Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/643089
Il-Ħadd 21 ta' Frar 2016 | illum 15 I l-messaġġ li ħareġ mill-Kunsill Ewropew hu wieħed: jeħtieġ li l-Unjoni Ewropea tagħraf timxi 'l quddiem f 'għaqda sħiħa. Il-Kunsill Ewropew bagħat sinjal pożittiv għaliex l-agħar ħaġa li setgħet tiġri hu li jasal il-messaġġ li l-Unjoni Ewropea hi maqsuma jew li daħlet fi kriżi li theżżeż l-istabbilità tagħha. Dan kien ikollu impatt ekonomiku negattiv fuq il-pajjiżi Ewropej. F'jumejn ta' taħdidiet, il-mexxejja tal-pajjiżi Ewropej pruvaw, u waslu għal dak li jista' jiġi deskritt bħala ftehim, qbil jew kompromess. F'kull dibattitu ħaj, u f 'dan in partikolari fejn se jkun il-poplu li se jiddeċiedi f 'referendum jekk għandux jibqa' membru tal-Unjoni Ewropea jew le, se jkun hemm min isejjaħlu mod jew ieħor. Se jkun hemm oħrajn li jagħmlu l-argument li l-Unjoni Ewropea ċediet iżżejjed jew li ma ċeditx biżżejjed. M'hemmx dubju li dak li ġie maqbul dwaru se jingħata interpretazzjoni differenti. Dawn huma argumenti li kienu jsiru wkoll f 'pajjiżna meta konna f 'salib it-toroq jekk nissieħbux fl-Unjoni Ewropea jew le. Il-ftehim li sar fil-Kunsill Ewropew kien biex ir-Renju Unit jibqa' membru tal-Unjoni Ewropea. Minn meta twaqqfet l-Unjoni Ewropea ma kien hemm l-ebda pajjiż li ħareġ, u l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista hi li jixtieq li r-Renju Unit jibqa' fl-Unjoni Ewropea. Il-kwistjonijiet li ġew indirizzati bħal l-migrazzjoni u l-kompetittività, mhumiex ta' interess għal min poġġihom fuq l-aġenda biss imma huma ta' interess b'mod dirett għal pajjiżi oħra fosthom Malta. L-implikazzjonijiet jifirxu lil hinn minn pajjiż wieħed. Hu fl-interess tagħna wkoll li nipproteġu d-drittijiet tal-Maltin li jgħixu fir-Renju Unit: ġenerazzjonijiet ta' Maltin li stabilixxew lilhom infushom hemm jew qed jagħmlu karriera. Għalhekk, il-pożizzjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, li din il-ġimgħa pparteċipa fil-laqgħa tal- mexxejja tal-Partit Popolari Ewropew kienet, li l-Partit Nazzjonalista jrid li l-Unjoni Ewropea għandha tasal għal ftehim li jkun tajjeb għall-Unjoni Ewropea, tajjeb għar-Renju Unit u tajjeb għal Malta u l-Maltin li jgħixu fl-Ingilterra. Għaddew ftit siegħat minn meta sar il-ftehim fil-Kunsill Ewropew. Il-ftehim irid jinfela' aktar bir-reqqa, inkluż minna l-Membri Parlamentari Ewropej. Nittama li d-dibattitu li se jsir, iwassalna biex nagħrfu aktar il-valuri Ewropej, il- valuri li fuqhom hi mibnija l-Unjoni u l-ġejjieni tal-Unjoni għall-ġid taċ-ċittadini Ewropej. Fl-aħħar mill-aħħar dan mhux dibattitu dwar l-istituzzjonijiet iżda dwar il- popli u ċ-ċittadini Ewropej li aħna nirrapreżentaw. Dan il-kumment ingħata s-Sibt filgħodu wara l-laqgħa tal-Kunsill Ewropew u qabel il-laqgħa tal- kabinett imsejjaħ minn David Cameron. I l-ftehim milħuq bejn il- Prim Ministru Ingliż David Cameron u Brussell dwar il-futur tar-Renju Unit fl- Unjoni Ewropea qiegħed jitqies minn ħafna bħala ftehim li jsaħħaħ idejn Cameron fl-appell tiegħu lill-poplu Brittaniku biex fir-referendum li mistenni jsir aktar tard din is-sena jivvota favur li r-Renju Unit jibqa' jifforma parti mill-Unjoni Ewropea. L-insistenza ewlenija ta' Cameron għal rinegozjar ma' Brussell kienet biex tiskoraġġixxi l-immigranti, kemm jekk ċittadini tal-Unjoni Ewropea kif ukoll jekk le, milli jmorru lejn ir-Renju Unit. Insistenza ewlenija oħra kienet li jnaqqas mis-saħħa li Brussell għandha fuq il-politika nazzjonali u fuq il-leġislazzjoni. Fi kliem sempliċi, aktar sovranità u inqas dipendenza fuq Brussell. Segwejt u għadni insegwi mill-qrib id-dibattitu fir-Renju Unit dwar it-tkomplija tas-sħubija jew le fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Nistqarr li fl-opinjoni tiegħi tkun ħasra kbira kieku kellu jkollna 'Brexit' – it- tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Ngħid dan għax nemmen li bir- Renju Unit fi ħdanha, l-Unjoni Ewropea tkun aktar b'saħħitha kemm politikament kif ukoll ekonomikament. Madankollu, ma nistgħux ninjoraw il-prinċipji u l-valuri li fuqhom u minnhom hija ffurmata l-Unjoni Ewropea. Cameron qiegħed jipproponi li jitnaqqsu d-drittijiet u benefiċċji soċjali għal ċittadini Ewropej li jkunu emigraw lejn ir-Renju Unit. Dan qed ikun interpretat bħala diskriminazzjoni bejn iċ-ċittadini Ewropej. Irid jitqies ukoll jekk dak li se jkun qed jingħata r-Renju Unit hux se jkun disponibbli għal kull stat membru ieħor bla ma jwassal għat-tifrik ta' dak kollu li jifforma l-Unjoni Ewropea. Qabel l-Elezzjoni Ġenerali li għaddiet, il- Prim Ministru Ingliż kien wiegħed li se jkun qiegħed jirrevedi l-kundizzjonijiet tas-sħubija tar-Renju Unit. Cameron kien għamel din il-wegħda biex jimmansa lill- Ewroxettiċi dejjem jiżdiedu fi ħdan il-partit tiegħu. Kien jeħtieġ l-appoġġ tagħhom biex jirbaħ l-elezzjoni. Issa jrid isarraf il- wegħda. Id-deċiżjoni tal-poplu Skoċċiż fir-referendum tas-sena 2014 li bih kien deċiż li l-Iskozja tibqa' tifforma parti mir-Renju Unit tilgħab parti importanti. B'riżultat ta' dak ir-referendum, l-iScottish National Party (SNP) kiseb appoġġ bla preċedent. Il-Kap tal-SNP Nicola Sturgeon, hija kontra li jkun hemm referendum wieħed mar-Renju Unit kollu. Sturgeon trid li l-Iskozja, Wales, l-Ingilterra u l-Irlanda ta' Fuq għandhom jivvotaw separatament u trid li biex ir-Renju Unit jirtira s-sħubija mill- Unjoni Ewropea, il-vot għandu jkun unanimu. L-Unjoni Ewropea u l-Prim Ministru Ingliż qegħdin jiffaċċjaw sfida kbira. Għad irridu nistennew biex naraw x'se jkun ir-riżultat. Opinjoni Messaġġ Ċar Cameron b'idejh imsaħħin ROBERTA METSOLA MARLENE MIZZI "Irridu nipproteġu d-drittijiet tal- Maltin li jgħixu fir-Renju Unit" "Irid jitqies jekk dak li se jingħata lir- Renju Unit, hux se jkun disponibbli għal kull stat membru ieħor"