Illum previous editions

Illum 17 April 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/667657

Contents of this Issue

Navigation

Page 15 of 35

illum | Il-Ħadd 17 t'April 2016 Opinjoni 16 Il-kitba fuq il-ħajt D in il-ġimgħa, Evarist Bartolo akkuża lill- Partit Nazzjonalista li jemmen li għandu d-dritt divin li jiggverna u li jemmen li hu 'l fuq mil-liġi. Ċertament li ħadd m'għandu dritt divin li jiggverna u ċertament ukoll li ħadd mhu 'l fuq mil-liġi. Jispetta lill-istituzzjonijiet tal-pajjiż li jiżguraw li kulħadd, ikun min ikun, jaġixxi skont is-saltna tad-dritt. Ċertament din tista' tkun problema għaliex l-istituzzjonijiet f 'pajjiżna rari juru l-awtonomija li suppost igawdu u jaġixxu mingħajr biża' jew favur kif suppost. Ilna nitkellmu dwar it-tibdil kostituzzjonali li jista' jindirizza dan id-defiċit demokratiku li għandna f 'pajjiżna. Kif ktibt diversi drabi, inħoss li kien tassew sfortunat, sabiex ma nużax kelma aktar qawwija, il- bojkott li l-Oppożizzjoni Laburista tal-epoka għamlet lill-kumitat magħżul tal-kamra dwar it-tisħiħ tad-demokrazija. Dan il-kumitat kien diġà għamel ħafna xogħol utli qabel ma ġiet interrotta l-ħidma tiegħu. Fil-manifest elettorali tiegħu, il- Partit Laburista wiegħed li se jżomm konvenzjoni kostituzzjonali sabiex tniedi t-Tieni Repubblika. Sar ħafna diskors minkejja li qatt ma ntqal kif se tinżamm din il-konvenzjoni imma wara tliet snin, ma sar assolutament xejn. Huwa ċar li l-PL mhuwiex serju dwar ir-riforma kostituzzjonali. Irid jingħad li anke l-Kummissjoni Bonello għamlet proposti ta' natura kostituzzjonali. Għax li hu importanti f 'dan il-kuntest mhumiex l-emendi għall-Kostituzzjoni vera u propja, imma kif jaħdem il-mekkaniżmu tal-istat. Saru proposti kif jintgħażlu u jinħatru l-membri tal-ġudikatura, ir- rwol tal-maġistrat inkwirenti jew alternattivament, il-ħatra ta' direttur tal-prosekuzzjonijiet. Dawn huma kollha materji ta' natura kostituzzjonali irrispettivament jekk dawn jinvolvux tibdil fil- Kostituzzjoni jew le. Wara r-rapport finali tal-Kummissjoni Bonello, il-Gvern wettaq xi proposti imma għad fadal ħafna xi jsir. Wieħed mill-membri tal-Kummissjoni, il- professur Kevin Aquilina qatta' sena jipprepara l-abbozzi tal-leġiżlazzjoni li l-proposti tal-Kummissjoni kienu jeħtieġu. Dawn l-abbozzi baqgħu fuq l-ixkaffa. Meta fl-aħħar, wara kritika intensiva dwar il-ħatriet li kienu saru għall-bank tal-ġudikatura, il-Gvern ħareġ bil-proposti kif għandhom jibdew jinħatru tali membri, tali proposti ma ġewx iġġudikati bħala pożittivi minn bosta. Aquilina ma ddejjaqx juri d-dispjaċir tiegħu u kkritika l-proposti tal-Gvern mingħajr tlaqliq. Anke l-PN ma qabilx, u għaldaqstant dawn il- proposti qajla għandhom ċans li jgħaddu mill-Parlament biż-żewġ terzi meħtieġa. Dan hu tassew ħasra għax wieħed hu konvint li bi ftit sforz seta' jintlaħaq ftehim aċċettabbli għal kulħadd. Imma għal darb'oħra, t-tama li jirrenja l-buon sens u titwettaq riforma ta' ġid, sfumat mar-riħ. It-tieni akkuża ta' Evarist Bartolo hi li l-PN iħoss li għandu d-dritt divin li jiggverna. Anke jekk dan hu minnu, il-PL għandu d-dmir li jiżgura li dan ma jkunx il-każ. Huwa minn awl id-dinja li f 'soċjetà demokratika jkun hemm l-alternanza tal-poter. Tal-anqas hekk jiġri f 'bosta pajjiżi demokratiċi fejn partit jalterna ma' ieħor fit-tmexxija. Imma dan mhux neċessarjament li dejjem hu l-każ. Ħu l-Ġermanja, fejn il- partit soċjaldemokratiku, darba predominanti, ilu akar minn għaxar snin ma jirbaħ l-elezzjonijiet u issa sar junior partner tad-Demokristjani ta' Merkel. Tant illi qed jikkunsidra li lanqas biss joħoġ kandidat għal kanċellier fl-elezzjoni li ġejja. Huwa ta' ġid għall-ħajja demokratika li jkun hemm alternanza ta' poter u bdil ta' persuni u ta' politika. Il-bidla tista' tħalli ħafna ġid u tkompli tixpruna l-progress fil-pajjiż. Din kienet l-aspettattiva ta' ħafna meta l-PL rebaħ l-aħħar elezzjonijiet b'maġġoranza bla preċedent. Kulħadd kien jistenna li l-gvern il-ġdid kien se jibni fuq it-tajjeb tal- gvern preċedenti. Waqt il-kampanja elettorali, l-impressjoni ġenerali li ngħatat kienet li gvern Laburista ġdid kien se jopera ftit jew wisq bħall- gvern preċedenti. L-unika ħaġa li kienet tinbidel kienet l-uċuħ u n-nies kienu se jeħilsu mill-arroganza li bosta kienu jipperċepixxu fil-gvern nazzjonalista. Bħalma fl-elezzjoni tal-2008, Gonzi rebaħ fuq l-għajta li ser jagħmel reshuffle tal-ministri, anke fl-2013, il-maġġorparti tal- elettorat riedet bidla fl-uċuħ filwaqt li riedet il-kontinwità. Wara tliet snin fil-Gvern, wieħed ċertament jista' jagħmel l-ewwel ġudizzji. U dawn il-ġudizzji ma tantx jistgħu jkunu posittivi. Anke qabel ma tfaċċat il-kwistjoni tal-Panama, ix-xettiċiżmu dwar il-ħidma tal-PL fil-gvern kienet żdiedet sew. Niftakar bosta xhur ilu niltaqa' ma' intelletwali xellugi anzjan li l-vuċi tiegħu għadha tinstema' spiss u li fil-passat remot kien ukoll jimmilita fil-PL. L-ewwel ħaġa li qalli kienet ,"X'diżappunt dan il-gvern!" Huwa ċar li l-aspettattivi ta' ħafna ma ntlaħqux, anzi spiss ġew delużi. Storja waħda wara l-oħra bħal tal-Cafè Premier, ta' Gaffarena u oħrajn, ħatriet diskuttibli, impjieg bla rażan fis-settur pubbliku, u konsulenzi spiss bla sens bdew inaqqsu mill-appoġġ wiesa' li l-PL kien akkwista fl-2013. Issa li faqqa' l-każ tal-Panama, il- pajjiż kollu, ħlief għal min hu moħħu nfaxxat, huwa mbellaħ bl-inerzja tal-Prim Ministru u l-passività tal-forzi interni fi ħdan il-PL. Meta l-President emeritu George Abela ta intervista fuq ir-radju, huwa tkellem għal ħafna, irrispettivament mill- kulur jew konvinzjoni tagħhom. Abela qal li d-deċiżjonijiet iridu jittieħdu malajr sabiex tispiċċa l-ispekulazzjoni. Qal ukoll li minkejja li kull ma jaf hu dak li deher fl- istampa, wieħed qajla jista' jitkellem dwar il-ħtieġa li għandu jistabbilixxi l-fatti, għax min hu fil-poter diġà jafhom sew dawn il-fatti. Il-kalkolu politiku li jrid isir għandu jkun ibbażat fuq il-fatti, imma wieħed għandu jiddeċiedi kemm jista' jkun malajr sabiex ma ssirx aktar ħsara. Dwar il-Panama Papers, Abela qal li l-fatti kienu magħrufin qabel ma nkixfu, u dan ifisser li wieħed diġà kellu biżżejjed fatti f 'idejh sabiex jiddeċiedi. Skont Abela, wieħed jista' jkaxkar saqajh biex jiddeċiedi, imma ma jistax jevita d-deċiżjoni li trid tittieħed. Abela kompla jgħid li dan il-każ, b'xi mod jew ieħor, se jiġi riżolt. Li jinkwetah hu l-futur. Jekk il-politiċi mhumiex kapaċi jikkontrollaw ruħhom, min ser jikkontrollahom? Fl-aħħar stqarr li min għandu fibra morali, għandu jammetti li żbalja u jassumi r-responsabbiltà. Fis-sistema tagħna, huwa l-Prim Ministru li għandu jikkontrolla l-komportament tal-Ministri fil- Kabinett. Meta Konrad Mizzi ħalla f 'idejn il-Prim Ministru li jieħu d-deċiżjoni li jidhrilu li għandu jieħu, ma qal xejn ġdid. Appelli simili għal ta' George Abela saru kemm minn Alfred Sant kif ukoll minn Edward Scicluna. Imma Konrad Mizzi xorta naqas li jassumi r-responsabilità politika ta' għemilu u qed jippretendi li jista' jkompli fil-kariga ta' Ministru tar-Repubblika qisu xejn mhu xejn. Intant, il-Prim Ministru jidher ipparalizzat u jitkellem dwar il-ħtieġa li jistabbilixxi l-fatti qabel ma jaġixxi. Abela u Sant huma fost dawk li ma jaqblux li aktar dewmien huwa għaqli. Sant ma lagħabx bid-diskors: Konrad Mizzi għandu jirriżenja "fl- interess tiegħu, personali u politiku, fl-interess ta' familtu, tal-Partit Laburista u tal-Gvern, kif ukoll fl- interess nazzjonali." Saħaq li b'hekk ukoll ikun jista' jħares u jiddefendi aħjar ismu u unuru. Sant sostna wkoll li "mhix ħaġa sew madankollu li deċiżjoni li messha hi ċara u inevitabbli titpoġġa fuq il-Prim Ministru." Min hu tal-ġenerazzjoni tiegħi, jiftakar iż-żminijiet koroħ taħt il-PL fit-tmeninijiet u jiftakar is-sens ta' konfużjoni u smarriment li kien jirrenja fit-tnejn u għoxrin xahar tal-gvern ta' Sant. Riżultat tad- deċiżjoni illoġika li titneħħa l-VAT u li ma nidħlux fl-UE li eventwalment swew lil Sant il-Gvern. Dan minkejja l-merti ta' Sant li tassew kien jemmen fil-meritokrazija u l-integrità politika tiegħu qatt ma ġiet iddubitata. Meta qamu dubji dwar Charles Mangion minħabba xi proklama li kienet ingħatat, Mangion irriżenja minnufih u l-pajjiż ma tħalliex fl-inċertezza. Is-sitwazzjoni attwali ġiet deskritta bħala surreali u wieħed ma jistax ma jaqbilx. Il-kitba fuq il-ħajt hija ċara imma jekk il-PL jagħmel ta' birruħu li ma jafx jaqra u ma jifhimhiex, m'għandu lil ħadd f 'min iwaħħal ħlief lilu nnifsu jekk l-elettorat jerġa' jidlek lin-Nazzjonalisti biż-żejt divin. Ħadd m'għandu dritt divin li jmexxi imma fl-aħħar mill-aħħar, min jiskorja l-aktar gowls jirbaħ, anke jekk ikunu awto-gowls. JOE ELLIS "Ħadd m'għandu dritt divin li jmexxi imma fl-aħħar mill-aħħar, min jiskorja l-aktar gowls jirbaħ, anke jekk ikunu awto-gowls" "Il-kitba fuq il-ħajt hija ċara imma jekk il- PL jagħmel ta' birruħu li ma jafx jaqra u ma jifhimhiex, m'għandu lil ħadd f 'min iwaħħal ħlief lilu nnifsu jekk l-elettorat jerġa' jidlek lin-Nazzjonalisti biż- żejt divin"

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - Illum 17 April 2016