Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/630579
16 illum | Il-Ħadd 24 ta' Jannar 2016 Q egħdin fil-bidu tas- sena u malli kulħadd jerġa lura għar-rutina, nassistu għal bosta riti. Waħda minn dawn hija l-konferenza ta' kull sena tal-Forum Ekonomiku Dinji illi saret din il- ġimgħa. Kull min isegwi l-kanali ta' aħbarijiet internazzjonali zgur illi nzerta xi rapport dwar din il- konferenza mir-raħal fl-alpi svizzeri ta' Davos. Il-panorama maestuż tal- muntanji mbajdin bis-silġ iservi ta' sfond għal din il-laqgħa ta' kull sena illi fiha l-kbarat u s-sinjuri tad-dinja jiltaqgħu sabiex jiddiskutu temi attwali tal-politika u l-ekonomija tad-dinja. Fil-konferenza ta' din is-sena, fost l-eluf ta' parteċipanti illi attendew kien hemm il-viċi- president amerikan Joe Biden, il-president tal-Afghanistan, tal- Messiku, ta' Rwanda u ta' Ċipru, il-prim ministru ingliż, franċiż, taljan, norveġiż, kanadiż u pakistani, il-Kanċellier ingliż George Osborne, Federica Mogherini, is-segretarju ġenerali tal-Ġnus Magħquda kif ukoll managers importanti minn bosta kumpaniji kbar bħal Facebook, Lloyd's u Hewlett Packard. Attendew ukoll filantropi bħal Melissa Gates u akkademiċi bħal Joseph Stiglitz u Robert Schiller illi t-tnejn rebħu l-Premju Nobel għall- Ekonomija. Niskanta kif il-mexxejja maltin qatt ma pparteċipaw f 'din il-laqgħa daqshekk importanti. Naħseb illi l-frott illi jista' joħroġ minn tali parteċipazzjoni jista' jiżboq bil-bosta xi ċena illi ssir hawn Malta jew xi CHOGM illi nispiċċaw norganizzaw għax ma tantx ikun hemm entużjasmu minn ħaddieħor. Din is-sena t-tema predominanti ta' din il-miġemgħa kienet ir-Raba Rivoluzzjoni Industrijali. X'inhi din ir-rivoluzzjoni, kif ser tolqotna u kif nistgħu nikkontrollaw l-effetti tagħha ? Naħseb illi ħadd ma jista' jispjega aħjar mill-fundatur tal-Forum Ekonomiku Dinji, il- professur Klaus Schwab. F'artiklu illi deher ftit ilu qal bejn wieħed u ieħor dan li ġej : "Qegħdin f 'xifer rivoluzzjoni teknoloġika illi ser tbiddel fundamentalment il-mod kif ngħixu, naħdmu u nirrelataw ma' xulxin. Fil-kobor, skop u kumplessità tagħha, dina t-trasformazzjoni ser tkun differenti minn kwalunkwe ħaġa illi l-umanità għaddiet minnha. Ma nafux eżatt kif ser tiżvolġi imma ħaġa hija ċara : ir-risposta għaliha trid tkun integrata u komprensiva bil-koinvolġiment tal-parteċipanti kollha fil-qafas dinji, mis-setturi pubbliċi u privati, mill-akkademja u mis-soċjetà ċivili. L-Ewwel Rivoluzzjoni Industrijali użat l-ilma u l-enerġija mill-fwar sabiex timmekkanizza l-produzzjoni. It-Tieni waħda użat l-elettriku sabiex titwieled il-produzzjoni tal- massa. It-Tielet użat l-elettronika u l-informatika sabiex il-produzzjoni ssir automatizzata. Issa r-Raba Rivoluzzjoni Industrijali qiegħda tibni fuq it-Tielet, ir-rivoluzzjoni diġitali illi ilha għaddejja min-nofs is-seklu l-ieħor. Hija karatterizzata biż-żwieġ ta' teknoloġiji illi qiegħda tneħħi l-linja tal-qasma bejn l-isferi fiżiċi, diġitali u bioloġiċi." Schwab ikompli jgħid illi l-ħeffa illi bih dina r-Rivoluzzjoni qiegħda sseħħ m'għandhiex preċedent għaliex qiegħda tevolvi b'pass esponenzjali u m'hux linejari. U qiegħda tħalli mpatt fuq is-sistemi ta' produzzjoni, il-management u t-tmexxija u tħarbat kważi l-industriji kollha kullimkien. Il- possibilitajiet ta' biljuni ta' nies ikkonnettjati ma' xulxin b'mobiles b'qawwa tal-ipproċessar u b'kapaċità ta' ħażna bla preċedent hija bla qies. U dawn il-possibilitajiet ser jikbru ferm bl-iżviluppi teknoloġiċi illi qed ikollna f 'oqsma bħall-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika, l-Internet tal- Affarijiet illi permezz tal-elettronika u l-internet tinġabar u tiġi skambjata nformazzjoni li l-bniedem jeħtieġ, vetturi illi jinstaqu weħidhom, l-istampar 3-D, in-nanoteknoloġija, il-bijoteknoloġija, ix-xjenza tal- materjali, il-ħażna tal-enerġija (l-iżvilupp fil-qasam tal- batteriji qiegħed bil-mod il-mod jirrivoluzjona l-mod kif nistgħu nipproduċu l-enerġija illi neħtieġu) u l-quantum computing. Fuq kollox, l-intelliġenza artifiċjali hija kullimkien madwarna, minn karozzi illi jsuqu waħedhom għad- droni għall-assistenti virtwali u l-programmi informatiċi illi jittraduċu jew jiddeċiedu kif u fejn tinvesti. L-intelliġenza artifiċjali qiegħda tiżviluppa b'rata mpressjonanti minħabba ż-żieda esponenzjali fil-qawwa tal-computers u l-ammont kbir ta' nformazzjoni disponibbli. Dawn l-iżviluppi bla preċedent ukoll joħolqu sfidi u opportunitajiet. Ir-Raba Rivoluzzjoni Industrijali għandha l-potenzjal illi tgħolli l-livelli ta' dħul u ttejjeb il-kwalità tal-ħajja ta' ħafna nies. S'issa l-aktar illi ggwadanjaw minn dina r-rivoluzzjoni kienu l-konsumaturi illi jisgħu jakkwistaw prodotti u servizzi b'mod aktar faċli u irħas minn qabel. Il-ġimgħa l-oħra kelli bżonn ktieb, sibtu f 'sekonda, ordnajtu mill-Ġermanja mingħand librar u wara erbat ijiem wasalli d-dar. Wieħed jista' anke jordna e-book illi jasal elettronikament immedjatament. Għal ħafna konsumaturi, illum aktar faċli tixtri prodotti elettroniċi minn fuq l-internet milli toqgħod iddur fiżikament minn ħanut għal ieħor. U anke fis-servizzi qed nassistu għal dawn il-fenomeni : min għadu jmur għand l-aġent tal-ivvjaġġar sabiex jaqta' biljett tal-ajru jew jikri karozza ? U llum f 'bosta bliet aktar faċli u irħas tirkeb permezz tal-Uber milli taqbad taxi. Dawn il-fenomeni huma dawk illi Schwab u oħrajn jiddeskrivu bħala teknoloġiji illi jħarbtu għaliex qegħdin iħarbtu l-modi tradizzjonali kif isir il-kummerċ u jingħataw is-servizzi. Schwab igħid illi l-innovazzjoni teknoloġika sejra tipproduċi gwadann fit- tul fl-effiċjenza u l-produttività. L-ispejjeż tat-trasport u l-komunikazzjoni ser jonqsu , il-katini loġistiċi ser isiru aktar effettivi u l-ispejjeż tal-kummerċ ser jonqsu bir-riżultat illi swieq ġodda ser jinfetħu u l-ekonomija tikber. Fir-realtà, dan kollu diġa qed iseħħ u wieħed jistenna illi r-ritmu ta' dan it-tibdil ser jikber. Fl-istess ħin, dina r-rivoluzzjoni tista' tagħti lok għal aktar inugwaljanza minħabba l-potenzjal tagħha illi tħarbat is-swieq tax-xogħol. Hekk kif l-awtomatizzazzjoni tissostwixxi l-manodopera f 'oqsma kbar tal- ekonomija, l-aktar illi ser jintlaqtu huma dawk li jaħdmu f 'xogħol illi ma jirrikjediex ħiliet kbar. Studju illi ġie ppubblikat dina l-ġimgħa mill-Forum Ekonomiku Dinji stess jindika illi aktar minn 7m impjieg jistgħu jintilfu fl-akbar ekonomiji tad-dinja fil-ħames snin li ġejjin hekk kif l-avvanzi teknoloġiċi illi semmejt jittrasformaw id-dinja tax- xogħol. L-akbar telf ta' mpjieg hu mistenni illi jkun fl-oqsma klerikali u amministrattivi għalkemm il- F.E.D. qed jipprevedi illi dan ikun parzjalment ikkumpensat bil- ħolqien ta' mpjiegi f 'oqsma bħall- computing, matematika, arkitettura u inġenerija. L-akbar telf ta' mpjiegi mistenni jkun fil-qasam tas-saħħa u wara fl-oqsma tal-enerġija u servizzi finanzjarji, jiġifieri l-banek. Fil- fatt, Anthony Jenkins li qabel kien imexxi Barclays wissa s-sena l-oħra illi l-qasam bankarju qed jasal fil- "mument Uber" bin-numru ta' nies illi jaħdmu fis-settur tas-servizzi finanzjarju jista' jonqos bin-nofs fl-għaxar snin li ġejjin. Mill-banda l-oħra, l-industrija illi hija l-aktar mistennija illi toħloq impjiegi hija l-informatika u warajha s-servizzi professjonali, il-qasam tal-media, l-industrija tad-divertiment u l-informazzjoni. Dan it-telf ta' mpjiegi ser ikollu konsegwenza fuq ir-rapport bejn is-sessi. Peress illi n-nisa jaħdmu anqas fis-setturi fejn ser jinħolqu l-impjiegi, ir-rapport jipprevedi illi illi n-nisa ser jitilfu ħames impjiegi għal kull impieg illi jinħoloq mentri l-irġiel ser jitilfu tlett impjiegi għal kull impieg illi jinħoloq. Schwab iwissi ukoll illi dan it- tibdil teknoloġiku jista' jkollu effett drammatiku ukoll fuq l-inugwaljanza ekonomika għaliex l-aktar illi jibbenefikaw mill- innovazzjoni huma min jipprovdi l-kapital fiżiku u intelletwali - l-innovaturi, l-azzjonisti u l-investituri. Dan il-fenomenu jispjega d-diskrepanza dejjem tikber bejn dawk illi jgħixu fuq il-kapital minn dawk illi jiddependu fuq il-ħidma tal-għaraq ta' xbinhom. Din hija waħda mir-raġunijiet għala l-pagi m'humiex jiżdiedu, u anke naqsu, għall-maġġiorparti tal-populazzjoni tal-pajjiżi sinjuri. Dana peress illi d-domanda għal ħaddiema b'ħiliet għoljin żdiedet mentri dik għall-ħaddiema b'anqas edukazzjoni u ħiliet naqset. Il-bniedem dejjem kellu biża' mit-tibdil teknoloġiku : ilkoll niftakru illi l-ewwel makni tat- tessuti kienu l-mira tal-Ludditi illi kienu jfarkuhom għax beżgħu illi ser jispiċċaw bla xogħol. Il- bniedem ukoll ilu jibża illi ser jispiċċa maħkum mill-makni : ilkoll niftakru l-ġlieda mal-computer HAL (illi verament kienet parodija tal-IBM peress illi H.A.L. huma l-ittri fl-alfabet qabel I.B.M.) fil-film kapolavur ta' Stanley Kubrick, "2001 : A Space Odyssey." Kif ser naraw il-ġimgħa d-dieħla. dawna l-biżgħat huma reali aktar minn qatt qabel fiż-żernieq tar-Raba Rivoluzzjoni Industrijali. Opinjoni Joe ellis Ir-raba' rivoluzzjoni industrijali AĦBARIJIET ONLINE .cOm.mT "Qegħdin f 'xifer rivoluzzjoni teknoloġika illi ser tbiddel fundamentalment il-mod kif ngħixu, naħdmu u nirrelataw ma' xulxin"