Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/630579
Il-Ħadd 24 ta' Jannar 2016 | illum 17 D in il-ġimgħa kont qed nassisti żewġ żgħażagħ li sfortunatament kienu qegħdin iħassru l-għerusija. Xi sentejn ilu kienu laħqu xtraw post bejniethom li kien ta' bejniethom sakemm il-ġuvni ddeċieda li jixtri sehem it-tfajla. Meta ffirmaw u staqsew lin-nutar xi jridu jħallsu bħala taxxi, ir-risposta kienet xejn. Fl-aħħar baġit iddaħħlet miżura li f 'sitwazzjoni simili, m'għadx hemm ħlas ta' taxxi. Sa ftit ilu, f 'sitwazzjoni simili konna rridu niktbu lill-Ministru biex jeżentahom mill-ħlas ta' taxxi minħabba ċ-ċirkostanzi sfortunati ta' dawk involuti. It-tweġiba kienet dejjem tkun le. Il-liġi ma kinitx tippermetti. Dawn iż-żewġ żgħażagħ gawdew darbtejn mill-eżenzjoni tat-taxxi. L-ewwel darba meta xtraw, għaliex kienet l-ewwel dar tagħhom, u t-tieni darba meta parti biegħet sehemha lill-oħra. Frankaw eluf ta' taxxi. Nistma li dawn iż- żewġ żgħażagħ frankaw 'il fuq minn għaxart elef ewro, li mhix xi ħaġa taċ-ċajt għal min għadu jibda d-dinja. Dawn mhumiex iż-żewġ żgħażagħ li dehru fil-messaġġ tal-aħħar tas-sena li tant qanqal kontroversji għaliex m'għandniex aktar xi ngħidu. Dawn huma żewġ żgħażagħ li frankaw aktar minn dawk li dehru fil-messaġġg minħabba ċ-ċirkostanzi li sabu rwieħhom bis-saħħa ta' eżenzjoni mit-taxxa għall-proprjetà li parti minnha tibdel l-idejn bejn il-kopropjetarji, għarajjes jew mhumiex. Il-ħsieb wara din l-eżenzjoni huwa li s-sens komun jiddetta li ma'għandniex nisfruttaw lil min diġà ħallas taxxa fuq l-istess ħaġa. Sens komun li sa tliet snin ilu ma kienx jeżisti. Sens komun li f 'sitwazzjonijiet diffiċli għal persuna, il-Gvern jagħti palata biex itaffi lil dak li jkun, parti żgħira mill-uġigħ. Din ix-xorta ta' sensittività qabel ma kinitx teżisti. Din ix-xorta ta' sensittività soċjali se tkun ukoll is-sinsla tal-Family Business Act biex tagħmilha aktar faċli u anqas ta' piż f 'negozju li jkun tal-familja kull fejn ikun hemm bżonn u kull meta jkun hemm tibdil ta' idejn bejn l-istess membri tal- familja, jew jekk in-negozju jkun ser jgħaddi minn mument ta' tibdil legali. Is-sens komun kien il-kawża wara diversi inċentivi f 'baġit wara l-ieħor li wasal għal riżultati li ħadd ma jmeri l-effett pożittiv tagħhom. Aktar zgħażagħ daħlu fid-dinja tax- xogħol, aktar persuni b'diżabbiltà ġew impjegati, aktar nisa sabu l-opportunità li joħorġu jaħdmu, aktar negozji kabbru x-xogħol tagħhom, aktar imxiet l-industrija tat-turiżmu. Niltaqa' ma' barranin u jistaqsuni kif il-Gvern irnexxielu jagħmel dan kollu meta tant pajjiżi oħrajn sejrin lura bħal granċ. It-tweġiba tiegħi dejjem tkun li mhux il-Gvern, iżda l-Maltin. Nispjegalhom li jekk il-Gvern joħloq klima tajba, għandna poplu li tant huwa bieżel li ma joqgħodx lura biex jaħtaf l-opportunità. Biex Malta tirnexxi, kulma għandna bżonn huwa Gvern li juri bil-fatti li għandu fiduċja fil-poplu u li joffri l-għodda sabiex jiffaċilita t-tkabbir tal-ġid. Ma jiswa xejn li jkollok Gvern li qiegħed jaħdem jekk ma jkollokx poplu li huwa bieżel, u Alla berikna bit-tnejn. Is-sens komun kollox. Hija ħasra għalhekk, li dan kollu qiegħed jintradam mhux minn żbalji ta' politika nazzjonali dwar l-enerġija, l-edukazzjoni, is-saħħa, ix-xogħol jew l-ekonomija, għaliex twarrab il-kritika tas-soltu dwar dettalji u mhux il-qofol, kulħadd jaqbel li f 'sens Nazzjonali l-pajjiż mhux biss sejjer tajjeb, iżda huwa fost l-aqwa fiż-żona ewro. Anke l-oppożizzjoni fis-silenzju relattiv tagħha dwar dan, tapprova b'mod taċitu li l-pajjiż sejjer tajjeb. It-tajjeb kollu li qiegħed jagħmel dan il-Gvern, mhux biss qiegħed jintesa', iżda qiegħed jintradam minn kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-'good governance' u li drabi għandhom anke isem u kunjom. L-aħħar minn dawn il-kwistjonijiet hija dik li llum saret magħrufa bħala ta' Gaffarena. Ir-rapport tal-Awditur Ġenerali għal darba oħra qal li tajjeb jew ħażin, l-affarijiet ma sarux sewwa. Tkun ħasra kbira jekk din l-amministrazzjoni titlef il- propulsjoni tal-bidla li qed iġġib minħabba persuni u mhux minħabba l-politika tal-Gvern. Is-sens komun jiddetta li jekk inħarsu lejn is-sensiela ta' żbalji li għamlet l-Amministrazzjoni ta' qabel, għandna boxxla ta' kif nistgħu mmexxu sewwa. Il-ħażin li sar qabel huwa gwida tajba biex immexxu tajjeb. M'għandniex inħarsu lejn l-Awditur Ġenerali bħala xi għadu tagħna, anke jekk f 'qalbna ma nkunux qegħdin naqblu ma kollox f 'dak li jgħid, iżda bħala ħabib li qiegħed jiftħilna għajnejna. Qabel kienet drawwa li kull ċensura li kien jagħmel l-Awditur Ġenerali, li huwa kreatura Kostituzzjonali, l-Amministrazzjoni Nazzjonalista kienet toħroġ tirrambah. Dan m'għandux ikun, kif tant qalet tajjeb Deborah Schembri meta kienet qiegħda tingħata l-ġurament tal- ħatra bħala Segretarju Parlamentari. Is-sens komun jiddetta li d-dritt li tikkontesta tagħtih il-liġi u huwa qiegħed hemm, iżda dejjem jekk jeżisti. Rapporti tal-Awditur Ġenerali ma jistgħux ikunu kontestati u rridu noqogħdu għalihom. Din hija waħda mill-karatteristiċi ta' differenzi kbar li jeżistu bejn l-amministrazzjoni li kien hemm ilbieraħ u dik tal-lum. Ir-rispett lejn l-Awtoritajiet Kostituzzjonali. Din id-differenza għadha tidher sal- lum, tant li sa ftit jiem ilu, għaliex l-Awtorità tax-Xandir ma sabet xejn ħażin fil-famuż messaġġ tal- Prim Ministru tal-aħħar tas-sena, l-Oppożizzjoni ħarġet tqattagħha, ħalliha li meta ngħatat raġun tgħidx kemm ċapċpitilha! Jiena nemmen li s-sens komun hu kollox. Iżda kif jgħidu, is-sens komun ġieli ma jkunx daqstant komuni. Toni AbelA Opinjoni Is-sens komun "M'għandniex inħarsu lejn l-Awditur Ġenerali bħala xi għadu tagħna, iżda bħala ħabib li qiegħed jiftħilna għajnejna" L-Awditur Ġenerali Anthony Mifsud