Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/630579
B ħal fil-każ ta' ħafna kelmiet oħrajn, mhux kulħadd jagħti l-istess definizzjoni ta' 'patrijottiżmu', u aktarx li t-tifsira ssir aktar opaka meta titqabbel mal-kelma 'nazzjonaliżmu'. Ħafna jaraw li dawn iż-żewġ kelmiet ifissru l-istess ħaġa, oħrajn jaraw li fin-nazzjonaliżmu m'hemmx biss l-imħabba li wieħed iħoss għal art twelidu imma hemm ukoll implikata tendenza li dak li jkun iħares lejn in- nazzjon tiegħu bħala distint u superjuri għal nazzjonijiet oħrajn. Fi kliem ieħor, hemm min iħares lejn il-patrijottiżmu bħala sentiment ta' mħabba lejn il-patrija, filwaqt li n-nazzjonaliżmu mhux talli jidealizza din l-art talli joħloq distinzjoni u klassifikazzjoni ta' nazzjonijiet differenti, b'pajjiżu miġjub fuq nett. Taqbel jew ma taqbilx mad-distinzjoni li tista' ssir bejn dawn iż-żewġ termini, il-patrijottiżmu kontemporanju Malti, taħt l-istandart tal- Għaqda Patrijotti Maltin, jieħu xejra pjuttost salvaġġa ta' kif tiġi espressa l-imħabba lejn l-art tat-twelid. Tagħżel liema terminu tagħżel l-impressjoni tiegħi, anki jekk persważ li l-membri ta' din l-għaqda m'humiex se jaqblu miegħi, hija li s-sentiment attwali huwa ħafna aktar ta' mibegħda lejn min hu differenti milli mħabba lejn l-art. Dan in-nazzjonaliżmu / patrijottiżmu ferventi ma jistax jeżisti jekk ma jkunx hemm għadu, għadu veru jew imqar mistħajjel. Fil-każ lokali, l-ieħor, jiġifieri dak li mhuwiex ta' ġewwa, li mhuwiex wieħed minna jew minn tagħna, huwa l-bniedem li ġie mill-bogħod: l-Afrikan iswed li qasam meded vasti ta' art u roqgħa baħar perikoluża u l-Musulman li wkoll ġie hawn minn barra jew twieled hawn u bidel dinu. Fil-każ tal-bniedem iswed diffiċli wieħed jifhem x'inhija eżattament il-problema li l-patrijotti jsibu bih. Anki jekk jipproġettaw wiċċ serju u mħasseb biex jikkonvinċu, diffiċli li wieħed jemminhom meta jgħidu li razzisti m'humiex. Il-bniedem iswed, li kien kostrett jagħmel ġennata mill-kbar nett biex wasal hawn, qiegħed jaqdina mill-koxxa bil- knis li jiknes it-toroq tagħna, bil-ġarr tal-boroż suwed tal-iskart, bit-tikħil tal-faċċati tal-appartamenti minn fuq scaffoldings jiggranfaw tliet jew erba' sulari jekk mhux aktar, u dan, x'akarx, li jagħmlu jew lest li jagħmlu bil-perkaċċi bħala ħlas. Aktarx li jdejjaq lill-patrijotti għax f 'għajnejhom il-bniedem iswed jidher ikrah u l-ikrah jaf jiskomoda lil dak li jkun. Hemm storja twila tal-mod kif il-kulur iswed ġie interpretat mill-għajnejn tal- Punent, li saħansitra fi żmien il-Griegi dan il-kulur kien assoċjat ma' ħwejjeġ negattivi. Fil-każ tal-bniedem Musulman, il-patrijott Malti jagħmel eżattament dak li jagħmel kullimkien in- nazzjonaliżmu: imur iqalleb il-kotba tal-istorja, jew aħjar il-listi ta' miti li ssawru matul iż-żmien, u jikkwota sorsi dubjużi li jgħinuh isib raġuni għall-animożità li għandu lejn l-Iżlam. Il-preġudizzju patrijottiku Malti lejn l-Iżlam huwa evidenti saħansitra fl-ewwel letteratura tagħna, b'poeżiji miktubin mill- poeta nazzjonali tagħna li fihom jesprimi preġudizzju assolut lejn il-Musulman, jew b'rumanzi mimlija sentimentaliżmu u ideoloġija li kienu jinkitbu fil-bidu tas-seklu li għadda. Aktarx li huma dawn il-kotba storiċi li l-patrijotti tagħna jagħżlu biex jissanzjonaw u jiġġustifikaw il-preġudizzji tagħhom. Fuq kollox, bħalma jiġri dejjem u kullimkien meta jgħolli rasu n-nazzjonaliżmu, il-patrijott Malti tal-2016 jinterpreta l-preżent bir-referenzi għall- passat. Minkejja li jiċħdu kull akkuża ta' razziżmu, il-patrijotti tal- perżut fil-wesgħa tal-Imsida, jużaw l-istess kantaliena ta' kunċetti preġudikati li tisma' minn gruppi oħrajn tal- istess qatgħa tagħhom. M'hu veru xejn li l-motivazzjoni tagħhom hija l-imħabba lejn din l-art ħelwa, minkejja kemm bnadar bojod u ħomor jistgħu jxejru l-Ħdud filgħodu. Kliemhom mimli ostilità, imqar it-ton li jużaw meta jitkellmu mimli rabja. In-nazzjonaliżmu tagħhom, bħan-nazzjonaliżmu ta' oħrajn, jeħtieġ għadu, u hawnhekk l-għadu huwa l-Afrikan u l-Musulman, l-istess bħalma għal ħaddieħor l-għadu kien il-Lhudi jew l-omosesswali jew il-komunist. U ladarba qegħdin insemmu l-komunisti, interessanti ħafna kemm il- perfidja patrijottika u leminija taf twassal nies biex jibdlu l-kostum, u fejn qabel kienu jħaddnu ideoloġija li temmen bl-għaqda tal-ħaddiema kollha tad-dinja, issa qegħdin jibżgħu għal xogħolhom u qegħdin jibżgħu li ħobżhom se tittiekel mill-barrani. Imma anki dan il- fenomenu jitfaċċa ħafna drabi f 'partijiet oħrajn tad-dinja, bħal dak Horst Mahler, militant mat-terroristi komunisti tal- Baader Meinhof u mbagħad ideologu neoNazista. Hemm sensiela ta' gideb fil-proċess patrijottiku. Miniex qed nalludi biss għall-gidba li l-Għaqda Patrijotti Maltin qalu li f 'San Pawl il-Baħar hemm skola statali li mhijiex tħalli t-tfal jieklu l-perżut, imma għall-gidba l-kbira li dawn qegħdin iħossu li l-preżenza Musulmana faċċata tal-knisja parrokkjali tal-Imsida thedded il-Kristjanità ta' Malta li, kif qalulna l-patrijotti ta' mitt sena ilu, hija l-bażi tal-identità nazzjonali Maltija. Il-gidba tar-reliġjon allura. Povru Alla li dejjem jispiċċa jieħu t-tort għall-kunflitti bejn grupp u ieħor li jinħbew wara l-paraventu tar-reliġjon biex jaħbu l-vera raġuni għala jobogħdu lill-Ieħor. Povru Alla. Dil-ġimgħa miet ir-reġista ċinematografiku Taljan Ettore Scola. Ma meliex il-paġni tal- facebook bħalma għamel David Bowie, imma sfortunatament dik hija d-dinja tal-ispettaklu. Scola kien wieħed minn dawk l-artisti li interpretaw l-istorja ta' pajjiżhom u li għamlu dan bi frankezza u onestà kbira. Terġa' u tgħid, iċ-ċinema ta' Scola ħarset lejn l-istorja bir- rakkont tal-ħajjiet mondani ta' nies komuni. L-Italja ta' wara l-Faxxiżmu ġiet mixtarra sew mill-kameras ta' Scola, f 'films kbar bħall-kapulavur "Una Giornata Particolare" (1977), u "C'eravamo Tanti Amati" (1974) u "La Famiglia" (1987). Dan ukoll huwa forma ta' rispett lejn in-nazzjon li tkun tappartjeni għalih: iċ-ċittadinanza kritika u impenjata, mingħajr preġudizzju lejn il-gruppi u etniċitajiet oħrajn. 18 illum | Il-Ħadd 24 ta' Jannar 2016 Patrijottiżmu bil-perżut Immanuel mIFSuD Opinjoni Bnadar ta' Malta waqt l-aħħar laqgħa tal-patrijotti fl-Imsida fejn tqassam ħobż bil-perżut "Minkejja li jiċħdu kull akkuża ta' razziżmu, il-patrijotti tal- perżut fil-wesgħa tal-Imsida, jużaw l-istess kantaliena ta' kunċetti preġudikati"