Illum previous editions

ILLUM 3 April 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/661114

Contents of this Issue

Navigation

Page 17 of 35

F id-diskors tiegħu fl-okkażjoni tas- sebgħa u tletin anniversarju ta' Jum il-Ħelsien, Joseph Muscat tkellem dwar l-ugwaljanza u n-nuqqas tagħha f 'soċjetà li kuljum qiegħda tisma' aħbarijiet inkoraġġanti dwar l-andament ekonomiku tagħha. F'dan id-diskors il-Prim Ministru għamel referenza għal lista ta' gruppi soċjali differenti u rrikonoxxa li s-soċjetà tagħna għadha tiddiskrimina bejn grupp u ieħor. Waħda mir-referenzi tiegħu kienet għad- diżugwaljanza li għadha tinħass bejn l-irġiel u n-nisa, u dan minkejja l-liġijiet li suppost jiggarantixxu li ma jkun hemm ebda diskriminazzjoni bejn is-sessi. Huwa tkellem ukoll dwar id- diżugwaljanza bejn individwi b'diżabilità u oħrajn mingħajr, fejn l-aċċess għall-ħajja soċjali mhux dejjem huwa ggarantit lil kulħadd. Kien interessanti l-kumment ta' Muscat dwar ir-razziżmu bħala forma oħra ta' diżugwaljanza. Bl-aħħar attakki terroristiċi friski fl-imħuħ ta' ħafna, kien mistenni li ssir referenza għalihom. Muscat irrikonoxxa li s-soċjetà tagħna hija waħda razzista u li qiegħda toħloq ambjent ta' ghettos li fihom taqfel (ikolli ngħid litteralment u figurattivament) lil dawk in-nies li ċ-ċirkustanzi wassluhom hawn. Muscat jagħraf il-potenzjal li d-diskriminazzjoni razzjali tista' timmotiva lil uħud jaqbdu toroq deplorevoli biex jirreaġixxu għad- diskriminazzjoni kontrihom bħalma huwa t-terroriżmu. Ma' dawn il-gruppi, wieħed m'għandux jinsa l-klassijiet soċjali. Filwaqt li dan it- terminu donnu li sar tabù fid-diskors politiku, aktarx għax huwa anatema għas- suċċessi rrapportati fil-qasam ekonomiku, wieħed ma jistax ma jikkunsidrax li l-ekonomija taf qiegħda toħloq, jew tkompli tgħajjex, differenzi soċjali li jweġġgħu lil numru ta' nies. Kien diskors interessanti anki għall-fatt li l-pajjiż għandu qafas legali li suppost jiddefendi lill-gruppi differenti mid-diskriminazzjoni u allura, loġikament, wieħed għandu jinfixel meta jara li l-istess Prim Ministru tal- pajjiż jirrikonoxxi l-ambjent diskriminatorju li għad għandna, jekk mhux ukoll li qiegħed jikber. Il-Prim Ministru għandu raġun: il-liġi tal-parlament mhijiex neċessarjament il-liġi li tirregola s-soċjetà. Anzi, ħafna drabi mhijiex. Hemm il-liġi l-oħra – dik li mhijiex miktuba – li tmexxi l-imħuħ tan-nies, li turihom it-toroq li għandhom isegwu, li tiddettalhom l-imġiba u l-attitudni li għandhom jieħdu. Mela filwaqt li ħafna, bil-kliem, bdew jgħidu li, iva, m'għandu jkun hemm ebda diskriminazzjoni bejn l-orjentamenti sesswali differenti, ħafna minn dawn il-ħafna qomsu għax ħassewhom allarmati meta raw, jew aħjar semgħu, b'kotba għat-tfal li kellhom l-għan li jedukaw lil uliedhom ħalli jiddefendu tfal oħrajn minn possibilità ta' vjolenza simbolika. Bħalma ħafna jagħmlu dikjarazzjonijiet solenni li mhumiex razzisti imma mbagħad jibdew isibu kull raġuni u kull skuża biex, appuntu, jikkontradixxu dawn l-istess solennitajiet. Allura jiġrilek li taqra r-rapport tad-diskors tal-Prim Ministru fuq portal u tieħu ftit tan-nifs, imma mbagħad tibda taqra l-kummenti tan-nies taħt ir-rapport, u terġa' tistenbaħ minn ħolma qasira, għax imqar is-segwaċi tal-istess Prim Ministru, il- partitarji tiegħu, se jeħduha kontra diskors li jipprova jnebbaħ lill-poplu. Il-problema, jew għallinqas waħda minnhom, hija l-informazzjoni żbaljata jew selettiva li tixxerred. Pereżempju ħafna jaħsbu li t-terroriżmu Iżlamiku għandu fil-mira l-Kristjaneżmu u li l-ISIS huma x-xjaten li qegħdin iwettqu gwerra reliġjuża kontra l-Insara. Ftit jagħrfu li ħafna mill-vittmi tal-ISIS huma Musulmani. U terġa' inqas u inqas jagħrfu li l-gwerer qaddisa ma kienu qaddisa xejn għax il-punt kruċjali ta' kull kunflitt qaddis kien kollox minbarra r-reliġjon. Ir-reliġjon dejjem kienet paraventu komdu għall- mibegħda li għandha oriġini materjali u mhux spiritwali. Ħu pereżempju l-Kattoliċi u l-kmandament sagrosant tat- twemmin tagħhom, jiġifieri li għandhom iħobbu lil għajrhom bħalhom infushom. Imbagħad tgħidx kemm minnhom tkażaw u ddarrsu għax il-mexxej tagħhom, f 'Ħamis ix-Xirka, ħasel u bies saqajn persuni Musulmani (u suwed). Il-qofol ta' kollox huwa l-ġid u l-ġid jiddependi mill-poter. Din hija formula bażika li tispjega għala mhux biss poplu jiġġieled kontra ieħor, 'reliġjon' tiġġieled kontra 'oħra', grupp kontra ieħor, imma wkoll għala dawn il-kunflitti jibqgħu minkejja kollox. Tasal f 'punt meta tibda tħoss li qiegħed issir wisq ripetittiv, li dawn il-punti ilek ħafna tikteb dwarhom u l-biża' jkun li n-nies jidrawk u ma jagħtux kas aktar ta' dak li qiegħed tikteb. Imma fl-istess waqt tħoss li għandek tkompli għaliex jekk tieqaf tkun ċedejt l-armi. Joseph Muscat kien ikkwotat jgħid li Malta għadha fil-ħin biex isseħħ l-ugwaljanza u b'hekk id-differenza tal-gruppi ma tissarrafx f 'diskriminazzjoni. Jew ried jgħid f 'mibegħda u vjolenza. Dak li qiegħed jistenna l-Prim Ministru mhuwiex faċli u se jkun impossibbli jekk il-pajjiż ma jibdiex kampanja waħda wara l-oħra li jindirizzaw direttament u b'mod qawwi ħafna kull – u qiegħed nemfasizza l-kelma kull – tip ta' diskriminazzjoni: ibda mid- diżugwaljanza bejn il-klassijiet soċjali sad-diżugwaljanza tal-ġilda. U, terġa', il-pajjiż irid jindirizza sew il-problema kbira ta' sfruttament ta' kull tip li sseħħ il-ħin kollu, li, ovvjament, dejjem se tweġġa' lil dawk il-gruppi l-aktar vulnerabbli tas-soċjetà. L-isfruttament huwa dnub kbir ieħor tas-soċjetà tagħna li jimxi id f 'id mad- diżugwaljanza u l-iżbilanċi serji bejn sezzjonijiet differenti. illum | Il-Ħadd 03 t'April 2016 Opinjoni 18 Diżugwaljanzi IMMANUEL MIFSUD "Taqra r-rapport tad-diskors tal- Prim Ministru fuq portal u tieħu ftit tan-nifs, imma mbagħad tibda taqra l-kummenti tan-nies taħt ir- rapport, u terġa' tistenbaħ minn ħolma qasira" "Muscat irrikonoxxa li s-soċjetà tagħna hija waħda razzista u li qiegħda toħloq ambjent ta' ghettos li fihom taqfel lil dawk in-nies li ċ-ċirkustanzi wassluhom hawn" L-isfruttament huwa dnub kbir ieħor tas-soċjetà tagħna li jimxi id f 'id mad-diżugwaljanza u l-iżbilanċi serji bejn sezzjonijiet differenti

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 3 April 2016