Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/658015
illum | Il-Ħadd 27 ta' Marzu 2016 Aħbarijiet 6 minn Albert Gauci Cunningham NHAR il-Ħadd 6 ta' Marzu li għadda, kien is-sit illum.com.mt li żvela kif l-eks-Deputata Laburista Marlene Farrugia qed tikkunsidra li toħloq, jew tkun xprun ta' partit ġdid. Is-sit elettroniku tagħna kien irraporta kif Farrugia ma teskludix li tmexxi dan il-partit hi, għalkemm tippreferi wiċċ ġdid, u li dan ikollu l-għan li jżomm bilanċ bejn iż-żewġ partiti. F'intervista li dehret fuq il- gazzetta ILLUM, Farrugia tgħid ukoll li l-bażi ta' dan il-partit ġdid għandu jkun fost l-istudenti. Minn mindu għamlet din id-dikjarazzjoni Farrugia, qamet diskussjoni fil-pajjiż li fiha daħlu diversi vuċijiet differenti, uħud li wieħed seta' stennihom u oħrajn li le. Fost dawk li ftit stennew li se jitkellem kien hemm Salvu Mallia, li f 'intervista mal-ILLUM żvela kif beħsiebu jiġġieled is-sistema elettorali preżenti u dak li sejjaħlu d-"dittatorjat taż- żewġ partiti." Żvela wkoll kif se jkun kandidat għall- elezzjoni ġenerali li jmiss fuq l-ewwel u t-12-il distrett, ma' forza politika lil hinn miż- żewġ partiti l-kbar. Iżda dan id-diskors kollu dwar partit ġdid minn fejn inqala'? X'wassal biex qed iqum dan l-interess kollu li jinħoloq moviment ġdid politiku? Dan kollu nar tat-tiben? Dan kollu paroli li se jtir mar-riħ ladarba jikkalmaw l-ilmijiet politiċi u kulħadd jerġa' jmur jiskjera ruħu mal-partit 'tiegħu'? U kemm, fil-verità jekk isir dan il-partit, se jkun effettiv? Kemm se jġib voti? X'bidliet jista' jwettaq? Se jkun kapaċi jagħmilha għall- Parlament? Pixxini fil-Panama Qabel ma nħarsu lejn il-potenzjal ta' partit ġdid u lejn il-personaġġi li qed jimbuttaw il-ħolqien tiegħu, irridu nistaqsu x'wassal biex inħoloqot din l-għagħa kollha. Irridu nanalizzaw x'seta' ġara biex persentaġġ dejjem jikber ta' nies, illum qed jaraw li fiż-żewġ partiti m'hemmx futur. Il-każ politiku li bla ebda dubju qajjem tempesta politika li heżżeż is-sisien taż-żewġ partiti, imma b'mod speċjali u definittiv tal-Partit u l-Gvern Laburista, kien dak tal-Panama. Għalkemm għad ma kien hemm ebda prova konkreta u konklussiva ta' korruzzjoni, id-dell li l-kumpanija fil-Panama tefgħet fuq Ministru li kien ikkunsidrat bħala 'doer', apparti li huwa qrib ħafna ta' Muscat, kien wieħed tqil, twil u iswed. Eluf ta' nies li fdaw lill- Partit Laburista fl-aħħar elezzjoni esprimew ir- rabja tagħhom għal dawn l-avvenimenti. Għal dawn l-eluf, il-ħajt protettiv li kien iżomm lil Joseph Muscat 'il bogħod mill-kritika u l-immaġini pożittiva ħafna tal-istess Muscat, issa bdew juru xquq serji. Dan jixhduh il-figuri fl-aħħar stħarriġ tal-MaltaToday li juru kif 41.2% ta' dawk li vvutaw PL għall-ewwel darba fl-aħħar elezzjoni, illum ma jafdaw lill-ebda miż-żewġ partiti, u kieku kellha ssir elezzjoni illum, dawn ma jivvutawx. Dan ifisser li bejn 17,000 u 18,000 ta' dawk li vvutaw Labour għall-ewwel darba fl-aħħar elezzjoni, ma jivvutawx kieku kellha ssir elezzjoni illum. Bejn 11,000 u 12,000 reġgħu 'marru lura' għand il-Partit Nazzjonalista, filwaqt li bejn 7,000 u 8,000 persuna jerġgħu jivvutaw lill-Partit Laburista. Apparti dan, l-aħħar stħarriġ tal-istess gazzetta oħt turi kif hemm persentaġġ qawwi ta' madwar 10% minn dawk il-votanti li dejjem ivvutaw lill-Partit Laburista, li kieku issir elezzjoni illum ma jivvutawx. Hawnhekk qed nerġgħu nitkellmu fuq eluf ta' votanti oħrajn. Fil-fatt, fl-aħħar elezzjoni ivvutaw lill-Partit Laburista 167,533. Jekk minnhom taqta' 36,000 li għall- argument nikkunsidrawhom kollha bħala switchers, allura jifdal ftit aktar minn 131,000. Issa jekk għall-argument ngħidu li qed nitkellmu dwar 10% ta' dawn il-voti, li ftit jew wisq kollha jmorru għall-Partit Laburista, mela allura jista' jkun li qed inħarsu lejn 13,000 vot ieħor. B'kollox, dawn iż-żewġ xenarji jistgħu faċilment qed iħallu madwar 30,000 vot ta' nies li preżentament m'għandhom ebda intenzjoni jivvutaw, u dan meta lanqas biss qed ngħoddu eluf ta' votanti ġodda li se jkunu qed jivvutaw għall-ewwel darba fl-elezzjoni ġenerali li jmiss. Vojt permanenti jew temporanju? Allura dawn it-30,000+ votanti se jkunu qed joħolqu vojt temporanju, jew wieħed permanenti li minnu partit ġdid ikun jista' jgawdi elettoralment? Kollox jiddependi minn bosta fatturi. L-ewwel fattur huwa kif beħsiebu jimxi l-Gvern fiż-żmien li ġej, u l-mod ta' kif se jirrispondi għall-aħħar avvenimenti politiċi li ħallewh imbenġel bil-kbir. Jekk il-Gvern se jwettaq ċerti bidliet li juru kif qed jipprova jbiddel u jagħmel l-aħjar minn sitwazzjoni prekarja li poġġietu fi sqaq, allura il- probabbiltà hija li persentaġġ minn dawk il-votanti li abbandunawh tant kmieni fil-leġiżlatura, jerġgħu jaħsbuha. Jekk il-Gvern, min-naħa l-oħra se jibqa' jittama li għax tinjora n-nar, dan se jintefa' waħdu, jista' jkun li eluf minn dawk li abbandunawh jikkonfermaw li l-għażla tagħhom kienet waħda tajba u jibqgħu xi mkien fin-nofs, f 'dak li qed insejħulu 'vojt'. It-tieni fattur hija l-Oppożizzjoni. Minkejja li bħalissa l-Partit Nazzjonalista qed jikseb riżultati tajbin fis-sondaġġi, jibqa' fatt li ħafna minn dawn it-30,000+ għadhom mhux qed jafdaw lill-istess partit biżżejjed u jħossu li għadu kmieni wisq biex jemmnu li dan biddel il-mod ta' kif jagħmel il-politika. Jista' jkun ukoll li ħafna minn dawk il-11,000-12,000 li 'marru lura' għand il- PN, għamlu dan biss issa "Jekk hemm min qed jaħseb li poplu, ikun min ikun, se jitfa' s-saħħa, l-edukazzjoni, l-ambjent, ix-xogħol, l-ekonomija u aktar minn kollox il-but fil-ġenb u se jivvota b'mod esklussiv fuq il-governanza, sejjer żball" It-tielet partit...id-dissens "Partit ġdid jeħtieġ jimla ħafna vojt u ħafna spazji qabel ma jkun eleġibbli biex jinżel fl-arena politika u ma jitqattax mill- ewwel iljun f 'temp ta' sekonda"