Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/627672
Il-Ħadd 17 ta' Jannar 2016 | illum 17 D in il-ġimgħa kont qiegħed insegwi dokumentarju interessanti ħafna fuq it-TV. Dokumetarju mibni fuq intervisti li aċċettaw jagħmlu wħud mill-ommijiet Franċiżi li mingħajr ma jafu x'laqathom, uliedhom ħarbu mid-dar biex jingħaqdu mal-ISIS. Kif qed isejħulhom: żgħażagħ radikalizzati. Interessanti ħafna li għalkemm kienu intervistati separatament, qablu ħafna dwar din l-esperjenza qarsa li kellhom jgħaddu minnha. Kollha qalu li kienu tfal normali u li qatt ma kienu wrew xi abnormalità fl-iżvillupp tagħhom. Kollha ħarġu l-album tal-familja biex juru kemm dan kien minnu. Kienu Kristjani prattikanti. Ritratti tagħhom għadhom kemm telqu jimxu jidħku fuq ħoġor il-ġenituri tagħhom. Ritratti tagħhom qegħdin jikbru ħdejn is-siġra tal-Milied, jiċaċċraw ma' sħabhom l-iskola, f 'attivitajiet soċjali tal-familija bħalma huma tiġijiet, magħmudijiet u anke bid-diploma f 'idejhom meta kien hemm min gradwa bħala perit jew għalliem. Kollox kien normali sakemm...ma setgħux isibu impjieg li tant kienu jwegħduhom. Sakemm fil-familji tagħhom kellhom minn intlaqat minn waħda mill-kriżijiet finanzjarji li kellna tul dawn l-aħħar 15-il sena. Waħda mill- ommijiet tirrakonta li bdiet tara tibdil f 'binha meta kienu fil-periklu li jitilfu darhom għaliex kienu tilfu dak kollu li kienu ġemmgħu f 'ħajjithom minħabba li falliet l-istituzzjoni finanzjarja fejn kellhom flushom investiti. Dawn l-ommijiet kollha wrew l-aħħar ritratt ta' uliedhom qabel ma' kienu rawhom l-aħħar darba. Ir-ritratt kien differenti għal kollox minn dawk ta' qabel. Fil-ħarsa t'għajnejhom kien hemm xi ħaġa differenti. Ħarsa ta' xi ħadd li xeba' u ddejjaq, li hi sensazzjoni bikrija wisq għal min hu żagħżugħ. L-ommijiet jirrakontaw li l-aħħar li raw lil uliedom, kienu ħergin b'barżakka f 'idejhom. It-tieni darba li rawhom kienu fuq filmat propogandistiku tal-ISIS iħeġġu żgħażagħ Franċiżi oħrajn bil-Franċiż biex jingħaqdu mal-ISIS f 'missjoni kontra l-ħażen. Dawn huma ż-żgħażagħ radikalizzati. X'ġiegħel lil dawn iż-żgħażagħ jaslu għal deċiżjoni tant radikali, għad irridu nħallu l-ispjegazzjoni f 'idejn is-soċjologi u l-filosfi. Iżda huwa żgur li dawn iż-żgħażagħ tassew għamlu għażla radikali. Għażla li telqu minn pajjiż kollu libertajiet għal wieħed li huwa konfinat minn preġudizzji u mibgħeda. Għazlu li jitilqu minn pajjiż li huwa l-Belt kapitali tal-arti, għal wieħed li jeqred bliet epokali għall-umanità bħal Palmyra. X'wassal lil dawn iż-żgħażagħ jagħmlu għażla daqshekk radikali? Mhux faċli tgħid iżda waħda mir- raġunijiet naħseb li hija li ż-żgħażagħ mhumiex sodisfatti bil-mod kif qegħdin jaħdmu l-istituzzjonijiet ta' pajjiżhom u dawk internazzjonali. Wisq korruzzjoni kullimkien. Wisq kriżijiet finanzjarji li għamlu lill-ftit sinjuri u l-ħafna ifqar. Wisq ipokrezija tal-partiti politiċi li mhumiex jirrispondu għall-bżonnijiet reali tan-nies. Aktar minn hekk, naqblu jew ma naqblux, l-element materjali qiegħed b'ħeffa kbira jissorpassa dak li huwa spirtwali, u b'spiritwali ma nifhimx biss xi xorta ta' reliġjon, iżda attivitajiet umani b'anqas egoiżmu. Il-politika saret tappella aktar għall-individwalisti milli għal dawk li jixtiequ jagħmlu xi ħaġa għal ħaddieħor. Jiena naħseb li dawn huma mumenti ġenerazzjonali li jiġu jżuruna biex permezz ta' żgħażagh li jirribbellaw, jaslilna l-messaġġ li dawk li qegħdin fil-poter u li bid-deċiżjonijiet tagħhom jiddeterminaw il-ħajja tal-ħafna, mhumiex mexjin kif suppost. Dan il-fenomenu rajnih f 'varjazzjonijiet differenti fi żminijiet oħra wara l-aħħar Gwerra kbira. Rajnih fis-sittijiet b'movimenti ta' żgħażagħ, issa permezz tad-droga, u issa ta' kunċerti kbar mużikali, jipprotestaw kontra l-istatus quo ta' dak iż-żmien. Kien iż-żmien tal- ħela, tas-sindromu ta' Vjetnam, tal-kriżi ta' Kuba. Fil-fatt, mhux aċċidentali li f 'dawk iż-żminijiet kellha tkun għal darba oħra Pariġi, l-avangwardja tal-protesti taż- żgħażagħ. Min qatt jista' jinsa' l-1969, bir-rewwixti ta' żgħażagħ jiġġieldu mal-Pulizija u jagħtu bis-sieq il-bottijiet tal-gass fit-toroq ta' Pariġi? Il-ġeneral De Gaulle saħansitra kellu joħroġ it-tankijiet tal-gwerra biex ixxejjen il-ġlied. Fenomeni simili kienu seħħew anke fis-sebgħinijiet b'mod speċjali wara l-kolp ta' stat li kien seħħ fiċ-Ċili biex il- qawwiet leminin żbranaw lill-umanista Salvador Allende. Organizazzjonijiet bħalma kienu dawk ta' Baader Meinhoff, l-Action Direct fi Franza u l-Brigate Rosse kollha mmexxija minn studenti żgħażagħ li ma kinux jifilħu aktar għall-politika tal-lemin, l-aktar fejn kienu jsiru il-kompromessi politċci biex formazzjonijiet politiċi oħrajn dejjem jibqgħu barra l-Parlament. Żgħazagh li ma kien jonqoshom xejn u li kienu ġejjin minn familji tajbin bħalma kien it-tifel tal-Ministru tas-saħħa Donat Cattin, li minħabba l-involviment ta' ibnu mal- Brigate Rosse u l-assasinju ta' Aldo Moro fi żminijiet tal-'anni di piombo' kellu saħansitra jirriżenja minn Ministru. Għalhekk dak li qegħdin naraw illum mhux xi ħaġa ġdida. Li huwa ġdid hu l-fatt b'liema qawwa ż-żgħażagħ jaqilbu għall-ideoloġiji li huma estraneji għat- trobbija tagħhom. Jekk qabel kien ikun hawn min hu radikalizzat fuq skala ħafna iżgħar f 'movimenti Marxisti jew neo-neo faxxisti, u dawk li llum jingħaqdu mal-ISIS, lanqas jibqgħu Ewropej, anzi jsiru għedewwa ta' art twelidhom. Mhix protesta interna kontra l-istituzzjoni iżda hija waħda globali u immensament radikalizzata. Wieħed mill-akbar kittieba dwar is- suġġett ta' kif iġibu rwieħhom żgħażagħ li jirribellaw, huwa bla dubju ta' xejn Naom Chomsky, kittieb li dejjem kont u għadni nammira. Chomsky jispjega li anke l-aktar żagħżugħ ixxellerat ifittex jekk mhux doża qawwija, doża żgħira ta' spiritwalità. Skont Chomsky, id-dinja għaddejja minn mument li ramiet kull xorta ta' spirtwalità. Il- kriżijiet finanzjarji, dak li qiegħed jiġri f 'pajjiżi bħas-Sirja u l-Libja, ix-xmajjar ta' refuġjati li qatt ma rajna bħalhom, ekonomiji marbuta mas-salvazzjoni ta' min m'għandux bżonnha mentri oħrajn dejjem jiftaqru, l-ostakli li jsibu ħafna żgħażagħ f 'pajjiżhom biex isibu posthom fis-soċjetà, huma kollha fost il-kawżi li jwasslu ħafna żgħażagħ li jġibu rwieħhom bħal ulied li telqu lill- ommijiet biex jingħaqdu mal-ISIS. Żgħażagħ li jagħżlu li jitilqu minn Pariġi tbaqbaq bl-arti, għal Palmyra biex jeqirduha. TONI ABELA Opinjoni Minn Pariġi għal Palmyra "Il-politika saret tappella aktar għall- individwalisti milli għal dawk li jixtiequ jagħmlu xi ħaġa għal ħaddieħor" Żgħażagħ li jagħżlu li jitilqu minn Pariġi tbaqbaq bl-arti, għal Palmyra biex jeqirduha