Illum previous editions

ILLUM 6 Marzu 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/649881

Contents of this Issue

Navigation

Page 18 of 35

Il-Ħadd 06 ta' Marzu 2016 | illum 19 Editorjal ILLUM, MEDIATODAY LTD, VJAL IR-RIĦAN, SAN ĠWANN SĠN 9016 Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075 Ittri u Kummenti, Imejl: illum@mediatoday.com.mt X'ħasra D ak li jiddistingwi lil dan il-Gvern mill-aħħar mumenti ta' Gvern Nazzjonalista hija l-enerġija u r-rieda li ċerti bidliet iseħħu: li liġijiet li kienu ilhom fuq l-ixkaffa għal tant snin u li konna tant ilna nisimgħu bihom iseħħu. X'ħasra ta' vera li l-akkwisti u l-ġid li qed jagħmel dan il-Gvern qed jintilef u jindifen taħt kwistjoni fuq oħra ta' governanza ħażina u ta' nuqqas ta' trasparenza. X'ħasra li Gvern li qed ikollu l-kuraġġ ibiddel fejn hemm il-moffa u li jwettaq fejn kien hemm l-apatija għandu tant defiċit serju ta' x'inhu etiku u morali f 'pożizzjoni pubblika. Ħasra ta' vera. Għax kieku kien gvern li tela' u wassalna għal bailout, kieku Gvern Laburista ġab il-qgħad u l-għaks, kieku Gvern Laburista rrinforza l-istaġnar konservattiv li konna weħilna fih, kieku tgħid paċenzja. Kieku konna ngħidu li l-governanza ħażina hija biss iċ-ċirasa fuq il-kejk ta' Gvern li ma ħaqqu xejn ħlief xkupatura 'l barra minn Kastilja. Imma fi tliet snin, dan il-Gvern daħħal il-liġi tal-whistleblower, beda l-proċess tar-riforma fil-ġustizzja, introduċa l-liġi tal-Unjoni Ċivili għal koppji tal-istess sess, neħħa ċ-ċensura fuq kull xorta ta' arti, letteratura u produzzjoni u qed jiddiskuti biex tkun introdotta l-liġi tal-finanzjament tal-partiti. Dawn il-ħames liġijiet konna ilna niddiskutuhom snin. Konna ilna snin nisimgħu min jargumenta dwar il- bżonn li jkunu introdotti. Donnu l-mewġa ta' episodji imbarazzanti għall-Gvern nessew lil kulħadd kemm iġġieled Franco Debono dwar il-bżonn ta' riforma fil-ġustizzja. Donnu kulħadd nesa kemm nies ipprotestaw kontra ċ-ċensura. Donnu kulħadd nesa li sa tliet snin ilu biss unjoni ċivili bejn żewġ persuni tal-istess sess, kienet xi ħaġa li f 'moħħ il-ħafna ma setgħet tiġri qatt. Imma ġrat, u minkejja li jkun hemm min ma jogħġbux li nfakkru, kellu jkun dan il-Gvern li biddel u li qaċċat l-għanqbut. Mhux se nsemmu l-ekonomija li bħalissa sejra tajjeb, għax dan għamilnieh f 'editorjal ftit tal-ġimgħat ilu. Imma se nsemmu l-mediċini out of stock u l-ilmenti dwar tul eseġerat ta' stennija fl-isptar. Dawn għadhom problemi illum, imma huma ħafna inqas problema milli qatt kienu fl-aħħar snin. Il-lista ta' stennija niżlet b'mod qawwi u l-ammont ta' mediċini out of stock ġie ridott għal ftit waħdiet. Perfezzjoni? Dażgur li le. Imma progress qawwi sar. U l-fatt li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista bilkemm għadha tgħid xejn dwar dan il-qasam hekk importanti, huwa nofs iċ-ċertifikat li l-affarijiet qed jipprogressaw. X'ħasra li dan ix-xogħol, dawn il-bidliet li ħadd ma kellu l-kuraġġ li jbiddel qabel dan il-Gvern qed jindifnu minn episodji ta' nuqqas ta' trasparenza li jħammru wiċċ il-Gvern. Għalfejn ħadd mhu qed jitkellem dwar is-suċċessi ekonomiċi? Għalfejn ħadd mhu qed jitkellem dwar pajjiżna bħala t-tielet l-akbar ekonomija fl-Ewropa? Għalfejn? Għax għandna Gvern li għadu ma fehemx li t-trasparenza, l-kontabilitá u l-governanza tajba huma lkoll ingredjenti neċessarji biex il-poplu jkollu l-fiduċja fih. Għax għandna Gvern li donnu ma jridx idaħħalha f 'rasu li l-komportament ta' Ministru huwa importanti daqs il-politiki li jwettqu u l-miżuri li jieħdu. Għax għandna Gvern li għadu ma fehemx li l-Ministru mhux responsabbli biss ta' għemilu iżda ta' għemil dawk li hu stess jagħżel biex jiddawwar bihom. L-akbar disservizz li qed isir lill-Gvern u lill-Partit Laburista, mhux minn dawk li ġenwinament qed jiġbdulu l-attenzjoni. Il-vera disservizz lill-Prim Ministru u mexxej Laburista qed jagħmlu min qed idaħħlu f 'dawn il-gażibi. Il-vera disservizz lill-poplu li eleġġa lil Joseph Muscat għax ra fih il-bidla li jeħtieġ u li jixraqlu dan il-pajjiż, mhux qed jagħmluh dawk li bħalissa qed jitolbu ġustizzja, jew riżenja jew azzjoni. Il-vera disservizz qed jagħmluh qaqoċċa nies li mingħalihom laħqu s-sema u li għadhom ma ntebħux x'tisbita kerha hemm qed tistennihom. Ħasra li Gvern ta' rieda tajba, b'enerġija liema bħalha, b'kuraġġ li jattwa l-paroli matul tant snin u Gvern sostnut b'ekonomija b'saħħitha, qed jingħata u qed jagħti lilu nnifsu gambetta wara l-oħra minn min jinteressah fih innifsu biss. Ħasra. L-appell ta' din il-gazzetta lill-Prim Ministru nnifsu jibqa' wieħed. Isma' min- nies, għaraf x'qed jurtahom, neħħi fejn għandek bżonn tneħħi, għażel bejn il-qamħ u s-sikrana u l-bidliet li wettaqt u li għad trid twettaq ma jkunux ta' xejn. Wara jkun tard wisq. Wara jkun għalxejn. Editur: Albert Gauci Cunningham

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 6 Marzu 2016