Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/640305
16 illum | Il-Ħadd 14 ta' Frar 2016 Ħ adt gost illi ser jibda jikteb f 'dan il-ġurnal il- ministru Owen Bonniċi. Nixtieq insellimlu u nawguralu illi mill-kitba tiegħu jieħu l-istess sens ta' sodisfazzjon illi nieħu jien fil-kitba tiegħi. Lil Owen issa ilni nafu ftit mhux ħażin. Niftakru student jagħmel il-prattika ma' Karmenu Mifsud Bonnici, bil-wiċċ ruxxan tiegħu fir-reġistru tal-qorti. Kelli kawżi miegħu u kontrih u dejjem kien verament korrett. Qatt ma smajt xi ħadd jilmenta illi ma kkomportax ruħu sew u għandu d-don illi jisma' u jiddjaloga ma' kulħadd. Politikament, mhux l-ewwel darba illi smajt lil nazzjonalisti jfaħħruh. Għandu bosta kwalitajiet pożittivi u verament ikun għajb jekk ixellef ir- reputazzjoni illi diġà bena. Owen ser jieħu post Toni Abela, persuna oħra illi ilni naf aktar minn tletin sena minn meta t-tnejn konna l-università u minn din il-paġna ukoll irrid insellimlu. Toni kien ukoll ferm qrib ta' Karmenu Mifsud Bonnici illi miegħu kienu jaggregaw ħafna studenti tal-liġi fl-università. Minkejja l-attakki personali illi sarulu, jiena dejjem kont konvint mill-ġenwinità u integrità ta' Toni. Min ma jafux personalment mhux dejjem japprezza kemm hu kolt u intelliġenti. Personalment, ma naħsibx illi l-kariga l-ġdida li għandu fittixha hu u ma narax kif il-Partit Laburista ser imur aħjar mingħajru. Għandi s-suspett illi Toni kien vuċi kritika illi mhux kulħadd kien iġerraħha. Għaliex Toni huwa bniedem koerenti u bħalma kien kapaċi jitlaq il-Partit Laburista meta ma kienx seren b'dak li kien għaddej, ma nimmaġinahx illi ser joqgħod lura meta l-affarijiet ma jsirux skont dak illi jħoss. Il-ħafna diskors li sar illi issa l-partit ser ikollu l-opportunità illi jimmodernizza ruħu u illi jrid ikun hemm sinerġija bejn partit u gvern ma jivvalorizzawx ir-rwol illi Toni lagħab fil-ħidma organizzativa tal-Partit Laburista. Wisq naħseb illi l-partit laburista qed iwettaq l-istess żball illi għamel il-Partit Nazzjonalista qabel l-elezzjoni tal-1996 meta s-segretarju- ġenerali tiegħu, Austin Gatt, tħajjar jikkontesta l-elezzjoni. Ir-riżultat jafu kulħadd. Ma narax kif ministru illi diġà huwa involut f 'żewġ setturi kruċjali ser ikollu ħin u enerġija biżżejjed għal ħtiġijiet ta' kuljum tal-partit, għall-identifikazzjoni tal-kandidati u għall-mobilitazzjoni tal-partitarji għall- kuntesti elettorali li ġejjin. F'demokrazija parlamentari, il-partit fil-gvern għandu jżomm id-distanza tiegħu mill-istess gvern u jibqa' jixxprunah sabiex ikun fidil għall- mandat illi jkun irċieva u għall-ideali tiegħu. Illum sfortunatament l-ideali saru tista' tgħid sekondarji għaliex qegħdin ngħixu fl-era tal-prammatiżmu fejn l-importanti hu illi takkwista l-poter ħalli tmexxi kif tixtieq. Madankollu, ma nistax nimmaġina ħadd aħjar minn Toni illi seta' jżomm ħajjin l-ideali ta' partit soċjaldemokratiku illi primarjament irid jemanċipa l-pożizzjoni ta' min ma wiritx privileġġi. Aktar u aktar illi postu ser jimtela minn persuna illi l-kredenzjali tagħha hija l-abilità maniġerjali (illi fir- rigward mhux kulħadd huwa daqshekk konvint) u mhux il-passjoni ideoloġika. Din hija mossa illi tassew tista' tiswa bil- kbir lill-Partit Laburista. Għax minkejja l-vantaġġ kbir illi kellu fl-aħħar żewġ elezzjonijiet, kollox jindika illi l-elezzjoni li ġejja m'hux ser tkun daqshekk miftuħa u ħadd ma jista' jeskludi l-ebda esitu. Dana speċjalment minħabba l-fatt illi l-gvern qed ikun involut f 'wisq kontroversji illi qed inaqqrulu l-appoġġ tiegħu mentri r-riżultati konkreti għadhom naqra skarsi. Minkejja illi l-formazzjoni akkademika u l-ħajja professjonali tiegħu hija dik t'avukat, m'għandhiex dubju illi Toni Abela ser jaqdi d-doveri tiegħu fi ħdan il-Qorti Ewropea tal-Awdituri konxjenżjament u b'effiċjenza. Din hija l-ħames istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea u mhijiex qorti xejn imma hija ekwivalenti għall-Uffiċċju Nazzjonali tal- Awditjar illi xogħolha hu illi tivverifika l-infiq illi jsir bil-fondi komunitarji. S'issa ħadd mill-ħatriet Maltin f 'din il-Qorti ma ġie mill-professjoni tal- awdituri u bħal fil-każ ta' pajjiżi oħra, intgħażlet persuna akkademika jew mill- kamp legali. Il-ħatra ta' Toni Abela għal din il- qorti jidher illi tat bidu għall-katina ta' reazzjonijiet illi ma tantx tejbet l-immaġini tal-gvern. Is-sajf li għadda persuna illi taf sew x'inhu għaddej qaltli illi r-relazzjoni bejn Toni Abela u Joseph Muscat ma tantx hi tajba peress illi Toni jħobb jinsisti fuq l-impenji tal-Partit Laburista qabel l-elezzjoni. Qalli ukoll illi Toni kien qiegħed jaspira illi jilħaq prim imħallef. Meta ħarġet l-aħbar illi l-prim imħallef ġie nominat għall- Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, deher biċ-ċar illi dalwaqt ser ikun hemm l-opportunità illi jinħatar sostitut. Għaldaqstant, il-ħatra ta' Toni Abela fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri forsi ser tagħti l-opportunità lill-gvern illi jaħtar persuna anqas indipendenti f 'din il-kariga kruċjali. Għax jiena ċert illi kieku Toni Abela laħaq prim imħallef kien iwarrab il-passat politiku tiegħu u jiddefendi bis-saħħa kollha l-prerogattivi u l-indipendenza kollha tal-ġudikatura. B'hekk il-Prim Ministru laqat żewġ għasafar b'ġebla waħda : persuna illi mhux dejjem tkun komda twarrbet min-nofs mentri l-post ta' prim imħallef jista' jimtela minn xi ħadd anqas assertiv. Jidher imma skont rapport illi deher fuq il-ħarġa tal-MaltaToday tal-Ħadd li għadda illi ħadd ma ċaħad illi din id-deċiżjoni ftit mistennija kellha l-effett illi tirrabja persuna illi wkoll kienet taspira għal din il-kariga. U sabiex tiġi kkumpensatha għal dan id-diżappunt, ġie deċiż illi tinħatar bintu maġistrat minkejja illi teknikament kienet għadha mhix eliġibbli. Jekk verament hu minnu hekk, qajla qed jintefa' dawl sabiħ fuq il-mod kif qed jinħatru l-membri tal- ġudikatura. Ir-reazjoni tal-oppożizzjoni kienet immedjata u effettiva kif irrikonoxxa l-istess ministru Bonniċi. Bonnici naqas illi jwieġeb fil-Parlament għas- sejħiet tal-oppożizzjoni sabiex jagħmel stqarrija ministerjali dwar il-ħatriet illi kien ħabbar filgħodu. Ċertament, ma kienx l-aħjar mument ta' ħajtu. Wara laqgħa mal-President l-għada stess, il-kap tal-oppożizzjoni ħabbar illi l-President kienet għarfitu illi mhix sejra tamministra l-ġurament lill- membri ġodda tal-ġudikatura illi l-ħatra tagħhom mhix skont ir-rekwiżiti tal- Kostituzzjoni. Novità assoluta fil-kamp kostituzzjonali illi għaddiet inosservata. Il-gvern ipprova jsalva wiċċu fir- rigward tal-ħatra tal-avukata Zammit Young billi rrefera l-ħatra tagħha lill- Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja. Din il-proċedura hija kkontemplata fil-Kostituzzjoni imma hija biss it-tieni darba li ntużat. Fil-każ preċedenti, in-nomina tal-avukat Andrè Camilleri ma ġietx approvata minħabba nuqqas ta' prattika l-qorti. U minn dakinhar 'l hawn il-gvernijiet dejjem żammew 'il bogħod mill-Kummissjoni. Imma din id-darba l-gvern qajla kellu għażla peress illi l-ineliġibilità ta' Zammit Young kienet lampanti kif irrimarka ferm tajjeb id-dekan tal-Fakultà tal-Liġi, Kevin Aquilina. Imma anke hawnhekk assistejna għal nuqqas ta' professjonaliżmu ċar għaliex l-ittra li bagħat il-Prim Ministru lill-Kummissjoni ċċitat artiklu żbaljat tal-Kostituzzjoni. U r-risposta tal- Kummissjoni minkejja illi ma kinetx definittiva, ftit għenet lill-gvern minkejja l-isforzi kollha illi għamel il-ministru Bonnici illi jipprova jistabilixxi preċedent bil-ħatra ta' Francesco Depasquale. Tant illi Zammit Young dlonk irtirat id- disponibilità tagħha. Iddispjaċini ħafna illi Ingrid iżżefnet fin-nofs meta kieku l-affarijiet saru bil-galbu dan l-ispettaklu pubbliku kien ikun evitat. Din il-kontroversja reġgħet xegħlet il-kwistjoni dwar il-mod kif qed jinħatru l-membri tal-ġudikatura. Donnu illi l-ministru Bonniċi mhuwiex japprezza biżżejjed illi l-isforzi kollha pożittivi tiegħu sabiex itejjeb il- qasam tal-ġustizzja jixxejnu jekk min jamministraha ma jkunx tal-kalibru meħtieġ. U mingħajr ma niddiskuti ħatriet speċifiċi, il-ħatriet riċenti qajmu tħassib aktar milli kien jiġri fil-passat fejn kien ukoll spiss il-każ illi tali perplessitajiet ma kinux neqsin. Huwa pjuttost disinġenwu għal bosta ministri tal-kabinett illi jargumentaw fil-parlament illi dawn il-ħatriet tagħmilhom il-President meta kulħadd jaf illi l-President taġixxi fuq il-parir tal-gvern. Quddiem il-furur illi dawn il- ħatriet qajmu, bil-Kamra tal-Avukati tagħmel il-proposti tagħha, bil-Partit Nazzjonalista jippreżenta abbozz ta' liġi privat u b'membru tal-Kummissjoni dwar ir-Riforma Ħolistika tal-Ġustizzja, l-hekk imsejħa Kummissjoni Bonello jilmenta pubblikament illi l-abbozzi ta' liġi illi dam sena jipprepara sabiex idaħħal fis-seħħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni għadhom fuq l-ixkaffa, il-pożizzjoni tal-gvern kienet kif wieħed jista' jifhem difensiva. Il-viċi prim ministru wiegħed illi l-proposti tal- Kummissjoni Bonello jitwettqu qabel tmiem il-leġislatura. Imma l-gvern m'aċċettax illi ma jsirux aktar ħatriet qabel ma nbidel il-mod tal-ħatra tal-membri tal-ġudikatura. Donnu illi l-gvern irid jippakkja l-bank tal- ġudikatura bil-ħatriet illi jixtieq qabel ma jbiddel il-metodu tal-ħatra. Din mhix xi ħaġa ġdida għal ebda gvern imma qajla tispira fiduċja f 'settur daqshekk delikat. Li hu meħtieġ hu illi jkun hawn diskussjoni serena dwar kif l-aħjar jinħatru l-membri tal-ġudikatura. Idealment, dan sar fl-ambitu tad-diskussjonijiet dwar it-tibdil kostituzzjonali imma traġikament, ix-xogħol pożittiv illi wettaq il-Kumitat Magħżul tal-Kamra fil-leġislatura preċedenti ġie interrott ħesrem u ma tkompla qatt. U ma nimmaġinax illi l-famuża u xejn definita Konvenzjoni Kostituzzjonali sejra tara d-dawl meta l-istess president tagħha issa sar jikkritika apertament il-Gvern. Kif għidna drabi oħra, ir-riforma kostituzzjonali għandha tkun f 'idejn il-Kumitat Magħżul dwar it-Tisħiħ tad-Demokrazija illi għandu jiġi rxuxtat bla dewmien u jinbidel f 'Kumitat Permanenti. M'hemm l-ebda formula maġika kif jinħatru l-membri tal-ġudikatura. Kif il-Kummissjoni Bonello stess irrikonoxxiet, jeżistu diversi metodi fil- pajjiżi differenti. Kif irrikonoxxa wkoll Kevin Aquilina, wieħed mill-membri tagħha, l-opinjonijiet tal-Kummissjoni mhumiex inflessibli. Il-Kummissjoni rrikonoxxiet illi l-aħjar metodu huwa dak illi jintuża fil-kontinent fejn skont hi, il-membri tal-ġudikatura jieħdu formazzjoni partikolari imma dehrilha illi dan mhux prattiku f 'Malta minħabba ċ-ċokon tagħna. Fl-opinjoni tiegħi, il-Kummissjoni Bonello skartat wisq faċilment il-metodu kontinentali. Kif ser naraw il-ġimgħa d-dieħla, mhux kullimkien il-membri futuri tal-ġudikatura jingħataw formazzjoni speċjali. Fl-Italja, iridu jgħaddu minn konkors diffiċli ħafna imma m'hemmx ħtieġa illi jagħmlu xi kors speċjali. U wieħed ma jarax l-impossibilità illi l-università tniedi grad speċifiku għall-membri prospettivi tal- ġudikatura. L-importanti hu illi n-nuqqas ta' trasparenza preżenti ma jiġix sostitwit minn xi metodu illi ma jkunx trasparenti. Il-ħatra tal-membri tal- ġudikatura, aktar minn kwalunkwe ħaġa oħra, għandu jkun ibbażat fuq il-mertu u l-integrità u ma jkun bl-ebda mod ikkontrollat minn interessi speċjali jew okkulti jew xi klikka jew kasta partikolari. Ma jistax ikun illi l-affarijiet isiru mod ieħor. Intant il-gvern tilef ħafna kapital politiku f 'dawn l-aħħar ħmistax u dgħajjef il-kredibilità tiegħu illi kapaċi jniedi r-riformi f 'dan il-qasam illi l-pajjiż jeħtieġ. It-tama hi illi wieħed jitgħallem mill-iżbalji evitabbli illi twettqu u jiddjaloga mas-setturi kollha ħalli tiġi adottata soluzzjoni illi sservi sew lil pajjiż fil-futur. L-alternattiva żgur li ma tagħmel ġieħ lil ħadd. Joe ellis Opinjoni Dawn l-aħħar ħmistax