Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/658015
Aħbarijiet 7 Il-Ħadd 27 ta' Marzu 2016 | illum fiż-żmien meta l-Gvern qiegħed fl-agħar tiegħu. M'hemm l-ebda garanzija li dawn fil-fatt se jivvutaw PN meta jasal il-waqt. Jista' jkun li persentaġġ minnhom jerġa' jibdielhom u jersqu lejn il-'vojt' tan-nofs. Jista' jkun ukoll li sa sentejn u nofs oħra, uħud minn dawn jerġgħu jiddeċiedu li jivvutaw lill-Partit Laburista It-tielet fattur huwa l-Laburisti li bħalissa jħossu li ma jistgħux jidentifikaw mal-partit tagħhom jew li jħossu li l-partit nesihom jew għadu ma wettaqx ġustizzja magħhom. Dan is- settur ta' votanti, apparti li huwa kruċjali għall-Labour, jista' jkun kruċjali wkoll għal partit ġdid. Jekk sal-elezzjoni, dawn it-13,000 u forsi iktar magħhom, jibqgħu jħossu li l-partit ma indirizzax il-problemi u l-inġustizzji tagħhom, jista' jkun li jew jibqgħu d-dar fl-elezzjoni ġenerali jew inkella jintefgħu fil-vojt tan-nofs bit-tama li jivvutaw lil partit ġdid, jekk dan ikun ikkreat. Kollox jgħodd mal- partit il- ġdid innifsu Imma forza politika ġdida tirnexxi skont kemm tkun rilevanti hi. Jekk partit ġdid se jkun qed jorbot esklussivament fuq id-dissens għaż-żewġ partiti minn eluf ta' votanti, allura se jkun moviment momentarju, efemerali u li jwassal biss, forsi sa elezzjoni ġenerali waħda. Iċ-ċavetta dwar jekk dan id-diskors dwar it-tielet partit hux se jimmaterjalizza jew le, se jkun il-fattur li se jgħaqqad lil diversi persuni differenti li s'issa tkellmu dwar il-ħolqien ta' partit ġdid. X'jgħaqqad lil Marlene Farrugia u lil Franco Debono? X'jgħaqqad lil dawn it-tnejn ma' Salvu Mallia u ma' Michael Brigiuglio? S'issa ftit li xejn. S'issa dak li qed jgħaqqad lil dawn l-erba' min-nies huwa d-dissens ġustifikat li qed iħossu lejn is-sistema politika sħiħa. Għandek raġun, imma xorta mhux se nivvotalek Dawk li tilfu l-fiduċja fiż-żewġ partiti u li qed jisimgħu lil Farrugia, Debono u Mallia bħalissa, qed ituhom raġun. Dawn it- tlieta b'xi mod jew ieħor qed jitkellmu l-lingwa tagħhom, qed iwasslu d-dissens u d-diżillużjoni tagħhom fuq il-mezzi tax-xandir u fuq siti soċjali bħal Facebook. Imma, anke jekk hawn min jaħseb mod ieħor, l-impenn li persuna tivvota lil partit, tmur lil hinn mid-dissens u minn kemm naqbel miegħek. Il-vot ġeneralment huwa bbażat fuq il-fatt li l-istess persuna jew grupp ta' nies li qed iservu ta' leħni qegħdin ukoll joffru soluzzjonijiet u bażi ta' twemmin ekonomiku u soċjali li jixbah lil tiegħi. S'issa il-bżonn li jkun hemm partit ġdid huwa biss frott tal-ilmenti u l-garr. Imma l-ilmenti u l-garr jistgħu jkunu temporanji u għalhekk bażi ta' voti mibnija fuq din il-premessa, hija volatili ħafna. S'issa ħafna qed jgħidu lil Marlene u lil Salvu Mallia, "mela naqbel miegħek, imma xorta mhux se nivvutalek", għax s'issa, wara l-faċċata ta' reżistenza u dwejjaq għad m'hemm xejn x'jorbot, xejn konkret. Partit ġdid jeħtieġ il- pedamenti Dawk li bħalissa qed jiltaqgħu ma' diversi nies biex ikun iffurmat dan il-moviment politiku ġdid, jeħtieġ li l-ewwel u qabel kollox jibnu l-pedamenti tal- partit. Fiex se jkun jemmen dan il-partit? Ma' xiex se jaqbel? Se jkun xellugi jew lemini jew se jkun fotokopja tal-PN u l-PL u jibqa' fiċ- ċentru? X'inhi l-ekonomija għalih? Kif se jaċċerta li t-tkabbir ekonomiku jilħaq lil kulħadd? Se jistenna li jkun hemm 'trickle down' tal-ġid (xi ħaġa li ma tiġri qatt)? Għall-partit il-ġdid jew għal dawk li qed jaħsbu biex joħolquh, il-Gvern xi rwol għandu jkollu? Għandu jkun esklussivament amministratur, li jara li l-pajjiż jimxi 'l quddiem mingħajr wisq intervent, jew għandu jkun il- missier li jintervjeni biex joħloq il-ġid hu? X'jaħsbu dawn in-nies dwar il- privatizzazzjoni? Hemm entitajiet li għandhom ikunu nazzjonalizzati? U xi twemmin soċjali se jkollu dan il-partit? Se jkun konservattiv jew liberali? X'se tkun il-pożizzjoni tiegħu dwar l-IVF, l-abort, l-omosesswalità u x'attitudni se jieħu lejn il-Knisja Kattolika? Se jkun sieħeb tal-Knisja, se jinjoraha jew se jtellagħha fuq pulptu? X'relazzjoni jrid mal-UE? X'pożizzjoni se jieħu fuq l-immigrazzjoni? U l-mistoqsijiet jibqgħu ġejjin, u aktar kemm issaqsi aktar iqumu mistoqsijiet ġodda. Għalhekk s'issa l-idea ta' partit ġdid, li għadha fl-istadji ta' qabel l-infanzja ma tistax tkun ikkunsidrata iktar minn idea waħda minn ħafna li jittajru waqt tromba politika. Il-governanza hija importanti, vera. Hija importanti ħafna. Imma partit irid iwiegħed ħafna iktar minn hekk. Jekk hemm min qed jaħseb li poplu, jkun min ikun, se jitfa' s-saħħa, l-edukazzjoni, l-ambjent, ix-xogħol, l-ekonomija u aktar minn kollox il-but fil-ġenb u se jivvota b'mod esklussiv fuq il-governanza, sejjer żball. Mexxej ġdid...il- Curriculum Vitae Naturalment dawn it- 30,000+ vot, flimkien ma' sezzjoni mill-voti ġodda jistgħu jmorru lejn partit politiku ġdid kemm il-darba dan ikollu xi ħadd fit-tmun li jispira u li jiġbed lejh il- mases. Marlene Farrugia u Franco Debono, tista' taqbel magħhom u jistgħu kienu dejjem konsistenti ma' dak li jemmnu. Fil-fatt it-tnejn dejjem jisħqu li l-prinċipju politiku tagħhom huma la qatt bidluh u lanqas ċaħduh. Il-problema hija li kemm Marlene kif ukoll Franco, huma marbutin wisq mad-dissens. Salvu Mallia, min-naħa l-oħra, huwa l-portavuċi ta' ħafna nies fit- triq imma għad m'għandux l-istatura meħtieġa minn mexxej. Dan ifisser li dan il- moviment ġdid se jkun jeħtieġ element differenti. Element mingħajr it-toqol tal-passat, b'enerġija kbira u mingħajr rabtiet politiċi li jistgħu jkissruh jew ikunu ta' mazzra. Moviment ġdid irid ikun mmexxi minn xi ħadd li għandu l-lussu li jipprietka l-onestà u li jitlob għar- responsabbiltà politika, mingħajr swaba' ppuntati lejh u lejn ta' madwaru, lussu li Simon Busuttil m'għandux. Irid ukoll ikun xi ħadd li għandu twemmin li jpoġġi lin-nies fiċ- ċentru u li jitlaq mill-premessa li n-nies jiġu l-ewwel u qabel kollox. Mexxej ta' forza politika ġdida jrid jwieġeb dawk il- mistoqsijiet li staqsejt aktar 'il fuq b'ċarezza, u mingħajr xrara ta' dubju filwaqt li jispira fiduċja f 'dawk li qed isegwuh. Aktar minn kollox, irid ikun jew trid tkun dinamika biżżejjed biex tagħmel ħafna mill- kwistjonijiet tal-poplu tagħha. Ma jistax ikun ikollok moviment politiku li jagħmel suċċess jekk dan se jeħel ma' kwistjoni waħda biss, pereżempju l-ambjent jew il-governanza. L-ambjent u l-governanza, biex insemmu żewġ setturi li din il-gazzetta tħoss li l-Gvern preżenti sejjer ħażin fihom, huma parti minn pakkett ħafna ikbar. Xi ħadd li jrid jattira 30,000+ voti jeħtieġ jirrealizza li Gvern Laburista qed jagħmel suċċessi ekonomiċi kbar u qed jirnexxilu jagħmel bidliet pożittivi fl-oqsma msejħin 'bread and butter'. U f 'dawn l-oqsma jeħtieġ li jagħmel dak li Gvern Laburista mhux qed jagħmel biżżejjed, jiġifieri jħares lejn dak li huwa 'micro', l-esperjenza ta' individwi, aktar milli biss lejn il-figuri u s-sitwazzjoni b'lenti globali. Xi ħadd li jrid jattira 30,000+ vot ma jistax imur jipprotesta jew jieħu stessi spalla ma' spalla ma' nies li kienu fil-poter ilbieraħ u li wettqu dnubiet kbar (mhux tal-abbatini, le!) Xi ħadd li jrid joffri alternattiva, irid jkun differenti mill-Alternattiva Demokratika, fis-sens li jieqaf ikun pressure group. Iktar minn kollox, f 'ambitu ta' elezzjonijiet presidenzjali, mexxej ta' forza politika ġdida jeħtieġ ikollu kariżma, jkun maħbub min- nies, ikun kapaċi jisma, oratur tajjeb, passjonat, determinat u li jkun 'mainstream', jiġifieri mhux xi ħadd li qisu għadu kif ħareġ minn taħt blata u f 'daqqa waħda tah li jiftaħ partit. Ħolma li se ttir mar-riħ? Il-lista hija twila. Twila ħafna. U qabel ma' forza politika ġdida tibda mill- pożizzjoni li tiġġieled sistema elettorali, jeħtieġ ikollha l-ingredjenti msemmija hawn fuq. Ikun ta' xejn li Salvu Mallia jdoqq it-tanbur tal- bidliet fis-sistema elettorali jekk mhux se jkun parti minn grupp organizzat ta' nies, li se jispiraw u jisseduċu lill-poplu biex jivvutalhom. Il-possibbiltà ta' partit ġdid hija hemm, in-nies qed jitkellmu dwarha u diġà saru programmi wkoll dwar dan. Imma lil hinn mill- kliem tal-mument, partit ġdid jeħtieġ jimla ħafna vojt u ħafna spazji qabel ma jkun eleġibbli biex jinżel fl- arena politika u ma jitqattax minn l-ewwel iljun f 'temp ta' sekonda. partit...id-dissens mhux biżżejjed Marlene Farrugia Salvu Mallia Franco Debono Arnold Cassola