Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/649881
GĦALKEMM Malta hija mimlija entużjasti tal- karozzi, żgur li mhix mimlija b'toroq li joffru xi tip ta' sodisfazzjon lis-sewwieq. Apparti l-kundizzjoni inferjuri ta' ħafna toroq, id- daqs ta' din il-gżira ma tantx jista' joffri possibilitajiet. Dawk li xi darba kellhom opportunitá jsuqu barra minn Malta, jistgħu jixhdu li biex vera tgawdi l-potenzjal ta' karozza, trid toħroġ 'il barra minn xtutna. Mill- banda l-oħra, ma rridux nassumu li l-esperjenza ta' sewqan barra minn Malta se tkun kullimkien l-istess. Għal ħafna dilettanti bħali, il-parti ta' vaganza li tinvolvi sewqan tkun waħda mill- aspetti prinċipali li nkunu ilna nħejju għaliha. Ħafna drabi, nagħmlu kull sforz biex nippruvaw nikkonvinċu lilna nfusna u lil oħrajn li hemm xi tip ta' vantaġġ li wieħed juża' l-karozza u mhux mezzi oħra ta' trasport. Fil-veritá, ekonomikament, mhux dejjem qabilli, peró l-esperjenza ma nbiddilha ma' xejn. Forsi t-trobbija tiegħi influwenzatni sew f 'dan ir-rigward, speċjalment meta l-vaganzi tal-familja kienu dejjem jintemmu bil-vjaġġ twil mir-Renju Unit sa Malta ġo vann, meta kelli biss ħames snin. Ġeneralment, l-għażliet ta' dawn it-tip ta' vaganzi huma tlieta. Li ssiefer bil-karozza tiegħek, fejn ħafna drabi l-vjaġġ jibda minn Sqallija. Li tixtri karozza minn barra, ħafna drabi mir-Renju Unit u tinżel biha, jew inkella tikri karozza. F'ċertu pajjiżi bħar-Renju Unit, is-sewqan huwa l-iktar komdu għalina, kemm minħabba l-lingwa, kif ukoll id-direzzjoni tat-traffiku. Uħud mill-isbaħ veduti li rajt kienu fin-naħa ta' fuq tal- Iskozja. Mill-banda l-oħra, ħafna toroq m'għandom l-ebda tip ta' dawl bil-lejl, u trid tiddependi fuq id- dawl tal-karozza. Sewqan bil-lejl jista' jkun stressanti, u tqatta' ħafna ħin tipprova tinduna jekk hux ġejja xi liwja fit-triq. Mill-banda l-oħra, ċertu toroq fil-Belġju donnhom ikollhom iktar dawl bil-lejl milli filgħodu. Kważi arblu jmiss mal-ieħor. Il-kwalitá ta' tarmak ukoll tvarja, u xi kultant tinduna immedjatament li tkun dħalt f 'pajjiż ieħor. Niftakar insuq mill-Olanda għall-Ġermanja, u immedjatament rajt titjib fil- kwalitá ta' tabelli, dawl, sinjali u tarmak. Malajr indunajt ukoll li filwaqt li fl-Olanda kontinwament terfa' saqajk minn fuq il-gass biex iżżom mal-veloċitá ristrettiva ta' 100 kilometru fis-siegħa u tara 'speed camera' kull erba' passi, f 'daqqa waħda bdejt nara karozzi telgħin riħ minn maġenbi. Inzerta li dakinhar kont krejt Volkswagen Polo 1.4Tdi, li bdiet taqta' nifisha meta pruvajt naqbeż il-180 kilometru fis-siegħa u xorta kelli karozzi warajja iteptpuli d-dawl biex nidħol fil- karreġjata ta' ġewwa. Fi Spanja, li affaxxinani kienu t-toroq vasti li jagħqdu belt ma' oħra mingħajr l-ebda sinjal ta' ħajja bejniethom. Niftakar insuq minn Valencia għal Granada sigħat sħaħ mingħajr ma nara karozza oħra jew pompa tal-petrol. Anke l-vuċi tal-GPS donnu ħallieni waħdi, bl-aħħar struzzjoni kienet li nsuq dritt għal xi 300 kilometru. Bdejt nimmaġina li kieku kellu jiġrilna xi ħaġa, kemm kien jgħaddi ħin sakemm jindunaw binha. Kultant, meta t-toroq ikunu twal, donnhom ma jispiċċaw qatt, trid isib xi mod kif iżomm moħħok imqajjem u modi kif tgħaddi l-ħin. Niftakar darba konna fi triq miċ-ċentru tal-Iżvezja lejn il-belt ta' Malmö. Kienet kesħa mhux ħażin bil-ġnub tat-triq miksijin silġ. Ix-xita li għamlet matul il-ġurnata kienet iffriżat u t-triq kienet qisha ħġieġa. Wara ġurnata nipprova naqbad kaptu kif wieħed iżomm bil-wieqfa fuq żewġ 'skis' u l-iffangar kbir fl-ikel, sibna ruħna bil-qliezet imxarrbin għasra, għajjenin mejta u mburġati bl-ikel. Kienu qabżu l-għaxra ta' bil-lejl u kellna triq twila 'l isfel sakemm nirritornaw lura lejn id-Danimarka fejn konna qegħdin noqogħdu. Kellna Skoda Fabia li kella l-'heated seats,' u li meta jinxtegħlu bil-qawwa kollha, wara għaxar minuti tħossok qiegħed bilqiegħda fuq ħadida tal-mogħdija. Għaddejna diversi sigħat nixgħelu s-sħana tas-'seats' bil-moħbi ta' xulxin sakemm nistennew lil xulxin ninħasdu, waqt li nzertajna stazzjon Żvediz li għamel lejl idoqq diski tas- snin disgħin. L-unika ħaġa li niftakar mis- sewqan fid-Danimarka kienet li rajt diversi tabelli jgħidu 'Fart Control'. Għall-bidu kont ħsibt li l-ossessjoni tal- Iskandinavi li jkollhom arja nadifa kienu ħaduha f 'estrem ieħor, u kien se jkolli noqgħod attent x'niekol. Malajr indunajt li 'Fart' bid-Daniż kienet tfisser veloċitá. Fl-Iżvizzera niftakar partikolarment triq li tibda bl-iktar mod diċenti fil- qiegħ tal-muntanja Bre' u tibqa' tiela dejjem 'il fuq waqt li t-triq dejjem tidjieq u teħżien. Finalment, spiċċajna għaddejjin fuq passaġġ ġol-ħamrija ftit ċentimetri wiesgħa iktar mill-karozza, mingħajr l-ebda tip ta' ħadid li jipproteġik milli taqa' għal isfel u kważi mingħajr spazju fejn iddawwar lura. Fejn tidħol sigurtá, l-Iżvizzeri donnhom imorru minn estrem għall-ieħor. Fl-Irlanda, niftakar nieħu triq li tgħaddi qalb il- kampanja għax ridna naraw ftit nagħaġ. Din it-triq li kienet dejqa mhux ħażin, b'siġar u zkuk ħerġin miż- żewġ naħat. Kien fija madwar mitt kilometru sakemm terġa' tingħaqad mat-toroq arterjali. It-triq kien fiha kull liwja li lanqas jekk tikser l-isteering kollu, ma ddur f 'darba u ħlief xi 'tractor' ma tarax għaddej. Bil-wiċċ tost kollu, kull ftit kilometri kien hemm tabella tindika li l-veloċitá massima kienet ta' 100 kilometru fis- siegħa. Kienet l-ewwel darba li ma kontx kapaċi inlaħħaq mal-veloċitá imposta. Iż-żewġ pompi tal-petrol li ltqajna magħhom ma kellhomx petrol, u meta dalam, it-toroq stajt toqtol u tidfen fihom. Meta finalment erġajna sibna l-'motorway' ħadna r-ruħ. Mur għidilna li kien jonqosna iktar minn 230 kilometru sakemm naslu lura Dublin minn Limerick. Fl-Italja u fi Franza l-esperjenza kienet waħda mill-isbaħ peró ma niftakar xejn partikolari f 'dawn il-pajjiżi ħlief il-ġmiel ta' veduti, li huwa impossibli li tipparkja b'xi mod ġewwa Pariġi u li jekk tistaqsi Taljan biex jagħtik te bil-ħalib, itik ħarsa bħallikieku tlabtu tazza bl-awrina. Is-sewqan ġewwa t-Turkija fakkarni ħafna fis- sewqan f 'Malta fejn ħafna jsuqu b'id waħda barra mit- tieqa, iparlaw fuq il-mobile jew b'xi sigarett. Sqallija toffri esperjenza tal-ġenn li ftit issib bħalha. It-toroq ivarjaw bejn, fost l-agħar u l-aħjar toroq li issib fl-Ewropa. Għalkemm hemm tabelli li jimponu veloċitá massima, ma rajt l-ebda 'speed camera', u ftit josservaw din ir-regola. Meta tkun inżilt b'xi karozza mill-Ingilterra, għalkemm itella' veloċitá mhux ħażin tul it-triq, dejjem iżżom ftit lura u tiftakar li l-magna trid twasslek sa Malta. Peró, meta tasal Sqallija taf li kważi wasalt, u wara ftit se terġa' tkun iffrustrat bit- toroq ta' Malta u tiddeċiedi li dak huwa l-mument li tipprova tilħaq il-veloċitá massima tal-karozza. Niftakar ftit snin ilu kont iżilt b'Focus diesel u kont impressjonajt ruħi meta skorrejt il-120 u f 'xi punti missejt l-għatba tal-130 mil fis-siegħa. Dawn huma ftit mill-istejjer li baqgħu stampati f 'moħħi fost ħafna oħrajn li għamlu diversi vaganzi, esperjenzi uniċi li lanqas qatt ma tista' tqabbilhom ma' vjaġġ fuq ferrovija jew ajruplan. Ħafna drabi, meta nirritornaw minn xi triq twila ngħidu li ma tkunx darb'oħra, peró wara ftit xhur terġa' tibda ġejja l-kilba għal xi triq oħra. Il-Ħadd 06 ta' Marzu 2016 | illum 23 Vetturi Ingranat Andrew Pisani Turiżmu ta' sewqan L-aħħar qadfa minn Sqallija għal Malta Tabella popolari ġewwa d-Danimarka