Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/658015
Il-Ħadd 27 ta' Marzu 2016 | illum Għid 13 tiżżejjen biex tilqa' lill-Irxoxt Jagħmel dawn il-festi fil-Kottonera speċjali l-post innifsu. Int u ssegwi l-festeġġjamenti f 'Bormla, il- Birgu jew inkella fuq in-naħa l-oħra tax-xatt, fl-Isla, tista' faċilment tpoġġi bilqiegħda għal veduta mill-isbaħ ta' waħda mill-irkejjen tal-Port il-Kbir li jagħmluh verament ġojjell f 'nofs il-Mediterran. It-tnax-il fanal tal-Irxoxt ta' Bormla L-Irxoxt ta' Bormla, kif diġà għidna għandu 275 sena. U dan jixduh ix-xejn inqas minn 12-il fanal li jdawru l-istatwa. Galea qal lill-ILLUM li dawn il-fanali huma fil-fatt, ix-xhieda ta' meta l-purċissjoni kienet tibda minn kmieni filgħodu meta tkun għadha lanqas telgħet ix-xemx. Mhux dan biss jagħmel lill-Irxoxt ta' Bormla uniku. Jagħmlu uniku wkoll il-fatt li din l-istatwa, minflok il-bandiera ħamra bis-salib abjad, hemm f 'idejn kristu l-palma tar-rebħa. Din l-istatwa dalgħodu, kif ġara għal tant snin qabel, se tkun qed tintrefa' minn tmienja minn nies, għalkemm għall-ġirjiet jidħlu jgħinu numru ikbar ta' reffiegħa. Il-kultura tal-Ġimgħa Mqaddsa f 'Bormla Iżda l-Ġimgħa Mqaddsa, li llum tasal fi tmiemha, mhix biss sett ta' avvenimenti, imma hija kultura ta' poplu, kultura ta' belt u kultura tal-Kottonera kollha. Meta l-ILLUM marret Bormla din il-ġimgħa, setgħet tinnota slaleb u pavaljuni żgħar suwed imdendlin minn diversi gallariji kif ukoll statwetti, ġeneralment tad- Duluri b'Ġesù mejjet f 'idejha f 'diversi twieqi. Galea jgħidilna kif apparti dawn, f 'Bormla wieħed isib is-sett ta' vari mill-isbaħ, uħud minnhom bix-xogħol artistiku tal-Bormliż Abraham Gatt kif ukoll diversi ċenakli fejn wieħed isib it-tradizzjoni tal- pitturi fil-melħ, "tradizzjoni li bdiet hawn f 'Bormla," jgħid Galea b'ċerta kburija. U ma kienx żbaljat għax hekk kif konna sejrin lura għall-karozza ltqajna ma' familja Bormliża, il-familja Cachia Belli. Manuel, il- missier li għandu 60 sena, spjega lill-ILLUM kif bħala familja ilhom 20 sena sħaħ itellgħu wirja tal-Ġimgħa l-Kbira, b'sett statwi li huma kopja żgħira ta' dawk li jinsabu fil-Kolleġjata. "Dan huwa d-delizzju tagħna," qal Manuel "twelidna u għixna fih." 'Hawn huwa l-benniena ta' dawn il-festi' Intant l-ILLUM daħlet ukoll f 'ħanut qrib ħafna tal-Knisja parrokjali fejn iltaqgħet ma' Ray Portelli, is-sid tal-istess ħanut. L-armatura ta' dan il-ħanut, pass 'il bogħod mir- Rialto, kien mimli bi statwi tal-Irxoxt għall-bejgħ. X'ħin tidħol fil-ħanut, issib ukoll statwetti oħrajn kollha fuq il-kopja tal-Irxoxt ta' Bormla, jew għall-bejgħ jew saħansitra biex jittella' lotterija. Portelli li ilu b'dan il-ħanut 35 sena, stqarr mal-ILLUM li f 'Bormla u fil-Kottonera kollha teżisti mħabba u dedikazzjoni kbira għal dawn il-jiem, u apparti mill-istatwi tal-Irxoxt huma bosta dawk li jixtru l-vari kollha tal-Ġimgħa l-Kbira biex jarmawhom id-dar. "Hawnhekk hawn ħafna dilettanti," ikompli Portelli u jgħid li l-Kottonera hija l-benniena ta' dawn il-festi. Għalhekk, nhar Ħadd il-Għid tant eluf jiġu jgawdu din il- festa hawnhekk." Illum Bormla tiżżejjen b'kulur u ħsejjes mill-isbaħ f 'esebizzjoni, mhux biss ta' dak li toffri din il-belt u l-Kottonera kollha, imma wkoll ta' dak li huwa l-poplu Malti, ta' dak li jagħmilna Maltin. Illum din il-belt li hemm min, fl-injoranza grassa tiegħu jistkerraha, tixgħel b'ħajja li jfakkarna f 'qawmien u fil-fidi li sawret pajjiż u li ffurmat poplu. Il-ġirjiet bl-istatwa tal-Irxoxt f 'Bormla, tradizzjoni li tattira tant mijiet lejn Bormla Manuel Cachia Belli flimkien ma' familtu ilhom itellgħu wirja ta' vari żgħar 20 sena Ritratt: Brian Buhagiar