Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/661114
illum | Il-Ħadd 03 t'April 2016 F'idejn in-nies Opinjoni 14 Ħ aġa magħrufa li ħafna drabi l-interess f 'xi ħaġa, jitqanqal spiss meta tiġri xi ħaġa li tolqtok fil-laħam il-ħaj. L-interess jista' jmut wara ftit. Jew jista' jiffurmalek ħajtek. Meta kont tifla kont inħobb nimraħ ġol-kampanja ġmiel li għandna madwar iż- Żurrieq. L-aktar li konna nfittxu kien tax-Xewki sa Wied Fulija, għax missieri kellu mansab u biċċa għalqa mhux wisq bogħod minn hemm. Ta' tfal li konna, il- beraħ u n-natura, dik l-arja nadifa kienet iġġennina. Min jaf kemm xrobna mill- għadajjar tax-xita u ntfajna nirrumblaw ġol-lellux u l-ġarġir. Imbagħad sparixxa kollox. Il-ġenna tagħna inqerdet għal kollox. Inbidlet f 'infern jaqbad bla ħniena. Id-dħaħen u l-intiena u l-irmied serqulna d-dinja tagħna, fgawna, u bdejna ngħixu f 'dinja oħra fejn tieħu nifs mid-dar t'ommi f 'tarf iż-Żurrieq skont ir-riħ kienx jaqbel lejna jew le. "X'ġara Ma? Għalfejn qerdu hawn?" "Il-Gvern hekk iddecieda." "Min hu l-Gvern Ma?" "Dak li jmexxi l-pajjiz." "Mintoff hux Ma?" "Kif insir Gvern Ma?" "Ikun hemm elezzjoni." "Bħal meta morna ndoqqu l-ħornijiet u nxejru l-bandiera tat-torċa u l-lumi Ma?" "Iva." "Dak min kien li qagħad jgħidilna ejjew magħna fuq it-television Ma?" "Dak Borg Olivier assasin Nazzjonalist. Dejnu l-pajjiż. Qatluna bil-guħ. Lil nannuk bagħtuh jiġbor il-bebbux meta talabhom xogħol biex jitmagħna. Nirrah Alla jisħithom. U lili ried iżewwiġni fis-sagristija dak il-kelb Dun Pawl." "Allura Borg Olivier għamlilna l-miżbla u radmilna ż-żrinijiet taħt iż- żibel Ma?" "Le, issa Mintoff hemm. Allahares le. Forsi nieħdu naqra ruħ. X' imkien iridu jitfgħuh iż-żibel. Hekk kien hemm bżonn. Nieħdu paċenzja." "Imma biex noħroġ għall-elezzjoni u nitla', irrid inwaħħal ir-ritratti ma kullimkien u niżboh il-ħitan b'ismi jew nagħmel il-pavaljuni? Ara x'haw barra Ma. U naħseb trid tkun avukat jew tabib hux ma. Mintoff tabib ma? Għandna xi ħadd jiġi minna Gvern Ma? Għandna tobba u avukati fir-razza Ma?" "Le m'għandna 'l ħadd. Issa jew aqbad il-barmil u aħsel, jew mur agħmel il-homework u aqra ftit għax daqt l-eżamijiet." Il-ħajja ta' tifla li kont, kienet tidher li qiegħda ġo dinja maqsuma fi tnejn. Magħmula mill-Labour li jħobbuna, in-Nazzjonalisti li jobgħoduna, Tal-Karmnu li naqbżu mal-marċ, u ta' Santa Katerina li nħallulhom l-ixkupa fil-gallarija x'ħin jgħaddi l-marċ minn taħtna, imbagħad immorru ndendlu saqajna mġiddmin minn fuq l-apramorta tal-bejt tal-każin tal-Karmnu waqt il-marċ ta' filgħodu tagħhom u naħarbu niġru b'kemm għandna x'ħin jibdew jogħlew il-fliexken u jiġu l-pulizija. Kienet dinja faċli biex tifhimha. Min mhux magħna, kontra tagħna. Tagħna u Tagħhom. Imma fl-elezzjoni u fil- festa biss. Mil-bqija nilagħbu żibeġ, passju u ħarba flimkien is- sena kollha u fil-Karnival, min jivvinta praspar l-iktar. U fl-Għid min jiddobba xi naqra ħelu u bajd tal-Għid niltaqgħu taħt it-taraġ tal- flat t'ommi, min għandu, igawdi ma' min m'għandux. Jien kelli problema. Fil-fatt, ommi spiss kienet tgħidli li kieku mhux għax twelidt id-dar iż-Żurrieq stess, kienet tasal għall- konklużjoni li jien mhix tagħha għax ma kont naċċetta xejn b'fatt jekk ma tikkonvinċinix b' argument li tirbaħli. Jekk tgħidli li tal-Palma kollha ħodor, ngħidilha, int fejn taf? U jekk tgħidli li ta' Mintoff ħrief, ngħidilha li ta' Mintoff fgawni u qabbduni s-sogħla, ħarqu l-każin tan-Nazzjonalisti u ħlew Television, Alla jaf biex takkwistah dak iż-żmien. Ma setgħetx tgħidli li mhux veru, għax rajtu fil-pjazza fuq l-irmied. U għadda ż-żmien. U f 'dak iż-żmien ġraw ħafna affarijiet. Malta nbidlet għall-aħjar fi bnadi. Inbidlet għall-agħar f 'oqsma oħra. Li joħrog ċar żgur huwa li pajjiżna, fl-2016 għadu jbati l-konsegwenzi tal-aħna u huma, tat-tagħhom u tagħna. Taparsi ħa nirsistu għall- poplu magħqud f 'poplu wiehed f ' kull kampanja, tgħaddi l-elezzjoni u nerġgħu koppi. Ifred u saltan u keskes ħalli l-poplu joqgħod jehda f 'dibattitu inutli filwaqt li l-ġwiez ikun qed jitqassam u l-kawlati jitħawru. Ilna sejrin hekk żmien. Iżda l-akbar daqqa ta' ħarta għat-tama ta' bidla fil-mod kif niggvernaw pajjiżna, il-poplu ħadha matul dawn l-aħħar tliet snin. Kellna aspettattivi kbar għax ħdimna għalihom. Tajna lill-Gvern ta' Muscat is-saħħa biex jeqred il-prattiċi ħżiena li kienu rabbew l-għeruq fit-tmexxija preċedenti. Stennejna u ttamajna. Iżda minflok trasparenza, ngħatajna l-ħabi. Minflok meritokrazija, ngħajtajna tgerfix ta' ħatriet. Minflok issaħħu l-istituzzjonijiet, saru għaġina bejn is- swaba tal-Gvern. Minflok l-ambjent ġie protett, għoddhom għamluh flus. Minflok issaħħu l-assi fissi tal-pajjiż, inbiegħu fi rkant dubjuż. U minflok akkwistajna governanza nadifa u kontabbli, iddubajna Panamagate. Biex tkompli tgħaxxaq id-dinja, bħallikieku dan kollu mhux bizzejjed biex jinkwetana, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ma sabitx il-ħila tingrana biżżejjed biex isserraħ ras in-nies li jekk sentejn oħra l-affarijiet ikomplu jgħoddsu, hi tista' tkun gvern alternattiv aħjar. Illum, kulħadd jaf li l-'gvern' ġo gvern li kien hemm qabel, għadu kullanna mal-'gvern' ġo gvern li hemm issa, u li jekk il-PN jingħataw il-fiduċja llum, minkejja l-isforzi kuraġġużi biex ibiddel ta' Simon Busuttil, fil-verità ha nibqgħu msallbin b' establishment mhux elett li jikkmanda hu. Għalhekk jien u ħafna Maltin u Għawdxin ħriġna bl-għajta ta' ħolqien ta' forza politika ġdida, għaliex in-nies la PN ma jridu, diġà mgerrxin mill-PL, u l-Alternattiva minkejja l-validità taghha, qatt fi tletin sena ma ħadet ruħ. S'issa l-grupp imdaqqas ta' nies li qed niddiskutu biex niffurmaw ruħna fi strutturi addatati biex naqdu l-bżonn tal-pajjiż, għadna għaqda pjuttist likwida, fis-sens li hemm nies li resqu b' determinazzjoni li noħolqu partit ġdid li jservi tad-dar naturali għal forza tan-nies li nibtet, hemm oħrajn li ġew b'kurżità, filwaqt li hemm oħrajn li ġew, u qatgħu qalbhom x'ħin intebħu li aħna d-David ma' Gulija. Iva, David ma' Gulija, għax fl-aħħar mill-aħħar, irridu naslu fil-punt li din il-forza ġdida nimmaġinawha bħala saħħa ta' Maltin u Għawdxin magħqudin flimkien fi ġlieda kontra l-eċċessi tal- Gvern ta' Muscat. Forza ta' nies li jridu l-valuri, l-etika u r-rispett jirrenjaw fil-governanza. Forza ta' nies li jemmnu li l-bniedem huwa bniedem mill-ħolqien sal-mewt, u fl-ebda stadju tal-ħajja m'għandu jsir numru. Kif se jiżviluppaw l-affarijiet, għad irridu naraw. Li nista' ngħidilkom huwa li hemm kwalità u sustanza ġdida u qawwija f 'dawk li s'issa jidhru li se jipperseveraw u jmexxu lin- nies biex jaħtfu lil pajjiżhom minn xifer l-irdum. Li naf żgur ukoll huwa li kif qed tevolvi l-istorja tal- preżent, m' għandi l-ebda dubju li wasal il-waqt li nirrevoluzjonaw darba għal dejjem ix-xejra politika f ' pajjiżna, billi nitbiegħdu mit-tribaliżmu u mmexxu 'l quddiem aġenda ta' poplu wieħed magħqud. L-għażla hija f 'idejna lkoll. Nistgħu nibqgħu nitkażaw bl-għarqa tal-partiti politiċi l-kbar u nissoktaw negħrqu aħna u artna magħhom, jew inkella nxammru l-kmiem u noħolqu salva uomo għalina u għal pajjiż tagħna. MARLENE FARRUGIA "L-akbar daqqa ta' ħarta għat- tama ta' bidla fil-mod kif niggvernaw pajjiżna, il-poplu ħadha matul dawn l-aħħar tliet snin"