Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/624745
Il-Ħadd 10 ta' Jannar 2016 | illum 7 Aħbarijiet tas-sieħeb preferut għall-Air Malta pajjiżna jkun pass eqreb lejn ajruporti bħal dak ta' Abu Dhabi li jtir lejn kull kontinent u prattikament lejn kull pajjiż fejn jgħixu n-nies. Fil-fatt, fl-2014 dan l-ajruport użawh 24 miljun passiġġier, 53 linja tal- ajru, b'titjiriet lejn 85 destinazzjoni f '49 pajjiż. Dan jagħmel lil dan l-ajruport fost l-ikbar fid- dinja. B'Airmalta li tkun tista' tagħmel aktar titjiriet u li ttir lejn ajruporti iktar strateġiċi, il-konsumatur jista' jkun li jmur minn fuq, dejjem jekk ikunu konklużi d-diskussjonijiet mal-Etihad. Il-ħaddiema se jaqblilhom? Imma bħal dejjem hemm żewġ naħat tal-munita, għax jekk l-Etihad tat direzzjoni ġdida u ħolqot ħafna iktar opportunitajiet għall-Alitalia, l-akkwist ħoloq ukoll ċertu ammont ta' inkwiet industrijali u tensjoni. Skont dak li kienet irraportat Reuters f 'Ġunju 2014, ftit qabel ma kien konkluż il-ftehim mal- Alitalia, il-Ministru Taljan għax-Xogħol Giuliano Poletti, fl-ewwel indikazjonijiet semma li kellhom jitkeċċew bejn 2,400 u 2,500 ħaddiem minn total ta' 14,000. Dan kellu jsir bħala parti mill-pjan biex jitnaqqas it-telf. Il-Kap tal- Alitalia Gabriele Del Torchio kien ikkwotat jgħid hekk fuq La Republica, "Etihad mhumiex flessibbli fejn jidħol it-tnaqqis fl-impjiegi." Wara diskussjonijiet twal, li xi minn daqqiet waqqfu l-proċess kollu ta' negozjati, intlaħaq ftehim li jitnaqqsu 1,635 ħaddiem, b'uħud jingħataw somma filwaqt li oħrajn tmexxew għal setturi oħrajn fl-avjazzjoni. Wara li ntlaħaq dan il-qbil, Torchio kien qal hekk: "it-tkeċċijiet iweġġgħu imma huma neċessarji biex nassiguraw l-iżvilupp u l-futur tas- settur." Dan hemm ċans li jiġri fil-każ li l-Etihad tieħu parti mill-Airmalta hekk kif jista' jkun hemm numru ta' ċaqliqiet, telf ta' impjiegi jew tnaqqis ta' ċerti kundizzjonijiet ta' numru ta' impjegati li jaħdmu mal- Airmalta. Wieħed irid iżomm f 'moħħu wkoll iżda, biex it-tixbih ikun iktar ġust, li fl-2012 l-Alitalia tilfet €280 miljun, bit-telf jakkumula għal €843 miljun b'kollox. Fi Frar tal-2013, l-istess kumpanija kellha titlob self ta' €150 miljun wara li r-riżervi sparixxew u l-kumpanija kienet fi kriżi totali. Dan it-telf sar wara li konsorzju magħmul minn investitutri Taljani ħadu l-assi taħt idejhom biex joħorġu lill-Alitalia minn falliment. Dakinhar, jiġifieri fl-2009, €652 mid-dejn tal-kumpanija kien trasferit għand dan il-konsorzju. Is-sitwazzjoni fl- Airmalta, għalkemm xorta mhux waħda tajba, tista' titqies aħjar minn dik tal- Alitalia u għalhekk huwa possibbli li d-deċiżjonijiet jistgħu ma jkunux daqstant diffiċli u drastiċi. Fil-fatt, f 'Marzu tal-2015 l-Airmalta għalqet is-sena finanzjarja b'telf ta' €16-il miljun, b'żieda ta' €8.7 miljun fi qligħ fl-ewwel sitt xhur tas-sena finanzjarja kurrenti u previżjonijiet għal telf totali ta' €4 miljuni fl-aħħar sena li tkopri l-programm ta' ristrutturar tal-Kummissjoni Ewropea. It-telf illum huwa 'l bogħod mill-€50 miljun li kienet għamlet fl-2010 meta l-Gvern Nazzjonalista ta' dakinhar kien qabel mal- programm ta' ristrutturar tal-KE u sejjaħ it-telf ta' madwar 1,000 impjieg bħala, "l-prezz għal din l-għajnuna (state aid) li għandha ssalva lil-linja tal-ajru minn kollass imminenti." Minn dik is-sena, kemm Gvern Nazzjonalista kif ukoll dak preżenti tejbu fuq id-dehra tal-ajruplani u 'marketing' ġdid b'xi ftit ta' ffrankar li wassal ukoll għal dibattiti fil-pajjiż. Fost dawn kien hemm il-kwistjoni tal- ikel fuq l-ajruplan b'bosta jikkritikaw il-faqar tal- famuż bezzun li ħa post ikla sħuna fl-Airmalta. Kienet ikkritikata wkoll id-deċiżjoni li jitħaddem servizz ta' massaġġi u terapija fuq l-ajruplan. Wieħed jistenna li jekk jintlaħaq qbil, id- diskussjoni tkun madwar kwistjonijiet ħafna iktar serji minn hekk. Mil-lat pożittiv, l-Airmalta qed toħroġ b'offerti aktar attraenti li qed iqajmu ħafna interess fost is-suq Malti bi prezzijiet li jitqabblu sew ma' dawk ta' linji tal-ajru oħrajn. Fil-fatt f 'eżerċizzju li kien ippublikat fuq l-ILLUM ta' nhar is-26 ta' Lulju 2015 kien determinat li l-Airmalta kienet qed toffri biljetti bi prezzijiet simili jew irħas lejn Londra, Glasgow u Ruma fil-perjodu bejn is-17 u s-27 ta' Awwissu 2015. L-impjiegi mal-Etihad żdiedu bi 3,000 fi 3 snin Minkejja li hija mistoqsija leġittima jekk hux se jintilfu impjiegi jew le mal-Airmalta jew inkella hux se jkunu mibdulin xi prattiċi, skont l-aħħar informazzjoni tal- kumpanija Etihad, l-impjiegi magħha żdiedu bi 3,000 fi tliet snin. Fil-fatt fl-2012 kienet tħaddem 10,656 impjegat, li żdiedu għal 13,535 fl-2013 u li reġgħu żdiedu għal 17,712 fis-sena 2014. Dan apparti li l-istess kumpanija żiedet l-ajruplani b'40 u żiedet in-numru ta' passiġġieri b'4.2 miljun fl-istess perjodu ta' żmien. Allura se jaqblilna jew le? Jekk kemm-il darba jiġi ffirmat dan il-ftehim u l-Etihad issir sieħeb strateġiku, jkunx jaqbel jew le jkun jiddependi minn liema lenti qed tħares. Żgur li l-kumpanija Airmalta jkun jaqblilha għax tingħata spinta 'l quddiem, anke jekk fil-fatt dan hu li ġara f 'dawn l-aħħar ħames snin. B'sieħeb strateġiku, l-Airmalta tista' tkompli tirfina dak li hu tajjeb u tippenetra swieq ġodda. L-Etihad bħala sieħeb strateġiku se tkun xi ħaġa li tista' tkun verament pożittiva għall-konsumatur Malti li jrid isiefer, speċjalment għal dak is-settur ta' nies dejjem jikber li jsiefru lil hinn mill- Ewropa. Għall-konsumatur jista' jkun aktar komdu u forsi irħas ukoll li jsiefer jekk l-Airmalta jkollha sieħeb daqstant b'saħħtu. Min-naħa l-oħra, hemm il-ħaddiema tal-linja nazzjonali ta' Malta. Kemm se jmorru minn fuq jew minn taħt se jkun qed jiddependi ħafna mill-Gvern Malti, speċjalment jekk kif imsemmi iktar kmieni, l-Etihad jerġgħu jkunu inflessibbli dwar in-numru ta' impjiegi kif kienu mal- Alitalia. "F'Marzu 2015, l-Airmalta għalqet is-sena finanzjarja b'telf ta' €16-il miljun, b'żieda ta' €8.7 miljun fi qligħ fl-ewwel sitt xhur tas- sena finanzjarja kurrenti u previżjonijiet għal telf totali ta' €4 miljuni fl-aħħar sena li tkopri l-programm ta' ristrutturar"