Illum previous editions

ILLUM 3 April 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/661114

Contents of this Issue

Navigation

Page 22 of 35

META naqilgħu xi ċitazzjoni, ħadd minna ma jieħu pjaċir, u rari jiġuna ħsibijiet ta' ringrazzjament għall-gwardjani lokali u pulizija tat-traffiku. Dawn in-nies li għandhom dawn ix-xogħlijiet, żgur ma jistawx jgħidu li huma fost l-iktar nies maħbubin, u jiddispjaċini għalihom. Għalkemm rari nammetti, f 'ħafna sitwazzjonijiet, allaħares ma jkunux huma. Kultant l-idea ta' anarkija tidher attraenti, però kieku kulħadd jagħmel li jrid, ikun ifisser diżastru u sfreġju fit-toroq. Irrid nammetti wkoll li hija okkażjoni rari li naqla' ċitazzjoni, u naċċetta t-tort mill-ewwel u naħseb bħali, hawn il-maġġoranza tas- sewwieqa. Nista' nammetti wkoll li nofs id-drabi li qlajt ċitazzjoni, kelli tort. Però ejja ninsew dawk l-okkażjonijiet, u nħarsu lejn dawk is-sitwazzjonijiet fejn is-sewwieq ma jkollux tort. Dawn is-sitwazzjonijiet jistgħu jinqasmu għal darb'oħra fi tnejn. Hemm dawk fejn il-kontroversja tkun dubjuża u b'xi mod tifhem għaliex ħarġet iċ- ċitazzjoni. F'dak il-każ, wieħed jista' jappella din iċ-ċitazzjoni u jekk ikun kapaċi jispjega l-każ ċar, u l-maġistrat ikun burdata tajba, forsi joħroġ liberat. F'dawk is-sitwazzjonijiet, għalkemm tkun frustrat li tlift xi sagħtejn mill-ġurnata u kellek toqgħod tilbes ġlekk u ingravata, ma tagħtix tort lil dak li waħħalhielek għax kien qiegħed jagħmel xogħlu. Mill-banda l-oħra, hemm dawk is-sitwazzjonijiet fejn dak li joħroġ iċ-ċitazzjoni, ikun jaf mija fil-mija li m'għandux raġun u inti għandek kollox skont il-liġi, però jiddeċiedi li jwaħħallek xi waħda xorta. Għaliex xi ħadd jagħmel dan l-aġir, għadni ma nistax nifhem. Forsi jkollhom xi tip ta' rabja lejn id-dinja jew ikunu jridu juru lill-prinċipal tagħhom li kienu qegħdin ix-xogħol u mhux sieq fuq sieq? Però hi x'inhi r-raġuni, bħal dik iċ-ċerva li kienet qed tirgħa ma' sħabha u spiċċat attakkata minn iljun, int tispiċċa vitma, u bħaċ-ċuċ ikollok tħallas multa li ma taħti xejn għaliha jew titla' għat-tribunal bil-possibbiltà li jkollok tħallas xorta. Din is-sitwazzjoni, kif tistgħu timmaġinaw, ġratli xi ftit drabi fit-tmintax-il sena li ili nsuq, u kien propju każ bħal dan li ġrali l-ġimgħa l-oħra li spirani nikteb l-artiklu llum. Il-każ ġara fit-22 ta' Marzu meta kelli bżonn nipparkja ġewwa l-Furjana. Irnexxieli nsib parkeġġ li kellu limitu ta' sagħtejn u nofs, u s-sewwieq irid iħalli arloġġ biex jindika l-ħin li fih ipparkja. Il-ħin kien madwar is-sagħtejn neqsin għaxra ta' wara nofsinhar. Peress li kull linja tal-arloġġ tal-karti li jkun mal- 'windscreen' tirrapreżenta nofs siegħa, dawwartu kemm jista' jkun x'imkien bejn is-siegħa u nofs, u s-sagħtejn. Madwar siegħa wara, erġajt għaddejt fejn il-karozza u sibt ċitazzjoni bil-ħin indikat bħala 13:53. Il-kontravenzjoni imniżżla fuq din il-karta kienet li l-ħin kien ħażin. Voldieri dan il-gwardjan, waħħal ċitazzjoni litteralment ftit minuti wara li tlaqt jien. Erġajt ħarist kemm- il darba lejn l-arloġġ biex forsi nifhem x'kien hemm ħażin. Staqsejt żewġ kollegi kif jinterpretaw il-ħin fuq l-arloġġ u t-tnejn qaluli li huwa s-sagħtejn neqsin kwart. Minkejja dan, kien se jkolli nitla' għat-tribunal jew inħallas €23. L-unika tama li għandi biex forsi nirbaħ il-każ fit-tribunal huwa jekk il-gwardjan ħa ritratt tal-arloġġ u forsi jipprova jilluminana x'ra ħażin fih. Kien hemm darba oħra meta kont sibt gwardjan jikteb ċitazzjoni u staqsejtu x'kien qiegħed jagħmel. Hu qalli li ma kellix arloġġ. Meta wrejtu l-arloġġ li kien jidher ċar kristal, qalli li ma kienx rah u mnalla ma kienx laħaq kiteb iċ- ċitazzjoni, għax kien ikolli nitla' t-tribunal. Ngħid jien, possibli la darba jkunu kitbu ċitazzjoni ma jistgħux iħassruha? Ma jistgħux jitilgħu huma t-tribunal u jammettu quddiem il- maġistrat li kitbu ċitazzjoni bi żball? Sitwazzjoni pjuttost agħar minn hekk ġrat xi snin ilu fi triq ġewwa Paceville. Din it-triq għandha tabella li tindika li vetturi ma jistgħux jgħaddu fil-ħinijiet ta' billejl fit-tmiem il-ġimgħa, btajjel pubbliċi u lejliethom. Inzertajt kont għaddej minn hemm matul il-ġimgħa meta nara pulizija tat-traffiku quddiemi jgħidli li mhux suppost għaddejt. Jiena spjegajtlu li t-triq ma kinitx magħluqa matul il-ġimgħa. Hu rrispondieni li dik il- ġimgħa stess kienu għadhom kif biddlu t-tabella u issa t-triq kienet qiegħda tkun magħluqa kull filgħaxija. Dak il-ħin, ġejt f 'dubju u aċċetajt it-tort. Indunajt li warajja kien hemm serbut karozzi u dawn kollha bdew jeħluha wieħed wieħed waqt li jippruvaw ifiehmu lil dan l-uffiċjal. Il-Pulizija lanqas biss prova jwaqqaf il-karozzi qabel ma jaqbżu t-tabella jew jerġa' jmur jikkonferma jekk li qegħdin jgħidu huwiex veru. Ġara li jumejn wara kont għaddej minn hemm bil-mixi, u nara li t-tabella ma kinitx imbidlet u l-istorja li qal il-pulizija li kienu biddlu t-tabella ma kienet veru xejn. Ħadt ritratt tat-tabella u stampajtu fuq karta kbira. Meta tlajt it- tribunal, fil-Kunsill Lokali ta' San Ġwann, nara madwar ħmistax-il persuna kollha jilmentaw fuq l-istess ħaġa, u l-ħinijiet taċ-ċitazzjonijiet kien biss minuti 'l bogħod minn xulxin. Iddeċidejt li nsellef ir-ritratt lil kull persuna li kien hemm, u kollha ħriġna liberati. Però f 'każ bħal dan, li nkun liberat mhux biżżejjed għalija. Dan l-uffiċjal kien iddeċieda li jiffabbrika storja li nbidlet tabella, jinjora l-ilmenti tan-nies u jaħlilhom nofstanhar xogħol, u dan ma jeħel xejn? Dan ma kienx żball, imma azzjoni ripetuta intenzjonata li tħarrek għexieren ta' nies innoċenti. Minn fejn daħħal f 'rasu li kienet inbidlet it- tabella, meta l-Kunsill kien infurmana li qatt ma nbidlet, ma nafx. Dawn in-nies kellhom jiġu kkumpensati u dan l-uffiċjal kellu jiġi mħarrek u anke ssospendut. F'każ ieħor diversi snin ilu, triq li kella tabelli li ma tistax tidħol kienet infetħet temporanjament. Meta dħalt minn din it-triq, sibt pulizija tat-traffiku mistoħbi wara karozza pparkajata, u bla kliem beda jħarbex fuq biċċa karta. Meta għidtlu li t-tabella kienet tneħħiet, qalli li ma kienx veru. Stedintu biex immorru flimkien, peró rrifjuta jimxi madwar għoxrin metru biex jivverifika. Tani ċitazzjoni u ġegħelni nerġa' noħroġ b'lura. Meta wasalt fil bidu tat-triq, erġajt ikkonfermajt li ma kienx hemm tabella. Wara ħafna tpaqpiq u teptip ta' dawl, qtajt qalbi li l-pulizija kien se jiġi, u ddeċidejt li ndur id-dawra u nerġa' nkellmu. Sakemm wasalt, il-pulizija kien telaq u ovvjament kien għadda min fejn kien hemm l-arblu mingħajr tabella. Xorta waħda kelli nitla l-Qorti u nġib miegħi karta mill-Kunsill li tgħid li dak iż-żmien, it-tabella kienet maqluha. Każijiet bħal dawn jitfgħu dell ikrah fuq il-maġġoranza ta' gwardjani u pulizija li jagħmlu xogħolhom sew, filwaqt li jkomplu jżidu mal- frustrazzjoni li jkun hawn fit-toroq. Però, is-sistema hija kompliċi għaliex tħalli nies bħal dawn iwettqu dawn l-abbużi mingħajr riperkussjonijiet. Il-Ħadd 03 t'April 2016 | illum Vetturi 23 Ingranat Andrew Pisani Illum jew għada se taqlagħha

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 3 April 2016