Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/658015
Il-Ħadd 27 ta' Marzu 2016 | illum 21 Pjazzetta/Ittri Strippping Man – Inneħħu l-barrieri IL-KUMPANIJA taż-żfin YADA qed tipproduċi l-ewwel xow taż-żfin tagħha bil-maġġoranza taż-żeffiena huma maskili. Mhux hekk biss, iżda hi l-ewwel xow tal-YADA fejn iż-żeffiena se jiżfnu għall-mużika u kant live mill-bidu sal-aħħar. Ovvjament, l-ispettaklu, il-koreografija enerġetika, id-dwal, il-kostumi u dak li llum sar sinominu mal- YADA, se jibqa' jeżisti. Id-dinja u s-soċjetà li ngħixu fiha toħloq predominanza maskili, b'90% tal-vjolenza ġejja mis-sess maskili. Ir-raġel għandu post aktar prominenti, aktar imħallas, iktar importanti fix-xogħol u f 'oqsma tal-ħajja. Meta għadd kbir ta' żgħażagħ Amerikani f 'sondaġġ ġew mistoqsija xi jfisser li tkun raġel, huma rrispondew u ddeskrivew lir- raġel fi tlett kelmiet: aggressiv, dominanti u b'saħħtu. Raġel minn tfulitu hu mgħallem jeżerċità awtoritá, jilbes ħwejjeġ bħalma hi l-ġlekk u l-ingravata, li juru dixxiplina, serjetà u saħħa. U qatt ma għandu juri sentimenti ta' dgħufija. Qatt m'għandu jibki fil-pubbliku. Qatt m'għandu jutilizza oġġetti jew manjieri hekk imsejħa femminili. U għalhekk, din ix-xow hi kontroversjali, għax fid-dinja taż-żfin, meta din id-dinja stess suppost nifmhuha li hi tan-nisa, anke hawn il-palk imtela' b'irġiel u mhux nisa. 15-il raġel sabiħ jikkumbatti fiż-żfin 5 nisa b'saħħithom! Ibbażat fuq il-ġeneru kontemporanju u liriku rock, il-produzzjoni se tinvestiga u tesplora l-kumplessitajiet li jagħmluna maskili, u nqaxxru s-saffi sakemm naslu fil-profond tas-suġġett: id-dgħufija tiegħu, is-saħħa tiegħu u r-relazzjoni li għandu miegħu nnifsu, ma' rġiel oħrajn, man-nisa u lil hinn. Ir-raġel hu ġenetikament privileġġjat? Dejjem aggressiv u vjolenti? Qatt ma jista' jifhem l-att femminili li jinsab anke bijoloġikament ġo fih? Din it-tema adulta ser tipprovoka ħsieb u kontroversja u forsi tasal għal xi konklużjonijiet. 'Stripping Man', kreazzjoni oriġinali tal-YADA se tkun konġunta mal-istudju prattiku tad-Direttur Felix Busuttil għall-istudju tiegħu tal-Masters fl-Università ta' Malta. L-irġiel żeffiena Maltin, Taljani, Ingliżi u anke mill-Latvja inkluż Michele Nocca li kien parti minn Amici 2015, u ħames nisa ta' stoffa, kollha Maltin, se jiżfnu għall-mużika tal-live band, b'mużika miktuba min Conrad Dimech u kantata minn artisti popolari bħal Ivan Grech (Winter Moods), Brooke, Gianluca Bezzina, Dorothy Bezzina, Ylenia, Amanda and Ishmael. Il- kostumi, iddissinjati minn Marco Parascandolo se jiġu magħmula l-Italja u l-irtokk se jkun f 'idejn Justin Brincat. 'Stripping Man' se tittella' fl-1, 2 u 3 April 2016, f 'Dar il-Mediterran għall- Konferenzi, il-Belt Valletta. Din il-produzzjoni se tkun taħt il-patroċinju tal-President ta' Malta Marie Louise Coleiro Preca, u hija marbuta wkoll mal-Kampanja tal-HeforShe, tan-Nazzjonijiet Uniti. It-tielet sena tal-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus L-GĦAQDA tal-Malti – Università u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb qed jorganizzaw it-tielet edizzjoni tal-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus fl-Università. Il-Festival se jittella' bejn il-5 u s-7 ta' April, mid-9:00 sas-14:00 u mill-16:00 sat-tard. Waqt dan il-Festival se jkun hemm diversi stands ta' għadd ta' pubblikaturi u distributuri ewlenin fosthom Horizons, Faraxa Books, Sensiela Kotba Soċjalisti (SKS), Students Philosophical Society, EDE, Inizjamed/Edizzzjoni Skarta, BDL u oħrajn. Ma' dawn ikun hemm l-Għaqda tal-Malti u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb li għandhom imħejji rigal ċkejken għall-ewwel mija li jżuru l-Festival. Barra minn hekk, se jkun hemm attivitajiet li jvarjaw minn workshops għal films, minn qari għal taħditiet, u oħrajn. L-attivitajiet se jsiru minn Mark Scicluna u Moira Zahra, ESO, Insite, Faraxa Books, KSU (Kummissjoni Edukazzjoni), Highlight Arts, Inizjamed, Glen Calleja, Għaqda tal- Malti, Trevor Żahra, Fat Lady Productions, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, Akkademja tal-Malti, Kunsill Nazzjonali tal- Ktieb, TAĦŻIŻ, Aġenzija Żgħażagħ, Miriam Calleja, EDE, Mistura, Michael Spagnol, Graphic Novels Library, u DESA. Matul it-tlett ijiem tal- Festival il-Librerija tal- Università se tkun qed tiftaħ il-bibien tagħha għall-istudenti b'attivitajiet interessanti fi mkejjen li mhux soltu nidħlu fihom. L-Għaqda tal-Malti se tkun qed tesebixxi r-ritratti tal-kompetizzjoni Ħudli Ritratt li għandha miftuħa sal-1 ta' April. Matthew Schembri se jkun qed jieħu ħsieb l-installazzjoni tal-arti Ixorbu l-Kotba. Il-mistiedna speċjali tal-festival hija l-kittieba Iżlandiża Gerður Kristný se tkun magħna b'attività kull ġurnata. Nhar is-6 ta' April, Kristný se tkun qed tagħti workshop marbut mal-kitba mill-ġdid tal-Mitoloġija, u nhar is-7 ta' April nagħlqu l-festival b'qari u mistoqsijiet lill-istess awtriċi. Il-programm sħiħ t'attivitajiet, siegħa b'siegħa, jinsab fl-attività fuq Facebook. Il-Festival miftuħ għal kulħadd bla ħlas. L-Għid it-Tajjeb għal kulħadd Lino Ellul, San Ġwann BIEX aħna nifhmu verament xi jfisser l-Għid il-Kbir, jiena nemmen li huwa ferm importanti li fl-eżerċizzi tar-Randan, u wisq aktar fil-Ġimgħa Mqaddsa, aħna għandna nisimgħu dwar min hu verament Kristu, wisq aktar milli nkomplu nisimgħu u naqraw l-istess ripetizzjonijiet li aħna nisimgħu u li naqraw dwar Kristu s-sena kollha! Fil-fatt jiena nemmen, li hemm bżonn li aħna nifhmuha darba għal dejjem li Kristu ġie fid-dinja bħala Alla bin il-Missier, ħa l-ġisem u d-demm bħal bniedem, bl-opra tal-Ispirtu s-Santu, mill-ġuf tal-Verġni Marija bħala binha. Għex fid-dinja bħala Alla u bħala bniedem, ħafer id-dnubiet u għamel il-mirakli f 'ħajtu bħala Alla, u bħala bniedem. Waqqaf l-Ewkaristija bħala Alla u bħala bniedem, iżda jekk min-naħa l-oħra, skont San Pawl, "Dak li ma kienx jaf x'inhu dnub, Alla għamlu dnub għalina," (2Kor.5,21) Allura, bilfors li fil-ġnien tal-Ġetsemani, Kristu tneżża' mid-divinità tiegħu, biex quddiem Alla sar biss dnub. Fil-fatt, meta bħala Alla, la seta' jbati u lanqas imut, mela għalija dan ifisser biss, li Kristu miet fuq is-salib bħala biss bniedem, u mhux bħala Alla u bħala bniedem. Meta min-naħa l-oħra, Kristu kien jaf fiċ-ċert li kellu jqum mill-imwiet, kif qatt jista' jkun korrett kull min fostna jogħqod jgħidilna li anke Kristu beża' mill-mewt, meta fir-realtà tal-fatti, fil-Ġetsemani, Kristu kien imwerwer biss mill-passjoni ħarxa li kienet lesta għalih, u żgur li mhux mill-mewt. Appuntu, Kristu kien jaf li kellu jqum mill-imwiet bħala Alla u bħala bniedem, bil-qawwa u bil-kunsens tal-Missier, bil-qawwa u bil-kunsens tal-Ispirtu s-Santu, kif ukoll bil-qawwa u bil-kunsens tiegħu nnifsu ħaġa waħda mal-Missier u mal-Ispirtu s-Santu, tliet persuni f 'Alla wieħed. Forsi allura mhux għalhekk jiena għandi nemmen li dan għandu jkun il-Kristu li għandi nemmen fih jien, bla ma nkompli nemmen fi Kristu, bla ma naf verament min hu Kristu. Fil-fatt, jiena ma nistax ninsa li Kristu ma qalilniex biss li huwa ħaġa waħda mal-Missier, iżda qalilna wkoll li fit-tielet jum, kellu jqum mill-Imwiet. Min- naħa l-oħra, San Pawl jgħidilna wkoll ċar u tond, "li kieku Kristu ma qamx mill-imwiet, kieku fierħa hi l-predikazzjoni tagħna u fierħa hija l-fidi tagħkom." (1 Kor.15,14-19) Mela żgur li mhux bl-amment li fil-Knisja li waqqaf Kristu, aħna niċċelebraw bil-kbir, il-qawmien ta' Kristu mill-imwiet bħala Alla bin il-Missier, u allura bħala Alla u bħala bniedem bin il-Bniedem, minn ommu l-Verġni Marija.