Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/664432
illum | Il-Ħadd 10 t'April 2016 Opinjoni 18 L-ebda alibi B osta kienu l-elementi li ndikaw li wara l-kxif tal-arranġamenti finanzjarji ta' Konrad Mizzi u Keith Schembri fil-Panama u n-New Zealand kien hemm l-International Consortium of Investigative Journalists. Dan hu l-istess konsorzju li kien kixef il-Luxleaks, l-arranġamenti li l-Lussemburgu kellha mal- multinazzjonali sabiex iħallsu anqas taxxi u l-Lista Falciani tal- klijenti tal-HSBC f 'Ginevra. Il-fatt li t-tifel tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia jaħdem ma' dan il- konsorzju, kien element minnhom; ieħor kienu l-mistoqsijiet li l-ġurnalisti tal-Malta Independent bdew isaqsu. Il-Malta Independent saret parti minn dan il-konsorzju u kien ċar li kellha informazzjoni kunfidenzjali meta bdiet issaqsi jekk Keith Schembri kellux trusts u kumpaniji sigrieti. Li ħadd żgur ma ppreveda kien li l-kontroversja lokali qamet minħabba li b'xi mod li s'issa għadu mhux magħruf, ir-records ta' 200,000 klijent tad-ditta ta' avukati Panamiżi Mossack Fonseca matul dawn l-aħħar erbgħin sena spiċċaw f 'idejn il-ġurnal Ġermaniż Suddeutsche Zeitung, li min-naħa tagħha għaddiethom lill-konsorzju. B'kollox, 2.6 terabytes u xi 11.5 miljun paġna ta' informazzjoni. B'hekk inkixfu l-għawar mhux biss ta' Mizzi u Schembri jew ukoll ta' bosta kumpaniji u individwi Maltin oħra, imma ta' nies prominenti bħall-president Putin li ntqal li ddispona minn fortuna ta' żewġ biljun dollaru, bosta persuni qrib il-politburo tal-partit Komunista Ċiniż, fond imwaqqaf minn missier David Cameron u nies ferm qrib ta' Marine Le Pen u missierha, Dominique Strauss Kahn. Mossack Fonseca hija kumpaniji ta' avukati ffurmata fl-1986 minn Jurgen Mossack u Ramon Fonseca fl-1986. Mossack huwa bin uffiċjal tal-SS li ħa l-familja l-Amerika Latina wara l-gwerra u offra li jispjuna għas-C.I.A. f 'Kuba. Fonseca, barra li hu avukat, huwa kittieb tar-rumanzi u mdaħħal fil-politika tal-pajjiż tant li hu ferm qrib il-president attwali tal-Panama. Fl-istrutturi li waqqfu, Mossack Fonseca għamlu użu estensiv ta' 'bearer shares' li jagħtu lil min għandu f 'idejh iċ- ċertifikat tal-azzjonijiet kontroll fuq il-kumpanija mingħajr il-ħtieġa li jikxef ismu. L-użu ta' 'bearer shares' huwa projbit f 'bosta pajjiżi inkluż tagħna. MossackFonseca waqqfu ħafna kumpaniji ta' dan it-tip fil-British Virgin Islands fejn illum hemm reġistrati 40% tal- kumpaniji offshore tad-dinja. Meta fl-2005, il-B.V.I. bdew jillimitaw l-użu ta' 'bearer shares' u Mossack Fonseca bdew iwaqqfu dawn il- kumpaniji l-Panama stess. L-attività ta' din id-ditta ta' avukati għenet lil bosta nies madwar id-dinja jaħbu l-ġid tagħhom. Sirna nafu b'dittaturi u qraba u ħbieb tagħhom li permezz tal-kumpaniji li waqqfu, għandhom proprjetà prestiġjuża Londra. Sirna nafu kif Mossack Fonseca anke għenu sabiex kriminali jżommu l-flus li serqu, kif pitturi misruqa min-Nażisti tpoġġew fuq is-suq a skapitu tal-propjetarji leġittimi tagħhom u kif dawn l-istrutturi ntużaw sabiex jiġi evitat il-ħlas tat-taxxi. Il-Prim Ministru Ingliż David Cameron ġie ferm ikkritikat li ma rrikonoxxiex mill-ewwel li bbenefika mill-fond ta' investiment imwaqqaf minn missieru, Ian li kien stockbroker kien waqqaf, Blairmore Holdings. Wara li ċaħad kemm-il darba li hu kellu ishma f 'dan il-fond, nhar il-Ħamis ammetta li fl-2010 kien biegħ £31,500 ishma li oriġinarjament swewlu £19,000. Missier Cameron kien waqqaf dan il-fond sabiex jiġġestixxi l-miljuni tas-sinjuri. Oriġinarjament kien ibbażat il- Baħamas imma llum huwa bbażat l-Irlanda għax jaqbel li jkun f 'ġurisdizzjoni tal-UE. Ħareġ li fi tletin sena qatt ma ħallas sold taxxa fir-Renju Unit. Il-Financial Times kabbret il-problemi ta' Cameron meta kixfet ittra li bagħat lil Van Rompuy, dak iż-żmien president tal-Kunsill Ewropew, kontra l-proposta li jinħoloq Reġistru Ċentrali li juri l-propjetarji ta' offshore trusts. Kif semma Alfred Sant, dawn ir-rivelazzjonijiet se jkomplu jżidu l-pressjoni fuq is-settur finanzjarju ta' bosta ġuriżdizzjonijiet inkluż dik Maltija li minnha qed jgħixu ħafna nies. Il-Kummissarju għall- Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, l-eks-Ministru tal-finanzi Franċiż, Pierre Moscovici dlonk ħabbar sforzi ġodda sabiex tiġi miġġielda l-evażjoni tat-taxxa. Qal li l-Kummissjoni ilha tipprova minn Novembru 2014 sabiex issaħħaħ ir-regoli tat-taxxi fl-Unjoni u ttama li l-kxif tal-karti tal-Panama jixpruna l-pajjiżi sabiex jaġixxu. Bosta pajjiżi, fosthom l-Ingilterra, Malta u l-Irlanda ma jridux iċedu s-sovranità tagħhom fuq materji ta' taxxa favur Brussell. Imma bħalma ġara wara l-kxif ta' Luxleaks, l-id tal-Kummissjoni qiegħda tissaħħaħ b'dak li qed joħroġ. U anke l-Parlament Ewropew qed jiċċaqlaq: Burkard Balz, membru influwenti fuq il-kumitat speċjali dwar rulings tat-taxxa stqarr li huwa intollerabbli li ditti ta' avukati u pajjiżi sħaħ jużaw mudell tan-negozju l-għixien a skapitu ta' pajjiżi oħra. Mhux ta' b'xejn hawn ħafna fostna inkwetati kif il-Prim Ministru stess irrikonoxxa fil- Parlament. Laqatni artiklu tal-politologu taljan Piero Ignazi fil-ħarġa ta' nhar it-Tlieta ta' la Repubblica. Bdieh hekk l-artiklu tiegħu, "Hawn fl-Ewropa irvell ġdid tal-masses: irvell kontra l-poliċi, il-partiti u l-politika. Din l-iskuntentezza mhix titwieled mix-xejn. Qed tieħu n-nifs minn żewgt ibjar (suwed): id-distakk bejn il-politiċi u n-nies komuni, u t-tixrid tal-klijentaliżmu u l-kultura tal-abbuż tan-negozju li tispiċċa f 'korruzzjoni vera u propja." U kompla jitkellem dwar ir-riżenja tal-ministru tal-iżvilupp ekonomiku Federica Guidi minħabba l-interess żejjed li ħadet fl-interessi ekonomiċi ta' seħibha. Ignazi kkonkluda l-artiklu tiegħu hekk: "Is-sensazzjoni li l-politiċi jużaw il-poter tagħhom għall-interessi partikulari u privati tagħhom hija mifruxa sew. F'għajnejn l-opinjoni pubblika, id-distanza bejn l-użu inkawt tal-prerogattivi pubbliċi u l-vjolazzjonijiet ċari tar-regoli dejjem tonqos sakemm tisparixxi għal kollox. Is-sentiment kontra l-politika jitwieled propju minn din ir-responsabilità mċajpra. Ċpar prodott minn snin twal ta' politika ta' klijentaliżmu, kultura ta' abbuż tan-negozju u korruzzjoni. Il-fatt illi l-gvern (taljan) ma għoġbux jindirizza din il-problema, kif anki Roberto Saviano fakkar, idgħajjef il-fiduċja taċ-ċittadini u jirrendihom disponibbli għall- protesta." Kumbinazzjoni fl-istess paġna ta' Repubblica deher artiklu ta' l-ex editur tagħha, Enzi Mauro dwar il-kriżi tas-soċjaldemokrazija ewropea. Mauro ċċita mill- "Economist" u qal illi fil-bidu ta' dan is-seklu, kont tivvjaġġa minn Inverness fl-Iskozja sa Vilnius fil-Litwanja mingħajr ma tgħaddi minn pajjiż wieħed immexxi mil- lemin. Illum is-sitwazzjoni nbidlet sew : fejn qabel is-soċjalisti kienu jmexxu l-Kummissjoni Ewropea u kellhom rwol pre-eminenti fil- Parlament ta' Strasbourg, illum il- kunsens naqas għal terz, ibatu fejn rebħu elezzjoni bħal fi Franza, qed jirriskjaw fl-Italja, u huma junior partner fil-gvernijiet tal-Ġermanja u l-Olanda. Mauro jkompli jgħid illi l-lemin tradizzjonali ukoll għaddej minn kriżi parallella u simettrika, mikula ħajja mir- radikaliżmu xenofobu illi jimraħ fuq il-biżgħat taċ-ċittadini. Qed jikbru biss il-populiżmi opposti fuq il-lemin u x-xellug u l-"partit tas-sufan" fejn ipoġġu d-delużi illi jirrifjutaw illi jipparteċipaw fil- ħajja politika u jivvutaw. Mauro għandu raġun. Qed nassistu fl-Ewropa għall-elezzjoni wara oħra fejn il-poplu jipparteċipa anqas u fejn il-partiti tradizzjonali tal-lemin u tax-xellug inaqqsu mill-appoġġ tagħhom. Qed naraw kif fi Spanja hu kważi mpossibli jiġi ffurmat gvern u l-istess fl-Irlanda. Qed naraw ukoll is-suċċess ta' movimenti bħal Cinque Stelle illi qajla tista' tpoġġihom f 'keffa ideoloġika. F'pajjiżna d-djalettika politika għadha ddominata bir-rivalità bejn iż-żewġ partiti l-kbar li jalternaw fil-poter. Imma dan ma jfissierx li anke f 'pajjiżna ma tistax tinbet l-antipolitika kif ġara f 'pajjiżi oħra u jitfaċċaw fuq ix-xena movimenti radikali u ta' bixra populista. Dawn huma l-fatturi li l-Prim Ministru għandu jżomm f 'moħħu sabiex jiddeċiedi dak li ilu inevitabbli minn mindu ħarġu fil-beraħ l-arranġamenti insoliti ta' ministru ewlieni u taċ-chief of staff ta' l-istess Prim Ministru. Id-dewmien sabiex tittieħed tali deċiżjoni qed iddgħajjef lill-Prim Ministru politikament kemm hawn Malta kif ukoll barra. Qed tnaqqas il-kredibilità tiegħu illi jkun jista jiddefendi s-settur finanzjarju malti illi fuqu tant tiddependi l-ekonomija. U qed jipparalizza l-ħidma tal-gvern b'effett ċert kemm politikament kif ukoll ekonomikament. Id-deċiżjonijiet inevitabbli iridu jittieħdu mingħajr aktar dewmien u hemm persuna waħda biss illi tista' toħodhom li m'għandu l-ebda alibi jekk ma jittieħdux. JOE ELLIS "Id-deċiżjonijiet inevitabbli jridu jittieħdu mingħajr aktar dewmien u hemm persuna waħda biss li tista' toħodhom li m'għandu l-ebda alibi jekk ma jittieħdux"