Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/655578
Il-Ħadd 20 ta' Marzu 2016 | illum 21 Opinjoni Kejkijiet, demokrazija u meritokrazija (1) Taħdita bejn John Baldacchino u Charles Miceli F l-artiklu 'Il-borma li qed tbaqbaq ta' Laburisti rrabjati għall-partit' fl- ILLUM tal-21 ta' Frar 2016, miktub minn Albert Gauci Cunningham u Mark Borg, Charles Miceli ġie rrapurtat jgħid li "ma nistgħux nipperpetwaw sistema ta' pjaċiri. Għax jekk naħdmu bil-pjaċiri u fuq il- pretenzjonijiet tal-individwi, żgur nibqgħu deħlin dritt fil-ħajt. Il-prijorità hija l-ġustizzja, u magħha norbot il-ġustizzja soċjali. U l-ġustizzja mhux biss trid issir imma trid tidher li qed issir. Anzi jien ngħid trid tinħass ukoll." Miceli tefa' dan l-argument f 'kuntest ekonomiku fejn qal ukoll li mill-'kejk' ekonomiku għandu jgawdi kulħadd: "La l-kejk kiber, kulħadd jistenna li jmissu biċċa akbar." Hawn, John Baldacchino jiddiskuti ma' Charles id-demokrazija u l-meritokrazija fil-kuntest ta' 'kejk' ieħor, din id-darba dak politiku. Min se jqassam il-kejk ekonomiku? John Baldacchino: Nibda biex ngħid li jien naqbel miegħek u bħalek irrid insostni li meta wieħed jitkellem fuq partitarji ddiżappuntati (għal xi raġuni jew oħra) din m'għandhiex tkun allaċċjata ma' sistema ta' klijenti jew pjaċiri. Jekk partit fil-Gvern jitla' biex jaqdi lil min ivvutalu biss (bħala speċi ta' ħlas), allura dan il-partit (ikun liema jkun) ma jistax jiggverna poplu sħiħ għaliex demokrazija b'saħħitha ma jistax ikollha l-poplu kollu jżomm ma' partit wieħed. Imma l-aktar li laqatni kien dak li int għidt dwar il-'kejk ekonomiku.' Meta qrajt dak li għidt dwar il- kejk ekonomiku li jikber, ġegħeltni naħseb fuq jekk kejk ieħor—il-kejk politiku—effettivament jibqax l-istess, anke meta l-ekonomija tikber. U dan għaliex meta jgħidulna li l-kejk ekonomiku kiber, ħafna drabi ma jgħidulniex jekk il-kejk huwiex kbir biżżejjed għal kulħadd jew inkella wasalx s'hemm. Barra minn hekk, li mhux qed nisimgħu fil-politika ta' llum huwa jekk kejk kbir ekonomiku jaffettwax kif jitqassam; għaliex hawn min qed jgħid li t-tqassim tal-kejk ekonomiku mhuwiex f 'idejn il-Gvern, imma f 'kif il-kejk jiġi msajjar u għal min. Charles Miceli: Il-kliem 'ekonomija b'saħħitha' sirna nisimgħuh kuljum. Ma tiftaħx gazzetta stampata jew elettronika, ma tixgħelx radju jew televixin li ma jiġix xi ħadd pulit pulit qisu riklam tal-ħwejjeġ tad-dittà u ma jgħidlekx li l-ekonomija qatt ma kienet kbira daqs kemm hi llum u li għandna l-inqas rata ta' qgħad f 'dawn l-aħħar għoxrin sena. Ħaġa sabiha. Imma min ma jikkuntentax ruħu malajr bil- propaganda bħali, jiġuh mitt elf mistoqsija f 'moħħu. Bħal ngħidu aħna, l-ekonomija sejra tajba għal min? Kulħadd qed igawdi minn dan il-fatt? Mal-kwantità tal-impjiegi, żdiedet il- kwalità? Kemm hawn nies jaħdmu fil-prekarjat? U ħafna u ħafna mistoqsijiet oħra. Meta mbagħad insir naf li kwart tal-popolazzjoni jħossuhom ħażin jekk tiġi spiża minn taħt ir-riħ, ngħidu aħna tinkisrilhom il-friġġ jew il-magna tal- ħasil, allura nibda nassumi li x-xemx mhix titla' għal kulħadd l-istess. Tgħid sejjer żbaljat? Kejk ieħor … John Baldacchino: Issa, kif diġà ssuġġerejt qabel, lil hinn mill-kejk ekonomiku hemm kejk ieħor, politiku. Dan huwa kejk li nistgħu norbtuh mas-sensibbiltà, jiġifieri x'parti għandna nieħdu bħala individwi, soċjetà u poplu fil- proċess tad-demokrazija, u allura jekk il-poplu jħossx li l-politika hija affari soċjali u komuni, jew inkella waħda li jieħdu ħsiebha biss il-partiti u dawk li huma midħla tagħhom, jiġifieri dawk li huma fil-qalba tal-partiti. Fil-kuntest ta' din is- sensibbiltà, qed nitkellem dwar il-kejk politiku li la jiċkien u lanqas jikber, imma jibqa' l-istess kejk, għalkemm it-tqassim tiegħu huwa dejjem varjabbli u jinbidel skont l-ideoloġija politika li titħaddan minn min qed imexxi. Dan għax il-kejk politiku jikber jew jiċkien fil-proporzjon mal-komunità politika, dik li l-Griegi Bikrin kienu jsejħu l-polis (il-belt/ komunità-Stat). Issa hawn wieħed jistaqsi: jista' jkollna kejk politiku akbar jew iċken mill-politika stess? Fejn il-kejk politiku jkun ikbar, se jkun hemm politika ikbar mill-pajjiż stess, bħalma kellna taħt il-Kuruna, jew fejn il- kumpaniji multi-Nazzjonali jaħkmu lill-Istat, jew fejn hemm indħil barrani. F'dan il-każ, il-politika ġejja minn barra l-istess polis u allura għandha influwenza fuq l-istess polis iktar minn dawk li huma parti mill-istess komunità-Stat. F'dan il-każ, il-Komunità- Stat ma jkollhiex il-poter kollu fuq l-affarijiet tagħha. Il-punt hawn hu, li l-kejk politiku ma jistax jikber iktar minn dik li hija l-polis, jiġifieri minn dik li hija Malta bħala entità socjo-politika u suppost indipendenti. Ir-relazzjoni bejn il-kejk politiku u l-politika tal- Komunità-Stat għandha effett dirett fuq kif titkejjel id-demokrazija tal-polis. Dan ma ngħidux jien imma jgħidu l-filosfu Franċiż Jacques Rancière li juri li l-akbar sfida li għandha d-demokrazija llum (u konsegwentement ix-xellug, jekk dan għadu jemmen fil-ġustizzja soċjali), hija dik li jsejħilha le partage du sensible, li bil-Malti tinqaleb bħala t-tqassim tas-sensibbli. Dan is- sensibbli, din is-sensibbiltà tħaddan ukoll il-kunsens politiku li kull demokrazija tibbaża ruħha fuq fis- sens ta' dak li jagħmilha, jiġifieri t-taħdit, ir-raġunar u l-argumenti li jagħmlu d-dinamika ta' dissens li jsostni kull demokrazija. Hawn qed ngħid dissens u mhux kunsens, għax fl-argumentazzjoni demokratika, u fit-tqassim tal-kejk politiku, m'għandux ikun hemm antagoniżmu li jipprova jeqred l-oppost, imma agoniżmu li japprezza d-differenza u l-oppożizzjoni tal-ideat, għaliex b'hekk biss nistgħu insostnu demokrazija Parlamentari. Hekk naraw kif dan il- kejk politiku mhux l-istess bħall-ġid ekonomiku, imma għandu effett dirett fuq kif il-politika tat-tqassim tal- ġid ekonomiku taħdem jew titħaddan. Fi kliem ieħor, jekk il-kejk ekonomiku jista' jkun akbar mill- komunità-Stat (għax hemm konċentrazzjoni fi ftit idejn li jeżawraw kull proporzjon), meta l-kejk politiku jkun jew iżgħar jew ferm ikbar mill- Komunità-Stat, se jkollok problema kbira għax jew ikun hemm defiċit ta' poter intern li jikkawża nuqqas ta' demokrazija, jew inkella jkun hemm inflazzjoni politika li tindika iktar minn sors wieħed ta' poter, fejn poter esternalizzat jikkawża nuqqas ta' indipendenza politika. Fil- każ ta' Malta, bħalissa dan tal- aħħar jista' jinħoloq jekk, per eżempju, l-Unjoni Ewropea teċċedi l-poter tagħha fuq il-pajjiżi membri tagħha u allura tibda tindaħal fil-politika interna tal-Komunità-Stat). Issa hawn irrid nistaqsi, jista' jkun li iktar min-nies 'mhux moqdija', għandek ċittadini (speċjalment dawk li vvutaw Labour) li jħossu li m'għandhomx filsa mill- kejk politiku? Jiġifieri dawn iħossu li m'għandhomx rwol fil-Komunità-Stat? Xi wħud jgħidu li ma 'nqdewx'. Imma minn xiex ma nqdewx? Għaliex jekk se nħarsu lejn il-politika bħala sistema ta' klijenti li jinqdew, allura mhux se jkun hemm periklu li ninjoraw totalment il-kejk politiku u nħarsu biss lejn il-kejk ekonomiku? Charles Miceli: Naħseb li ħafna nies, mhux Malta biss, jiġi jaqgħu u jqumu mid-demokrazija u mill-kejk politiku. Sakemm jinqdew b'xi mod, ma jħabblux rashom jekk il-pajjiż hux immexxi minn Kastilja, minn Brussell jew mill- uffiċini tal-korporazzjonijiet il-kbar x'imkien ma nafx fejn. Fir-realtà, kemm meta kolonja, kemm meta konna indipendenti u kemm issa li suppost aħna interdipendenti bħala membri sħaħ fl- Unjoni Ewropea, Ġanni Borġ u oħtu qatt ma xammew il-kejk politiku. Kulma jagħmlu huwa eżatt dak li hu mistenni minnhom, li darba kull ħames snin imorru jivvutaw lill- partit li jġegħluhom jemmnu li twieldu fih u għandhom imut fih. Naqra naqra f 'dawn l-aħħar snin, is-sitwazzjoni donnha bdiet nbidlet xi ftit. Ma nafx jekk hux għall-aħjar jew għall-agħar. Naħseb inbidlet fis-sens li llum fil-ġenerazzjoni żagħżugħa hemm aktar li jemmnu li tista' timxi 'l quddiem skont kemm huma kbar l-aspirazzjonijiet tiegħek. Imma xorta ma naħsibx li hawn wisq nies li dal-lejl mhumiex jorqdu għax id- demokrazija jekk mhux qed titnaqqar, żgur mhux qed tissaqqa'. "Kwart tal- popolazzjoni jħossuhom ħażin jekk tiġi spiża minn taħt ir-riħ, ngħidu aħna tinkisrilhom il- friġġ jew il-magna tal-ħasil, allura nibda nassumi li x-xemx mhix titla' għal kulħadd l-istess" "Jista' jkun li iktar min-nies 'mhux moqdija', għandek ċittadini (speċjalment dawk li vvutaw Labour) li jħossu li m'għandhomx filsa mill-kejk politiku?" John Baldacchino Charles Miceli