Illum previous editions

ILLUM 27 March 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/658015

Contents of this Issue

Navigation

Page 16 of 35

N aħseb li bħala poplu għandna d-difett li naħsbu li d-dinja tieqaf biss sal- bordura tal-kontinent Ewropew. Għal uħud qisha l-mappa tad-dinja tieqaf biss sal-fruntieri tal- pajjizi membri tal-Unjoni Ewropea jew l-iktar l-iktar tal-Kunsill tal- Ewropa. Nemmen li din is-sitwazzjoni hija riżultat tas-sens ta' inferjorità li ħafna drabi kellna - tajjeb jew ħazin - ikkumparat mal-pajjiżi Ewropej. U minn banda, ma ttiniex tort lanqas. Sa ġenerazzjoni ilu, kont tixgħel it-televiżjoni u tara stazzjonijiet Taljani u Ingliżi jippreżentaw stampa ta' affarijiet li lanqas konna noħolmuhom li jsiru f 'pajjiżna. Illum, is-sitwazzjoni nbidlet ħafna. Anzi, fl-aħħar snin qed nirrealizzaw kif f 'ħafna setturi, aħna aħjar mill-istampa preżentata lilna mill- istazzjonijiet jew siti barranin. Biss, l-idea li donnha l-mappa tad-dinja setgħet tieqaf biss sal- bordura tal-Ewropa fejn tidħol Malta, qisni għadni nħossha fin-nies li nitkellem magħhom. Tiħdunix ħażin. F'ħafna affarijiet, l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa jipprovdu standards importanti li pajjiżna jaħdem kontinwament li jilħaq u dan hu ta' ġid kbir. Aħna partners ġenwini, attivi u sinċiera tal-imsieba tal-Unjoni Ewropea u kburin li nagħmlu ħilitna kollha biex naqdu d-dmirijiet tagħna mill-aħjar li nistgħu. L-argument tiegħi però hu li waħda m'għandhiex issir bl-esklużjoni tal- oħra. Wieħed m'għandux jiffoka biss fuq il-kontinent Ewropew u jinjora l-bqija tad-dinja. Anzi, wieħed għandu jħares lejn id-dinja kollha kemm hi li llum saret villaġġ wieħed iktar minn qatt qabel. Din il-ġimgħa, jiena f 'isem il-Gvern Malti ħadt sehem fil- Konferenza ta' Boao għall-Ażja. Forsi Malta ma tantx smajna biha, imma fl-Ażja din hija konferenza kruċjali u importanti ferm għax tiġbor fi ħdanha l-mexxejja politiċi, akkademiċi u intraprendituri ewlenin ta' dan il-kontinent enormi. Biex nispjega ruħi aħjar, nista' nxebbaħ il-konferenza ta' Boao għall-Ażja maċ-CHOGM. Bħalma l-pajjiżi tal- Commonwealth jiltaqgħu kull sentejn f 'konferenza ta' livell għoli, hekk ukoll il-pajjiżi tal-Ażja jiltaqgħu kull sena f 'Belt fil-kapitali Haikou tal- provinċja-gżira Hainan fiċ-Ċina. Għalhekk, meta l-organizzaturi ta' din il-konferenza bagħtu invit lill- Gvern Malti, li hu pajjiż Ewropew u mhux Ażjatiku biex jieħu sehem, il- Gvern Malti aċċetta bil-qalb kollha li jattendi u jipparteċipa. L-attendenza tagħna kienet l-ewwel darba fl-istorja u turi kemm l-impenn tal-Gvern Malti li jikkopera ma' sħabna l-pajjiżi Ażjatiċi u kemm ir-rispett li isem pajjiżna jgawdi mal-pajjiżi ta' dan il-kontinent. M'għandniex xi ngħidu, il- konferenza kienet organizzata b'mod impekkabbli u bi preċiżjoni xjentifika. Iċ-Ċiniżi ilhom 15-il sena jorganizzawha u allura għandhom kumulu ta' esperjenza li wrewha fl- attenzjoni li taw għal kull dettall. Din il-konferenza fetħet b'diskors tal-Prim Ministru tal-pajjiż ospitant, jiġifieri tal-Prim Ministru Ċiniz Li Keqiang. Smajt id-diskors tiegħu b'attenzjoni kbira. S'intendi jiena biċ- Ċiniz ma nifhem xejn, u ddispjaċini għax nemmen li fit-traduzzjoni għall- Ingliż tlift ħafna. Mid-diskors ta' Li Keqiang stajt nifhem però mill-ewwel tliet affarijiet. L-ewwel nett li ċ-Ċina qed tħoss il-bżonn li tkabbar in-negozju ma' pajjiżi oħra fl-Ażja u barra l-Ażja, it-tieni nett li ċ-Ċina qed tħoss dan il-bżonn sabiex iżżid il-produzzjoni u żżid il-flus f 'idejn il-poplu Ċiniż, u t-tielet nett, li ċ-Ċina temmen li minkejja d-diffikultajiet, ir-riformi li għaddejjin bħalissa, se jwasslu biex it-tkabbir ekonomiku jkun fir-ritmu ta' madwar 6%. Fi kliem ieħor, iċ-Ċina hija open for business. Dan jidwi dak li kien qal ftit tax-xhur ilu l-President Ċiniz Xi Jinping li sostna li bħalma sekli ilu kienet tfasslet l-hekk imsejħa 'Silk Route', jew aħjar rotta ta' kummerċ li kienet tgħaqqad iċ-Ċina mal- Mediterran u pajjiżi fin-nofsinhar tal-Ażja, hekk ukoll illum jista' jkollna ripetizzjoni ta' din ir-rotta ta' kummerċ. Il-kelliema oħra mid-diversi pajjiżi fl-Ażja li tkellmu warajh saħqu fuq l-istess prinċipji. Issa aħna bħala pajjiż għandna żewġ għażliet - jew li nibqgħu ċassi u ma nipparteċipawx fil- koperazzjoni kummerċjali, soċjali u kulturali li l-Ażja trid li tagħmel jew inkella nagħżlu li nkunu proattivi u nipparteċipaw għall-ġid tal-popli rispettivi tagħna. Stajt ninnota wkoll li l-Prim Ministri tal-pajjiżi Ażjatici tkellmu dwar id-diffikultajiet ekonomiċi li qed jiffaċċjaw. Aħna, min-naħa tagħna nistgħu niftaħru bl-għola rata ta' tkabbir ekonomiku fl-istorja, li tpoġġina fuq quddiem fost il- pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Aħna nistgħu nitkellmu minn pożizzjoni ta' espansjoni ekonomika bla preċedenti fejn aħna meqjusa suċċess ekonomiku minn kull min iħares lejn l-affarijiet b'mod oġġettiv. Terġa' hemm interess speċjali mill- pajjiżi u provinċji gżejjer Ażjatiċi u fil-Paċifiku bħal New Zealand li jaħdmu magħna. Veru, ninsabu 'l bogħod ġeografikament, imma hemm ħafna affarijiet li jgħaqqduna. F'dan is-summit, pajjiżna - bħala pajjiż Ewropew mistieden mill- Ażjatiċi - kien f 'pożizzjoni li jgħid lill-pajjiżi Ażjatici li hu lest jaħdem mill-qrib favur iktar koperazzjoni, iktar kummerċ u iktar rabtiet kulturali. Aħna diġà wrejna dan meta l-Professur Edward Scicluna, bħala Ministru tal-Finanzi, kien wieħed mill-firmatarji fundaturi tal-Bank Ażjatiku għall-Investiment Infrastrutturali (AIIB). Naturalment, il-ġimgħa bdiet b'togħma morra ħafna hekk kif smajna bl-attakki fi Brussell li ħallew imwiet u nies midruba fosthom żagħżugħ Malti. It-terroristi għandhom għan wieħed: li jħarbtu l-istil ta' ħajja tagħna l-Ewropej, li minħabba fihom aħna nċedu fuq dak li nieħdu gost nagħmlu. L-aqwa mod kif nirbħu t-terroriżmu hu li nkomplu għaddejjin bl-istil ta' ħajja tagħna, li nagħmlu dak li nieħdu gost nagħmlu u li nibqgħu magħqudin fl-isforzi tagħna biex inkissru l-fenomenu tar-radikalizzazzjoni u naħdmu flimkien. Din il-ġimgħa, il-Kunsill Ewropew tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni ħareġ dikjarazzjoni li fiha numru ta' punti li dwarhom, il-pajjiżi membri qablu li se jaħdmu iktar biex jaslu għalihom fi żmien iqsar. Malta dejjem kienet minn ta' quddiem biex tkun minn tal-ewwel li timplimenta dawn l-obbligi ġodda, tant li diġà emendajna l-liġijiet tagħna biex nimmodernizzawhom fejn tidħol il-ġlieda kontra t-terroriżmu fid-dawl tal-fenomeni l-ġodda li qed naraw madwarna. Is-solidarjetà tmur lejn il-vittmi u l-familji tagħhom. Aħna magħqudin mal-Belġjani f 'dan il-mument ta' niket. Il-Ħadd 27 ta' Marzu 2016 | illum Opinjoni 17 OWEN BONNICI Ħsibijiet mill-Ażja...u l-Belġju "L-aqwa mod kif nirbħu t-terroriżmu hu li nkomplu għaddejjin bl-istil ta' ħajja tagħna, li nagħmlu dak li nieħdu gost nagħmlu" It-terroristi għandhom għan wieħed: li jħarbtu l-istil ta' ħajja tagħna l-Ewropej

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 27 March 2016