Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/655578
illum | Il-Ħadd 20 ta' Marzu 2016 Aħbarijiet 'Marlene ħarġet ta' mara' minn John Busuttil DIN il-ġimgħa fil- Parlament, saret votazzjoni fejn id-deputat Laburista Franco Mercieca inħatar bħala chairperson tal-Kumitat permanenti dwar l-Ambjent u l-Ippjanar. Siġġu li kienet fih id-deputata Marlene Farrugia u li l-Partit Nazzjonalista vvota favur li tibqa' Marlene Farrugia. Mercieca faħħar ix-xogħol tajjeb ta' Marlene Farrugia fejn anke kien l-ewwel deputat Laburista li kellu kliem ta' tifħir lejn Marlene Farrugia. "Marlene ħarġet ta' mara u ma komplietx max-show tal-PN għax fil-fatt, lanqas biss attendiet għas-seduta b'possibilment turija ta' qbil mal-Gvern." Mercieca qal li l-PN kien għamel regoli li fl-istanding orders ta' dan il-kumitat, iċ-chairman bilfors ikun min-naħa tal-gvern, "Ma kienx legalment possibli li Marlene iżżomm postha, anke jekk tal-PN ippruvaw jagħmlu xow fil-Parlament. Ovvjament, riedu jaqilgħu ftit taħwid għax jafu li l-maġġor parti tan-nies hemm barra ma jafux x'inhuma r-regoli li għamlu huma stess u għalhekk jitfgħu lill-Gvern f 'dell ikrah. Sfortunatament, il-PN kemm ilu fl- Oppożizzjoni qed jagħmel minn kollox biex jirkeb fuq karrijiet politiċi skont iċ-ċirkostanzi biex jipprova jirbaħ punti politiċi. Ma nemminx li verament riedu lil Marlene Farrugia fil- pożizzjoni." L-ILLUM staqsiet lil Franco Mercieca fuq liema kredenzjali jaħseb li l-Prim Ministru wera fiduċja fih biex imexxi dan il-kumitat, meta Mercieca għandu negozju bħala żviluppatur ukoll. "M'għandix kredenzjali b'saħħithom fil-qasam tal-ambjent, però bħal kull irwol ieħor, importanti li l-persuna responsabbli jkollha doża qawwija ta' sens komun u razzjonalità flimkien mal-umiltà li tgħinek biex tistaqsi lill- esperti fil-qasam għall- aħjar direzzjoni. Il-prim ministru wera fiduċja fija u forsi ħass li nista' nagħmel differenza. Għalkemm nippreferi li mistoqsija bħal din, issir direttament lilu." L-oftalmologu Franco Mercieca, barra l-kura tal-għajnejn għandu negozju fi proġett ta' kostruzzjoni u għalhekk staqsejnih jekk l-iżvilupp u l-ambjent jistax jimxi id f 'id? "Iva, jiena 10% shareholder fi proġett wieħed, u nirrepeti uniku, dak ta' Ħal Sagħtrija li l-permessi tiegħu ħarġu fiż-żmien il-PN. M'għandix aktar negozju fil-bini. Naħseb li dak li għandi hu żgħir ħafna meta mqabbel ma' ta' ħaddieħor u tiegħi kollu dikjarat. M'iniex silent shareholder fl-ebda proġett ieħor." Barra minn hekk, Mercieca jemmen li l-iżvilupp u l-ambjent jistgħu jgħixu flimkien, u filwaqt li l-ambjent li hawn madwarna għandna nħarsuh, "fl-istess waqt kulħadd jaqbel li ma nistgħux ngħixu fi presepju, u b'ippjanar aħjar nistgħu nsibu l-bilanċ." L-oftalmologu saħaq ukoll li anke bħala tabib hu jaf aktar minn ħaddieħor li meta nissalvagwardjaw l-ambjent inkunu qed intejbu saħħitna." Mercieca hu Għawdxi u jgħix il-Qala, u sostna li l-aqwa risorsa li hemm Għawdex hu l-ambjent li skont hu għadu mhux mittiefes. "Naħseb l-għażla li għamilt jien li nkompli ngħix f 'Għawdex tindika ċar li jien napprezza l-ambjent naturali mhux mittiefes. Is-sabiħ li nsibu f 'Għawdex, insibuh faċilment f 'Malta fuq livelli diversi. Ħafna drabi tibda tapprezza x'kellek meta titlef dak li int assumejt li huwa garanzija. L-ambjent mhux garanzija. Hu obbligu ta' kull wieħed minnha li jissalvagwardja l-ambjent ta' madwaru." Dan l-aħħar xbajna nisimgħu u naqraw dwar żvilupp fuq l-ODZ, fejn il-partit fil-Gvern ivvota favur żvilupp fuq art ODZ, għalhekk hu interessanti li wieħed ikun jaf kif jaħsibha Franco Mercieca fuq l-art ODZ. "Jien darba staqsejt lil uffiċjal tal- MEPA għaliex hemm bord għall-applikazzjonijiet fl- ODZ. Fis-sempliċità tiegħi ħsibt li jekk art hi ODZ, ifisser awtomatikament li mhux possibli jsir żvilupp. Jekk qabel kien ħażin li nabbużaw, (fi żmien il-PN ngħataw permessi għal bini fuq 2.1miljun metri kwadru ta' ODZ), illum hu aktar ħażin. Nemmen li ladarba jkun hemm ftehim fuq iż-żoni ODZ bejn kulħadd, m'għandux ikun hemm permessi f 'dawn iż-żoni, mingħajr ebda eċċezjoni. Inkella tinkludihx bħala ODZ. "L-iskema li tnediet fl-aħħar baġit biex tgħin l-użu tal-istrutturi eżistenti, għandha tissaħħah. Għandna wisq proprjetajiet mhumiex użati f 'pajjiżna, u għalhekk dawn għandom jiġu identifikati biex żviluppi tagħhom jingħataw prijorità fuq żviluppi ta' art verġni. Irridu noħolqu bilanċ ta' żvilupp u protezzjoni tal-ambjent anke b'ħolqien ta' aktar parks u aktar inċentivi biex inżidu s-siġar u pjanti f pajjiżna." Mistoqsi kif se jaġixxi jekk il-Gvern joħroġ b'xi idea li tista' tniġġeż jew tnaqqar l-ambjent, Mercieca wieġeb bla tlaqliq, "Fir-rwol ġdid tiegħi, il-prijorità hija l-protezzjoni tal-ambjent, li jista' jsir fl-isfond ta' żvilupp sostenibbli. Jien dejjem se naġixxi skont il-kuxjenza, filwaqt li nibqa' nsostni li l-ambjent u l-iżvilupp mhumiex għedewwa ta' xulxin, mhux ta' bilfors." Mercieca tkellem ukoll dwar l-enerġija alternattiva biex titnaqqas id-dipendenza fuq l-użu tal-fossil fuels, "Wisq żmien intilef minn gvernijiet preċedenti fi studji li ma waslu mkien. Wasalna fi żmien ta' prova u rridu nieħdu deċiżjonijiet importanti u mhux nitfgħuhom taħt it-tapit." Semma wkoll is-separazzjoni tal-iskart fid-djar fejn saħaq li hemm bżonn investiment aktar qawwi fl-edukazzjoni tal-poplu u fl-infurzar tal-proċess. "Il-pjaga tad-dinja moderna hija l-konsum qawwi u għalhekk is- separazzjoni tal-iskart hu kruċjali f 'kull soċjetà. Kont ngħix l-Ingilterra 20 sena ilu u l-livell ta' prattiċi obbligatorji ta' separazzjoni tal-iskart dakinhar għadhom lanqas biss ġew attwati f 'pajjiżna illum." Franco Mercieca bħala Għawdxi hu l-persuna li kien ħareġ bl-idea tal-mina bejn Malta u Għawdex, għalhekk ġie mistoqsi jekk jaħsibx li il-mina tistax tnaqqar l-ambjent, "Kif tista' ma taqbilx ma' proġett ta' link permanenti li jtejjeb il-ħajja ta' eluf? Ma nistax nifhem kif iżjed konnettività tista' twassal għal inqas ambjent. Ovvjament, il-proġett tal- mina għadu fażi inizjali u wara li jsir id-disinn u nkunu nafu minn fejn jibda u jiżbokka, ikun hemm bżonn isiru l-istudji fuq l-impatt ambjentali. Fil- prinċipju, b'mina jonqos it- tniġġiż, l-aktar jekk tintuża sistema ta' carbon capture, però jkun hemm sfida ta' kif u fejn se tiddisponi mit-terrapien u blat iġġenerat mit-tħaffir. Hawnhekk fejn jidħlu l-esperti. Ma tkunx l-ewwel mina li tħaffret fid-dinja." - Franco Mercieca "Jien shareholder fi proġett wieħed u m'għandix aktar negozju fil-bini, u tiegħi kollu dikjarat"