Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/664432
J ien nemmen li l-ikbar problema li għandna f 'pajjiżna hi li f 'Simon Busuttil, il-Partit Nazzjonalista għandu mexxej dgħajjef. U mexxej dgħajjef jispiċċa jċedi għall-pressjoni ta' dak li flok li jkun sewwa u ġust, ikun dak li jżommlu postu u ma jitlifx is-siġġu. U b'konsegwenza t'hekk Simon Busuttil spiċċa ostaġġ ta' nies bħal Beppe Fenech Adami u Daphne Caruana Galizia li l-politika tagħhom hi bbażata fuq l-odju, fuq il-firda u fuq it-tgħajjir personali. Ovvjament, f 'sitwazzjonijiet bħal dawn, isibu l-aħjar ambjent il-kwalità ta' nies li rajna jinġabru quddiem il-Qorti din il-ġimgħa jew waqt il-programm Xarabank. Nies li jesprimu ruħhom bl-iktar mod maledukat, li jimbuttaw 'il-ġurnalisti, u li spiċċaw jgħajru bid- diżabbiltà, żagħżugħ attivist li kif għandu kull dritt, mar jesprimi ruħu bl-iktar mod edukat u pulit dwar id-double standards ta' Simon Busuttil. Dan hu l-ambjent li Simon Busuttil, għax hu dgħajjef, ħalla lill-Partit Nazzjonalista jiddeġenera fih. U għax hu dgħajjef, ħallewh ibellgħulu l-idea perikoluża li l-aħjar mod kif jidħol biċ-ċans li jitla' fil-Gvern, hu li jaqla' l-inkwiet fil-pajjiż. Jason Azzopardi jista' jgħajjarna kemm irid hu u ħiereġ mill-Qorti, Daphne tista' tinċita lin-nies kemm trid biex idendluna b'ħabel f 'nofs pjazza, aħna mhux se naqgħu għall-provokazzjoni. Aħna għandna missjoni x'nagħmlu. Dik li nkomplu ntejbu dan il-pajjiż. Ħadt gost din il-ġimgħa fil-Konferenza Ġenerali Annwali nisma' lil sħabi jitkellmu wieħed wara l-ieħor dwar il-ġid kbir li għamilna. Tkabbir ekonomiku rekord ta' 6.3%, għal tliet snin in fila l-aqwa fl-Ewropa. Mhux ta' b'xejn li l-Economist jgħid li Joseph Muscat huwa mudell għal sħabna s-Soċjal- Demokratiċi fl-Ewropa. Ħaddiehor jista' jkompli jfixkel kemm f 'Malta u kemm barra. Aħna se nkomplu naħdmu bl-iktar mod kalm, bl-iktar mod seren u b'enerġija biex inwettqu l-bidla. Wara kollox, ħaddiehor hu l-personifikazzjoni tad-double standards. Jitkaża għax ċittadin privat inizzja proċeduri ta' malafama kontra Membru Parlamentari tal-Oppożizzjoni, meta Simon Busuttil stess bħala Kap tal-MIC kien inizzja proċeduri mhux ta' malafama, imma ta' libell kriminali kontra l-President tal-Partit tal- Oppożizzjoni. Jitkaża bil-boroż tal-miljuni li ma jeżistux, meta l-miljuni qegħdin għand Beppe Fenech Adami, li jrid ibellagħhielna li f '20 sena xogħol, faddal miljun u fil-frattemp bena wkoll palazz bi swimming pool u deck area ta' daqs ikbar mill-pjazza ta' quddiem il-Parlament il-ġdid. Imur jipprotesta kontra l-iżvilupp ta' Università ġdida fuq art ODZ, meta wara ftit qal li f 'ċerti każijiet, l-iżvilupp fuq art ODZ hu aċċettabbli. Irid li jkun kredibbli meta ħa miegħu lil Beppe Fenech Adami li d-deck area ġganteska li għandu żviluppaha fuq art li kienet art verġni. Kif għidt, aħna se nibqgħu naħdmu sal- aħħar b'impenn, enerġija u viżjoni biex naraw lil Malta tkompli tinbidel. K ull moviment għandu jkun wieħed ta' ispirazzjoni ħalli joffri spazju u tama lil min jixtieq jimxi 'l quddiem fil- ħajja billi jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tiegħu, u anki jilħaq l-għanijiet tiegħu diment li dawn jkunu leċti kif xieraq. Iżda fl-istess nifs, hemm bżonn li nkunu wkoll moviment ta' ispirazzjoni li jnissel fiduċja sħiħa fost is-soċjetà ċivili nnifisha, mhux biss billi nżommu magħna dawk li dejjem appoġġjawna, iżda wkoll dawk li setgħu ppruvawna għall-ewwel darba, dawk li resqu lejna għax raw fina żiffa ta' arja friska, dawk li jista' jkun għadhom ma ddeċidewx x'se jagħmlu bil-vot tagħhom fil-ġejjieni, kif ukoll dawk li ġenwinament iridu jibqħu jkunu konvinti li s-saħħa tagħna ġejja mill-fatt li kapaċi nagħmlu aħjar minn ħaddieħor. U mhux li nippruvaw nikkunslaw li ħaddiehor seta' kien u huwa agħar minnha. Naqbel ma' ħafna li jemmnu li l-ideoloġija għamlet żmienha, iżda dan ma jfissirx li jista' jingħad l-istess għall- prinċipji u għall valuri. Mingħajr dawn, inkunu qed nitilfu kull boxxla u kumpass morali li jista' jkollna. Fil-politika, ħadd m'għandu jieħu xejn u lil ħadd 'for granted', għaliex wara kollox, il-poter jiġi misluf lilna u mhux maħtuf minn idejn ħaddieħor. Jien nemmen b'konvinzjoni li speċjalment billi aħna moviment li qatt ma beża' mill-bidliet radikali hekk kif pajjiżna qed jinbidel, daqstant ieħor il- moviment tagħna għandu jkun wieħed li dejjem jinbidel u jiġġedded. Jekk nagħmlu hekk, u mmexxu bil-galbu u bil-għaqal m'għandniex infallu fis- siegħa tal-prova. F'kull mument irridu nkunu onesti magħna nfusna u npoġġu kollox fil- miżien. Filwaqt li fil-politika, kulħadd ikollu l-'għedewwa' tiegħu, ma rridux nispiċċaw vittmi ta' xi mentalità ta' assedju, fejn naħsbu li kull min jikkritikana huwa għadu tagħna. Għaliex b'hekk, inkunu qegħdin biss ningħalqu fina nfusna u nitilfu dak is-sens qawwi ta' inklussività li tant tana saħħa u spinta fi snin mhux daqstant imgħodijja, biex nagħmlu ċerti kisbiet kbar. Fuq quddiem nett, kisbiet elettorali wkoll. Meta nkunu moviment ta' ispirazzjoni, niġbdu demm ġdid lejna u nkomplu nimmotivaw lil min ra fina l-futur u l-ġejjieni li dejjem aspira għalih. Jekk nagħmlu dan, inkunu qed inħaffu wkoll il-proċess biex ix-xogħol siewi li sar u li se jkompli għaddej, ikompli jħalli l-frott tiegħu wkoll. L-umiltà m'għandniex inħarsu lejha bħala sinjal ta' dgħufija, iżda bħala don li għandu jpoġġina 'l fuq minn ħaddieħor. Dan ma jfissirx li rridu nbaxxu rasna għal kull kritika li ssirilna speċjalment minn min jista' jkun għadu għatxan għall-poter u għadu jemmen fil-qalb ta' qalbu li għandu xi don naturali biex ikompli jiggverna. Iżda dan huwa obbligu tagħna speċjalment lejn dawk li waqqfu l-moviment tagħna b'tant sagrifiċċji personali meta li tistqarr fiex temmen, spiss kien iġibu fuqek il- kundanni, u anki d-dnubiet mejta. Tajjeb li niġġieldu għad-drittijiet ċivili akbar u aktar kif qed nagħmlu, nieħu gost nara l-ambjent ippremjat mill- Università ta' Yale, minkejja kull kritika interna li tista' ssirilna, napprezza l-mod kif l-ekonomija tagħna qed tkompli tissaħħaħ kważi bi proporzjonijet Ażjatiċi, iżda rridu qabel kollox naraw li kull għemil, azzjoni, ħidma u inizjattiva tkun xprunata mill-ġustizzja soċjali, id-dinjità u l-għozza għal dawk il-valuri li jagħmluna differenti minn oħrajn li dejjem kellhom alla wieħed – dak tal flus, tal-poter u tas-setgħa. Bħala wieħed li qattajt l-aktar żmien tiegħi fil-politika, fl-Oppożizzjoni naf li l-eħfef ħaġa hija li taqta' qalbek, iżda għall-kuntrarju, wieħed għandu juża dawk l-esperjenzi qarsa u ta' dieqa biex jiżgura li l-ġenerazzjoni żagħżugħa ma tagħddix minnhom. U biex idealment, pajjiżna jibqa' jkollu Gvern progressiv u liberali minn kull aspett. Ħajja mingħajr valuri u prinċipji ma tiswa xejn. Daqstant ieħor ma jiswew xejn dawn il-valuri jekk ma ngħixuhomx u nipprattikawhomx fil-ħajja tagħna ta' kuljum. Darba, kont għidt fuq xandira politika fuq l-istazzjon tal-istess partit tiegħi, li l-fiduċja u l-kredibbiltà huma bħall- verġinità, li jekk jintilfu darba, diffiċli li jerġgħu jinkisbu. Konvint li fil-qalb ta' qalbna u f 'għemilna, ilkoll kemm aħna se nkomplu ngħożżu permezz ta' għemilna dan kollu. Ħalli mhux biss naraw Malta tkompli tinbidel, iżda wkoll ħalli naraw il-moviment tagħna jinbidel u jiġġedded. Kif dejjem għandu jagħmel partit progressiv, liberali u radikali fil-ħsibijiet pożittivi tiegħu favur l-azzjoni konkreta. Il-Ħadd 10 t'April 2016 | illum Opinjoni 19 OWEN BONNICI LEO BRINCAT Bżonn li nkunu ta' ispirazzjoni "L-umiltà mhix sinjal ta' dgħufija, iżda dan huwa obbligu tagħna lejn dawk li waqqfu l-moviment b'tant sagrifiċċji personali" Malta li qed tinbidel "Jason Azzopardi jista' jgħajjarna kemm irid hu u ħiereġ mill-Qorti, Daphne tista' tinċita lin-nies kemm trid biex idendluna b'ħabel f 'nofs pjazza, aħna mhux se naqgħu għall- provokazzjoni"