Illum previous editions

ILLUM 3 April 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/661114

Contents of this Issue

Navigation

Page 30 of 35

Il-Ħadd 03 t'April 2016 | illum Sports 31 Josann Attard Pulis fil-quċċata tal-atletika f 'Malta JEKK hemm atleta li bħalissa tinsab fil-quċċata tal-atletika f 'Malta, m'hemmx dubju li din mhi ħadd ħlief Josann Attard Pulis. Dan hekk kif wara li kklassifikat bħala l-ewwel mara Maltija fil- Maratona ta' Malta fit-28 ta' Frar li għadda, fl-24 ta' Marzu li għadda, Ħamis ix-Xirka, rebħet ukoll il-maratona ta' Ferrara fl-Italja, li kienet ħadet sehem fiha bla ħsieb, b'ħin ta' sagħtejn 52 minuti u 49 sekonda, bi tnaqqis ta' tliet minuti mill-Maratona ta' Malta 2016. F'din it- tellieqa, kien hemm atleti b'ħinijiet aħjar minnha bħall-atleta mill-Kroazja li rebħet il-maratona ta Malta 2016, iżda li rtirat fit-30 kilometru tat- tellieqa. F'dawn iż-żewġ kompetizzjonijiet, Josann, kienet mgħejjuna minn Garmin Malta, mill-kowċ Mark Farrugia fost kowċis oħra u atleti tal-klabb Starmax, familjari u ħbieb. Biex ikollu stampa aħjar ta' x'għaddiet minnu Josann Attard Pulis f 'dawn iż- żewġ kompetizzjonijiet ferm importanti li hi ħadet sehem fihom, u anki l-preparazzjonijiet ta' qabel li dawn kienu jinvolvu, din il-gazzetta għamlet kuntatt ma' Josann Attard Pulis innifisha fejn tatna dawn il- kummenti ferm fid-dettall, "Is-sajf li għadda kien differenti minn oħrajn, għax fih għamilt maratona f 'Pieceno l-Italja. Inħossni li ma kontx ippreparata sew għalkemm ikklassifikajt fit-tieni post. Kien temp kiefer li pjuttost fixkilni. Bqajt insofri l-konsegwenzi sal-aħħar ta' Novembru. Ma stajtx nirkupra, u f 'nofs Ottubru kelli nieqaf għal kollox. Meta t-temp beda jitjieb, bdejt nirkupra u kont ferħana li erġajt bdejt nitħarreġ. Din l-esperjenza saħħitni ħafna mentalment u għenitni nibda niffoka waqt il-kompetizzjonijiet. Bdejt immur tajjeb anki fid-distanzi ftit iqsar għalkemm ma kontx inkun mistrieħa. Mhux l-ewwel darba li kelli xi trakka nhar ta' Sibt u tellieqa fit-triq il-Ħadd. Irnexxieli nagħmel rekord tar-rotta tal-10 kilometri ta' De La Salle u ieħor fil-ħames kilometri tat-tellieqa tal-Università. Din tal-aħħar qatt ma kont għamiltha u hi rotta sabiħa għaliex hija possibli li tingħalaq kompletament għall-karozzi. Irnexxieli nagħmel ħin tajjeb wara li ddeċidejna li naqbżu tellieqa tat-3km fit-trakka wara li ġejt rrifjutata milli nikkompeti ma' atleti rġiel li huma tal-livell tiegħi, wara li tarli n-numbru li kont liebsa u ddeċidejt li nieqaf niġbru u wara li kelli nnaqqas il-veloċità wara li lħaqt xi atleti oħra li kienu xi dawra warajja peress li t-tellieqa kienet tgħaddi mill-istess triq. Ġimgħa wara dan kollu kien imiss il-maratona ta' Ferrara, tliet ġimgħat biss wara l-maratona ta' Malta. Fil-maratona ta' Malta, għalkemm kont kuntenta bir-riżultat, kont diżappuntata li kien se jkun ir-riħ u bżajt li seta' jiġrili bħal maratona ta' Malta tas-sena ta' qabel. L-unika soluzzjoni kienet li ma nħallix ir-riħ jitlifli l-konċentrazzjoni. Xorta rnexxieli nagħmel l-inqas ħin tal-atleti femminili Maltin f 'kemm ilha ssir. Ikklassifikajt fit-tieni post femminili u l-ewwel Maltija. Kont ippreparata sew u peressli kont naf li l-maratona ta' Ferrara kienet viċin qgħadt attenta li ma nagħtix iktar milli ppjanajt. Qaluli li jista' jkun li ma nilħaqx nirkupra, imma malajr sibt ruħi fil-pjazza ta' Ferrara biex nibda. Kont kalma u bħal dejjem moħħi ma bediex jirrealizza li kont se nibda maratona oħra. L-għan tiegħi kien wieħed li nagħmel ħin ta' sagħtejn u 52 minuta. Ftit qabel tlaqna rajt lill- atleta Kroata li wara skoprejt li għandha t-tieni l-iktar ħin veloċi fid- dinja fil-100 kilometru. Din hi l-istess atleta li rebħet il-maratona ta' Malta. Fil-bidu, il-preżentatur beda jsemmi xi atleti. Għandi dubju jekk bediex jgħid fejn hi l-atleta 33 li kien in-numru li kont liebsa jien. Jien ftit naf Taljan allura ma bdejtx nifhem kollox. Kif rajt lil oħrajn jiġru, bdejt niġri u kont mingħalija li kont it-tielet mara. Kien naqra diffiċli nara f 'liema pożizzjoni kont għax l-atleti tan-nofs maratona bdew magħna. Mal-10 kilometri rajt xi ftit atleti jnaqqsu u ftit iżidu imma jien bqajt l-istess. Kien hawn li qbiżt atleta femminili u kont fit-tieni post. F'ħin minnhom bdejt nara lill-atleta Kroata u bdejt insib ruħi iktar viċin tagħha. Kont għamilt xi 30 kilometru u kien fadal biss 12-il kilometru. Kif wasalt ħdejha rajtha tieqaf ħdejja. Dak il-ħin beda għaddej minn moħħi li din atleta bħali li ppreparat, kellha tivjaġġa u kienet diżappuntata li waqfet. B'hekk qbadtilha jdejha u ppruvajt ninkoraġġiha - għidtilha biex tkompli u hi qaltli le. Ġie uffiċjal bir-rota ħdejja u jien għidtlu biex imur għaliha u għidtilha tkompli imma hu qalli le għax ma tistax tkompli. Dan il-persuna baqa' miegħi sal-aħħar. Beda jgħid ħafna drabi li kont l-ewwel mara. F'ħin minnhom bdejt nisimgħu jgħid li t-tieni kienet 'il bogħod u li kienet xi tliet minuti warajja. Jien bqajt iffukata u komplejt niġri b'pass komdu. Bdejt nibża' nżid il-pass għax ridt inħalli ftit saħħa għal li jista' jkun ikun hemm xi ħadd viċin. Ftit qabel spiċċajt kien hemm ħafna nies u dħalt b'kemm kelli saħħa. L-attenzjoni daret fuqi, ġew bil-kameras u jintervistawni. Imlewni b'ħafna affarijiet. Għamilt ħin ta' sagħtejn 52 minuta u 49 sekonda. Dan kien l-aħjar ħin li għamilt s'issa. It-temp inzerta tajjeb u r-rota kienet mhux ħażin għax ċatta, bla nżul u b'telgħa waħda qasira. Kellha ftit dawriet fin-nofs u fl-40 kilometru fejn tlift ftit il-pass. Ir-raġel tiegħi li kien fl-aħħar tat-tellieqa qalli li fl-aħħar, il-ħin kollu bdew isemmu lili flimkien mal-ħinijiet li kont għamilt fil-passat. Il-ġurnalist u l-preżentatur kien l-istess persuna li kien fil-maratona tal-Unesco li għamilt is-sena l-oħra fejn ġejt fit-tielet post. Jidher li huma flimkien ma' xi kollegi oħra tiegħu huma ffukati fuq sport wieħed u b'hekk jistgħu jagħmlu r-riċerki sew fuq l-atleti. Ftit jiem wara, sibt ħafna siti elettroniċi Taljani li rrapurtaw fuqi. Ninsab sodisfatta bil-ħin li għamilt, l-iktar meta nikkonsidra li jien ftit għandi għajnuna meta niġi mqabbla ma' atleti oħra Maltin u barranin, impjegata full time u mara miżżewġa. L-affarijiet f 'Malta qed jitjiebu imma xorta qed insib xi ostakli. Mill-banda l-oħra għandi ħafna ħbieb u nies oħra li jsegwuni fuq il-paġna ta' facebook tiegħi, 'Run with Josann' li jagħmluli ħafna kuraġġ. Għandi wkoll ftit nies oħra li jifhmu fl-isport u li jemmnu li jien nista' nkompli ntejjeb il-ħinijiet ħafna iktar. Nixtieq nagħmel appell għal ftit iktar deċizjonijiet għaqlin u għajnuna konkreta, mhux tal-isem, fil-qasam sportiv. Minn hawn nixtieq ukoll nagħmel kuraġġ lill-familjari ta' Sara, studenta ta' 20 sena li mietet xi ftit jiem wara li ħadet sehem f 'ġirja mhux kompetitiva ta' 6 km ta' Ferrara u lil familjari ta' Michael Freeman li miet wara li pparteċipa fin- Nofs Maratona ta' Malta," temmet tgħid Josann Attard Pulis. Josann Attard Pulis fi tmiem il-Maratona ta' Ferrara fl-Italja

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 3 April 2016