Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/664432
M a tantx inħallilkom wisq għall- immaġinazzjoni. Għax naħseb naqsam ħsibijieti magħkom iżżejjed mhux biżżejjed. Għallinqas, hekk inħossni x' ħin naqra wħud mill- kummenti. B'danakollu, dak ikun karattru u min jitwieled kwadru ma jmutx tond, u hekk beħsiebni nibqa'. Għalkemm nidher pjuttost tonda, għax niekol wisq ħobż biż-żejt u t-tadam, iddeċidejt li nibqa' kwadru. U għax jien kwadru, ridt naqsam dal- ħsieb magħkom. Mela tal-Panama għadha għaddejja. Mhux talli għadha għaddejja, talli kompliet għaqdet. Id- dinja kollha xegħlet bl- iskandlu, u Malta komplejna laqqatnieha. M'għandniex xi ngħidu, kienu ħafna li stennew li min mill-Gvern tagħna kien involut, idabbar rasu, jew idabbrulu rasu, ħalli l-Gvern, ipparalizzat mill-aħbar u l-effett tagħha, jkun jista' jfarfar il-karkur u kif għamel wara skandli oħra, iqum, jimxi u jkompli jiggverna. Sfortunatament għall-pajjiz u għall-Gvern, ma ġara xejn minn dan. Agħar minn hekk, rajna Konferenza Ġenerali Laburista li tfakkarna fit- Teatru tal-Assurd, u xejn inqas. Grupp ta' delegati miftiehmin qabdu jċapċpu, u l-oħrajn wieħed wara l-ieħor qabdu jċapċpu wkoll biex ma jkunux huma biss li jibqgħu ma jċapċpux, u b'hekk jitbiegħdu mill-merħla, bil- konsegwenzi kollha ta' meta tinqata' min-nagħaġ l-oħra. Ir-rgħajja x'ħin raw hekk, qabdu jċapċpu wkoll u flok mexxew in-nagħaġ, in-nagħaġ mexxew lilhom, b'Bendu nnifsu jqum bil-wieqfa u jipprova jiġri wara n-nagħaġ. Tant ċapċpu, li mbagħad inqalgħet problema oħra: min kien se jkun il-bravu li jieqaf iċapċap l-ewwel? Qanpiena bħal ta' Stalin qatt m'akkordajna għax ħsibna li mhux se nerġgħu naslu s'hemm, allura baqgħu jċapċpu sakemm hadu l-ordni biex jieqfu. Min ma jafx kif jiġu orkestrati dawn l-affarijiet, kien sorpriż u diżappuntat. Min hu midħla, radd is-salib bis-sew jew bil-maqlub skont il-ġibda, ittewweb tnejn u telaq jorqod. Fuq in-naħa l-oħra tal- qawsalla, in-naħa tal-iżraq, għajjenin mill-qtugħ ta' laħam tat-teatrin quddiem il-Qorti, komplew tgerfxu. Il-protesta kienet issejħet. Il- vot ta' sfiduċja tressaq. Kien jonqos xi ħaġa tal- moda biss: online poll, u varawh ukoll. Għalkemm kien ikun aktar effettiv, li kieku riedu jkunu effettivi, li jiġbru l-firem wiċċ imb wiċċ ħalli la jħobbu n-nies daqshekk, ikunu jafu li n-nies jafu x'qed jiġri u x'qed jiffirmaw. Fl-aħħar mill-aħħar, ma nistgħux ngħidu li mhumiex jippruvaw jopponu. Allaħares nispiċċaw b'Oppożizzjoni brodu, saħħa għandna Gvern kawlata. M'għandniex xi ngħidu. Hemm il-kwistjoni tal- protesta. Immorru, ma mmorrux, immorru, ma mmorrux. Qisna qed nilagħabu l-oxo. L-Alternattiva malajr qatgħuha. Ma jmorrux, għax għalkemm protesta Nazzjonali, qed jorganizzawha l-PN li għadhom qed ifarfru t-trab wara telfa mġarrba għall-istess raġuni li għaliha u kontriha issa qed jipprotestaw. Jien bħad-darba l-oħra naħsibha mod iehor. L-interess ta' Malta (u tal- Gvern Laburista) bħalissa jitlob li kull min għandu l-ħila jsemma' leħnu biex il-Prim jisma', inaddaf il-Gvern u jsalva ġildu u r-reputazzjoni tal-pajjiż, għandu jagħmel dan bla tlaqliq, għax jekk il-protesta tkun dgħajfa, ma tkunx ħlief messaġġ lill-Gvern li jista' jgħaddi minn fuqna bir-romblu u jċaqlaq il-lasti kif irid u kemm irid, fejn tidħol livell ta' onestà fil- governanza. Biex tifhmuni, immaġinaw li tkunu mexjin Strada Rjali, u f 'salt wieħed mara quddiemkom tiqfilha qalbha u tinxteħet għal mejta. Minn x'imkien jitfaċċa tabib, jismu Pinu, li tafuh imma tafu wkoll li x'imkien waqt il- karriera tiegħu kien żbalja u ġie kkastigat. X'tagħmlu? Tinkoraġġuh biex jikkura l-pazjenta u tgħinuh, jew tibagħtuh jixxejjer u tgħaffġu waħedkom, anke jekk tafu bil-gravità tal-kundizzjoni tal-mara li nsejt ngħidilkom kien jisimha Melita? Naħseb fhimtuni x'qed nipprova ngħidilkom. Mhuwhiex il-mument li nħallu l-partiġġjaniżmu jxekkilna milli nżommu lil Malta u l-Maltin l-ewwel. Ħsara nazzjonali jbati minnha n-Nazzjon kollu, mhux nofsu, allura daqstant ieħor għandu jipprotesta n-nazzjon kollu, mhux nofsu. Żommu f 'moħħkom li aħna qed nipprotestaw għal xi ħaġa li naqblu li jridha kulħadd: tmexxija nadifa ta' min jorbot fuqha. Qed ngħid hekk għax dik li ngħidu kontra xi ħaġa, nistħajjilna qed nitkellmu fuq xi partita futbol. Ir-reds kontra l-blues jew viċi versa. Inkella jekk ma tridux tafu u tixtiequ tibqgħu tgħidu li tridu tipprotestaw kontra xi ħaġa, immaġinaw li qed nitfanstu kontra l-auto goals tal-blue u r-red, għax it-tnejn faqgħu l-lasti bihom u l-partitarji tat-tnejn ma jriduhomx. Mela ħallikom mill-I love you, I love you not, ta' meta konna nnittfu ll-lelluxa meta konna tfal, u ingħaqdu miegħi. Tinkwetawx għax jgħidulkom pinnuri, anzi minn jgħidilkom hekk, għidulu li kieku ma kienx għall-pinnur li jagħti d-direzzjoni vera l-ħin kollu, ara kemm inkaljaw iżjed bastimenti. illum | Il-Ħadd 10 t'April 2016 Opinjoni 16 MARLENE FARRUGIA Tafu sew kif naħsibha "Ħafna stennew li min mill- Gvern tagħna kien involut, idabbar rasu jew idabbrulu rasu, ħalli l-Gvern iqum, jimxi u jkompli jiggverna" "Kull min għandu l-ħila jsemma' leħnu biex il- Prim jisma', inaddaf il-Gvern u jsalva ġildu u r-reputazzjoni tal-pajjiż, għandu jagħmel dan bla tlaqliq"