irridu nibdew billi jsiru testijiet reali fuq il-karozzi ġodda biex nistabilixxu fejn wasalna, u mhux xi test li jsir f 'xi laboratorju li qatt ma tkun tista' tirreplikah fid-dinja reali. Naqta' rasi li b'testijiet reali, il-livelli ta' emmisjonijiet ta' karozzi ġodda jkun ħafni iktar viċin ta' karozzi eqdem milli naħsbu. La darba jiġu stabbiliti dawn il-livelli, wieħed għandu jħallas fuq dawn il-livelli, fuq il-valur tal-karozza u fuq id-daqs tal karozza. L-età m'għandhiex tidħol fil-kalkoli. Fejn tidħol il-liċensja annwali tal-karozzi, hija pjutost l-istess storja. Għaliex il-liċensja togħla iktar ma teqdiem il-karozza? Jekk jien nibża' għall-karozza tiegħi u wara għaxar snin, baqgħet tħammeġ l-istess daqs meta kella sentejn, għaliex għandi nħallas iktar? L-emmisjonijiet għanhom jiġu mkejla kull meta ntella' l-karozza għall-VRT u nħallas skont kemm tħammeġ. Jekk jien inbiddel il-magna tal- vettura tiegħi u nwaħħal magna iktar moderna, għaliex xorta nibqa' nħallas fuq l-età tal-vettura u mhux tal- magna? Fuq kollox, mhux il-magna li toħloq l-emmisjonijiet? Meta tara kif jiġu imposti ċertu taxxi u miżuri, ma tridx tkun xi għaref biex tinduna li l-ambjent huwa l-aħħar ħaġa fuq moħħ l-Unjoni Ewropea u l-iskop ewlieni huwa li l-ekonomiji ta' pajjiżi kbar bħal Ġermanja u Franza jibqgħu b'saħħithom. Meta tisma li dan l-iskandlu tal-emmisjonijiet se jiswa biljuni kbar f 'kumpens u multi, ammont sostanzjali ta' telf u l-bejgħ ta' karozzi Ewropej niżel drastikament f 'pajjizi bħall-Istati Uniti, tibda tifhem iktar kif aħna l-Ewropej qegħdin niġu imġiegħla nixtru iktar karozzi ġodda biex nikkumpensaw għat-telf minn bnadi oħra. Fid-dawl ta' kriżijiet ekonomiċi f 'ċertu pajjiżi, tibda tifhem iktar kif l-ekonomiji ta' pajjiżi oħra baqgħu jissodaw. Fl- istess ħin nemmen li dawk il-pajjiżi Ewropej kollha li l-ekonomiji u l-impjiegi tagħhom mhumiex qegħdin jibbenefikaw minn iktar bdil ta' karozzi fi żmien qasir, fosthom Malta, għandhom iqumu ftit u ma jibqgħux iħallu pajjiżi oħrajn ibellgħulhom ir-ross bil-labbra. Huwa veru li kif ngħidu, il- karozza hija silġa, bil-valur tagħha dejjem nieżel. Però donnu qegħdin jintefgħu fjammi biex din is-silġa idewbuhielna kemm jista' jkun malajr ħalli nixtru silġa oħra f 'qasir żmien. Il-Ħadd 10 ta' Jannar 2016 | illum 23 Vetturi Ingranat Andrew Pisani Il-karozza: Silġa fuq in-nar