Illum previous editions

ILLUM 21 Frar 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/643089

Contents of this Issue

Navigation

Page 15 of 35

16 illum | Il-Ħadd 21 ta' Frar 2016 J um minnhom din il-ġimgħa, wara li ħlist mill-Qorti f 'xi 1.30pm, mort niekol f 'post fejn iħobbu jinġemgħu negozjanti, avukati u eks imħallfin. Fost l-oħrajn, kien hemm eks politiku ferm prominenti fl-amministrazzjoni preċedenti. X'ħin poġġejt bilqiegħda, kienet għaddejja diskussjoni dwar il-ħatriet riċenti fil-ġudikatura. Kien hemm min kien qiegħed jargumenta li l-aħjar mod kif jinħatru l-membri tal-ġudikatura kien dak Ingliż. Mhux kulħadd qabel. Laqatni l-mod kif tkellem l-eks politiku. Stqarr li l-klassi politika falliet kompletament. U skanta kif għad m'hemmx qbil li l-politiku m'għandhux ikun koinvolt fl-għażla tal-membri tal-ġudikatura. Semma l-inċidenti koroħ ta' ftit snin ilu li ġiegħlu tliet membri tal-ġudikatura, fosthom il-Prim Imħallef jirriżenjaw. Fakkar kemm kien ħadha bi kbira l-Prim Ministru tal-epoka, Eddie Fenech Adami li min kellu jkun il-gwardjan tal-korrettezza, spiċċa fi skandlu bħal dak, u bħala reazzjoni għażel bħala Prim Imħallef persuna li ma kinetx magħrufa għall-kwalitajiet soċjali tagħha. Għażla ferm feliċi fl-opinjoni ta' bosta. Stqarr li fil- verità, hu ma jafx x'inhu l-aħjar mod kif għandhom jinħatru l-membri tal-ġudikatura. Issuġġerixxa li l-ħatra għandha titħalla f 'idejn il-ġudikatura, imma din l-idea ma tantx intlaqgħet tajjeb minn bosta avukati preżenti. Fl-aħħar ammetta wkoll dak li huwa ovvju: l-ebda metodu ta' għażla mhu perfett. Tħalli verament impressjoni din l-ammissjoni ta' dan l-eks politiku li fi żmienu kellu poter kbir. U forsi minħabba li l-klassi politika ma kinetx kapaċi ssib soluzzjoni kif l-aħjar għandhom jinħatru l-membri tal-ġudikatura, li qatt ma kien hemm riforma f 'dan il-qasam daqshekk delikat u vitali għall- funzjoni korretta tad-demokrazija. Imma probabbilment tali inerzja hija dovuta wkoll minħabba l-fatt li l-ebda ministru tal-ġustizzja ma jieħu gost li jkollu jirrinunzja għal poter daqshekk kbir li għandu fil- preżent fil-ħatra tal-membri tal- ġudikatura. Kien hemm min issuġġerixxa li din il-kontroversja dwar il-ħatra tal- membri tal-ġudikatura twieldet issa għax hawn Gvern Laburista. Dan mhuwiex il-każ għaliex il-kwistjoni ilha attwali. Niftakar lill-Prim Imħallef Vincent De Gaetano, li ħadem ferm sabiex jirristabilixxi l-prestiġju tal-ġudikatura wara l-iskandlu li ppreċeda l-ħatra tiegħu, isostni l-bżonn tal-ħatra ta' 'Judicial Selection Committee' fuq il-mudell Brittaniku fil-ftuħ tas-sena forensi. Il-Gvern tal-epoka, li kien jinkludi l-eks politiku li semmejt, ma tax każ. Imma l-istess jista' jingħad fir- rigward tal-Oppożizzjoni tal-epoka li llum hija fil-Gvern. Il-Partit Laburista wiegħed fil-manifest elettorali tiegħu li ser iwettaq riforma fil-qasam tal-ġustizzja fosthom fil-ħatra tal-membri tal-ġudikatura, u dan sa l-aħħar tas-sena 2013. Ħatar kummissjoni sabiex tipproponi kif għandhom jitwettqu r-riformi li għamlet bosta rakkommandazzjonijiet fir-rigward. Fir-rapport tagħha, il-Kummissjoni Bonello qalet li hemm erba' modi kif jinħatru l-membri tal-ġudikatura: dik kontinentali fejn wieħed jistudja sabiex jilħaq imħallef jew prosekutur wara li jieħu kors speċjali sabiex wieħed jilħaq avukat; is-sistema anglo-sassona fejn l-imħallfin jintgħażlu minn fost avukati fil- prattika privata wara li jintgħażlu minn Kummissjoni indipendenti li tirrakkomanda l-ħatra tagħhom lill-Eżekuttiv; is-sistema Maltija fejn l-Eżekuttiv jagħżel il-membri tal-ġudikatura mingħajr l-ebda sejħa għan-nomini, intervista jew skrutinju jew trasparenza fl-għażla u s-sistema Amerikana fejn f 'xi stati, l-imħallfin jintgħażlu bi proċess demokratiku. Il-Kummissjoni deherilha li s-sistema Maltija mhijiex aċċettabli għaliex mhi trasparenti xejn. Dehrilha li l-aħjar soluzzjoni hija dik kontinentali imma minħabba l-kobor tagħna, mhuwiex prattiku li wieħed jorganizza korsijiet speċjali għall-membri futuri tal-ġudikatura. Għaldaqstant, il-Kummissjoni issuġġeriet li tiġi adottata s-sistema Ingliża. Il-Kummissjoni deherilha li l-Kummissjoni għall- Amministrazzjoni tal-Ġustizzja għandha taħtar fi ħdanha Awtorità għall-Ħatra ta' Servizzi Ġudizzjarji li tirrakkommanda lill-Ministru tal-Ġustizzja min għandu jinħatar fil-bank tal-ġudikatura wara li jkun hemm sejħa pubblika. Il-Gvern jista' ma jimxix mar-rakkomandazzjoni ta' din l-Awtorità jekk jagħti r-raġunijiet tiegħu. Din l-Awtorità għandha wkoll tieħu ħsieb li tagħmel ir- rakkomandazzjonijiet tagħha meta jkun jeħtieġ li jinħatar Prim Imħallef jew xi Mħallef. Il-Kummissjoni wkoll ipproponiet li jiżdiedu l-kriterji kwalitattivi sabiex jinħatru l-membri tal-ġudikatura ma' dawk li fil-preżent huma stipulati fil-Kostituzzjoni: integrità, l-għerf tal-liġi, onestà, sens ta' ġustizzja, diliġenza, il-prattika tal-professjoni fil-Qrati u l-assenza ta' attività kummerċjali. Il-Kummissjoni rrakkomandat ukoll li l-Awtorità barra li tintervista lill-applikanti kollha, tifli l-pubblikazzjonijiet ta' natura akkademika tal-applikanti, tara jekk ikunux segwew xi kors post-lawreja wara illi laħqu avukati kif ukoll teżamina l-atti illi jkunu ppreżentaw il-Qorti matul is-snin. Fil-każ ta' ġuristi u membri ezistenti tal-ġudikatura, l-Awtorità għandha ukoll teżamina x-xogħol u s-sentenzi tagħhom qabel ma tagħmel ir- rakkomandazzjonijiet tagħha. Mistoqsija naturali illi dlonk tqum hija kif jinħatru l-membri ta' din l-Awtorità. Il-Kummissjoni pproponiet illi l-Awtorità tkun komposta minn president u ħames membri illi jinħatru għall-perjodu ta' tlett snin mill-President ta' Malta wara l-konsultazzjoni l-aktar wiesgħa possibli. Il-membri ta' din l-Awtorità jistgħu jitneħħew mill- Kamra tar-Rappreżentanti b'vot ta' żewġ terzi tal-membri tagħha għall-istess raġunijiet illi mħallef jista' jitneħħa skond l-Artiklu 97 (2) tal-Kostituzzjoni. Erbgħa mis-sitt membri tal-Awtorità jintgħażlu fost ex-Imħallfin, ex-Maġistrati, ex-Avukati-Ġenerali u akkademiċi fil-qasam tal-liġi mentri t-tnejn l-oħra illi jirrappreżentaw il- pubbliku għandhom ikunu persuni kkwalifikati u rispettati illi jafu sew kif jaħdmu l-qrati u ma jistgħux ikunu membri tal-leġislatura jew tal-eżekuttiv jew jeżerċitaw il- professjoni legali. M'hemmx dubju illi l-proposti tal-Kummissjoni huma punt ferm tajjeb ta' tluq. Imma ma jfissierx, u dana jirrikonoxxuh anke l-istess membri tal-Kummissjoni, illi l-proposti tal-Kummissjoni huma nfallibli u m'hemmx lok illi jitjiebu. Dak li hu żgur meħtieġ hu illi tispiċċa s-sistema preżenti, illi wrietna miż-żminijiet kolonjali u illi hija waħda mill-aħħar relikwi ta' dik l-era. Fil-preżent, il-ħatra tal-ġudikatura hija biss f 'idejn il- Kabinett illi normalment jaċċetta r-rakkommandazzjoni tal-ministru tal-Ġustizzja mingħajr l-ebda kriterju ta' mertu jew trasparenza. Din hija sitwazzjoni illi ma tinstab fl-ebda pajjiż demokratiku ieħor. Fl-opinjoni tiegħi, il-proposti tal-Kummissjoni jħallu wisq poter f 'idejn l-eżekuttiv illi jista' jirrifjuta illi jimxi mar-rakkommandazzjoni tal-Awtorità u b'hekk, jista' jikkundizzjona l-operat ta' l-istess Awtorità. Forsi jkun aħjar jekk min jiġi rakkommandat mill-Awtorità ma jsirx membru tal-ġudikatura fil-każ biss jekk il-Parlament joġġezzjona għal tali ħatra b'vot ta' m'hux anqas minn 60% tal-membri tiegħu. Jidher illi l-Kummissjoni mxiet ħafna fuq il-mudell ingliż illi ġie adottat fl- 2006 u għaldaqstant, bħala mudell m'għandhux storja twila. Kif stqarrejt il-ġimgħa l-oħra, jidhirli ukoll illi l-Kummissjoni skartat wisq faċilment il-mudell kontinentali u adottat mingħajr wisq aċċenn kritiku dak ingliż. Huwa minnu illi fi Spanja u fi Franza minn xi snin 'l hawn, min jixtieq jidħol fil-ġudikatura jrid isegwi kors speċjalizzat. Imma fl-Italja u fil- Ġermanja, tali kors m'hux meħtieġ imma min irid jidħol fil-ġudikatura jrid jgħaddi minn konkors iebes wara tiroċinju twil. Ma narax għala fl-eżerċizzju sabiex jiġi identifikat min għandu jsir membru tal- ġudikatura m'għandhux ikun hemm ukoll eżami kemm skritt kif ukoll orali ħalli l-applikant juri l-għerf tiegħu fl-applikazzjoni tal-liġi f 'sitwazzjonijiet prattiċi. Illi toqgħod kif irrakkomandat il-Kummissjoni Bonello fuq l-atti illi l-applikant jippreżenta l-qorti qajla jista' jkun totalment sodisfaċenti għaliex huwa magħruf illi ċerta avukati jqabdu avukati oħra sabiex jippreparaw in- noti ta' sottomissjonijiet tagħhom. U dana japplika anke fil-każ ta' maġistrati u mħallfin għax wieħed ma jistax ikun jaf jekk sentenza tkunx inkitbet mill-ġudikant jew abbozzata fil-maġġiorparti mill- ġurista illi jkollu. Hemm ħafna x'wieħed igħid fuq kwalunkwe sistema illi tiġi adottata għall-ħatra ta' membri tal-ġudikatura. Imma hija tassew ħasra illi l-gvern għadu ma adotta l-ebda sistema imma baqa' jaħtar il-membri tal-ġudikatura minn rajh mingħajr l-indħil ta' ħadd kif kien isir qabel. Il-gvern għandu jagħmel eżami tal-kuxjenza u jara jekk il-ħatriet kollha illi għamel dan l-aħħar laħqux l-kriterji kwalitativi illi pproponiet il-Kummissjoni Bonello. Għandu jagħraf illi ħatra fuq il-bank tal-ġudikatura hija deċiżjoni b'implikazzjonijiet ferm fit-tul għal ħafna u ħafna snin u tista' taffetwa d-destin ta' ħafna nies. Sfortunatament, anke fil-ħatra tal-ġuristi, il-gvern ma qagħadx fuq ir-rakkomandazzjoni tal- Kummissjoni illi dawn jinħatru mill- Awtorità imma apparentement ħalla f 'idejn l-imħalfin illi jagħżluhom. Il-proċess kien ukoll nieqes mit- trasparenza meħtieġa għaliex ma saret l-ebda sejħa pubblika u l-kundizzjonijiet ta' mpjieg ma sarux pubbliċi. Il-gvern irid jiddeċiedi jekk hux ser jieħu r-riforma tal-ġustizzja bis-serjetà u jibni fuq ix-xogħol solidu u posittiv tal-Kummissjoni Bonello jew inkella hux ser joqgħod jagħżel illi jadotta dak illi jogħġbu u x'ħin jidhirlu mir-rapport tagħha. Fl-aħħar mill-aħħar, il-ġudizzju aħħari ta' amministrazzjoni ma ssirx mill-poplu imma mill-istorja. Għaldaqstant il-mistoqsija kritika hija jekk dana l-gvern hux lest illi jwettaq riformi radikali fil-ħatra tal-membri tal-ġudikatura sabiex neliminaw id-defiċit demokratiku illi għandna ma' pajjiżi demokratiċi oħra jew jekk il-proposti tal-Kummissjoni Bonello humiex ser jibqgħu fuq il- karta ? Ma tantx baqa' żmien sabiex issir id-diskussjoni serena illi kif għidt il-ġimgħa l-oħra jeħtieġ illi jkun hemm bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra u l-partijiet interessati kollha sabiex fl-aħħar nidfnu waħda mill-aħħar relikwi kolonjali f 'pajjiżna. Ejjew ma nitilfux aktar żmien sabiex il-membri tal-ġudikatura jibdew jintgħażlu fuq kriterji trasparenti u meritokratiċi. JOE ELLIS Opinjoni Ma naħlux aktar żmien

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 21 Frar 2016