Illum previous editions

ILLUM 24 April 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/670468

Contents of this Issue

Navigation

Page 14 of 35

I ssa li, kif kien mistenni, minħabba s-saħħa tas-siġġijiet li għandna fil-Parlament irnexxielna ndawru vot ta' sfiducja mill-Oppożizzjoni f 'vot ta' fiducja fil-Gvern innifsu, għandna quddiemna żewġ sfidi kbar. Dmirna huwa li nkomplu naħdmu u nistinkaw, forsi aktar minn qatt qabel, għall-kisba ta' riżultati fejjieda, saħansitra akbar minn dawk miksuba sal-lum. Iżda wkoll li naraw li kull rebbiegħa li baqa' tkun rebbiegħa 'ġdida' u friska bħal ma kienet fis-sena 2013. Tagħna huwa moviment li sa mit-twaqqif tiegħu kien dejjem lest li jisma' u fejn meħtieġ jirranġa n-nuqqasijiet tiegħu. Jien dejjem emmint li l-poplu dejjem għandu raġun. L-iżball li għamel ħaddieħor kien li qagħad jistenna li jitlef il-Gvern biex jammetti dan. Huwa għalhekk għaqli kliem il-Prim Ministru meta stqarr li kull deċiżjoni li għandu jieħu jeħodha wara li jkun fehem il-kurrent, qies il- fatti, sema' lil kulħadd u refa' d-deċiżjoni. Konvint li huwa se jkun qed ipoġġi kollox fil-miżien u jiddeċiedi meta u kif għandu jagħmel dan. Ħarsitna, f 'kulma nagħmlu, bilfors trid tmur fuq is-soċjetà ċivili għax għalkemm mhux ġust li dan il-Gvern jingħadda ġudizzju fuqu f 'dan l-istadju, fi tmiem il-leġiżlatura se tkun l-istess soċjetà ċivili li se tara ġġeddidlux il-mandat tiegħu jew le. Għalkemm f 'din il-gżira żgħira tagħna m'aħniex neqsin mill-imħallfin, l-aqwa imħallef, fl-aħħar mill-aħħar, hija kull familja li ssegwi kollox fil-kwiet ta' darha u li tasal għall-konklużjonijiet tagħha fil-hemda, iżda b'għaqal, hu x'inhu l-isfond soċjali, professjonali jew edukattiv tagħha. Ilkoll kemm aħna, ibda minni, irridu niżguraw li nagħmlu l-parti tagħna bi kliemna, b'għemilna, bl- imġiba tagħna u anki bl- eżempju li nagħtu. Dan huwa d-dover tagħna lkoll b'turija ġenwina ta' rispett lejn il- Maltin u l-Għawdxin kollha. Fiduċjuż ħafna li dak li qal il-PM se jkun qed jitwettaq, jiġifieri li npattu għad diżappunti tal-aħħar ġimgħat b'umilta' u b'ġustizzja kif ukoll li nagħtu kunsiderazjoni xierqa lejn is-sentiment tan- nies. Daqstant ieħor importanti l-punt li għamel Joseph Muscat meta fakkar kif hemm differenza bejn dak li huwa legali u l-korrettezza, jew in- nuqqas tagħha. Din l-istess osservazzjoni għamilha ftit ilu l-President Amerikan Obama meta qal li dak li ġara u ġie żvelat globalment dan l-aħħar x'aktarx li kien legali, iżda mhux bilfors kien moralment aċċettabbli jew etiku. Ma nistgħu nħallu xejn u ħadd itellef mill-attenzjoni pubblika fuq ir-rankatura li Gvern Laburista qabad sa mill-ewwel jiem tiegħu fit-tmexxija. Fosthom il-mod kif kabbarna l-investiment f 'pajjiżna, kif żdiedu l-impjiegi, kif iddiversifikajna l-ekonomija tagħna, kif saħħaħna l-ambjent, kif qed inrażżnu l-faqar, kif nedejna u ninsabu għaddejjin b'għadd ġmielu ta' proġetti ta' fejda kif wkoll b'sensiela ta' miżuri soċjo-ekonomiċi u ambjentali li għandhom iwasslu biss għal titjib fil-kwalità tal-ħajja taċ- ċittadini Maltin u Għawdxin. Anki li kieku l-Panama Papers ma semmew ebda Malti u m'humiex se jsemmu mijiet ta' Maltin, kif se jiġri fil-bidu tax-xahar id- dieħel, wieħed irid jistqarr, speċjalment jekk jifhem fil-midja, li dawn kellhom effett trawmatiku fuq il- komunità internazzjonali u fuq kif iċ-ċittadin komuni se jibda jħares b'lenti ferm aktar qawwijja lejn il-klassi politika f 'kull pajjiż. Għad iridu jgħaddu s-snin biex nkunu nafu kemm kien qawwi dan l-impatt kollu. L-iżbalji tal-futur jistgħu jiġu evitati biss, jekk nikkonvinċu lin-nies li verament tgħallimna, ilkoll kemm aħna, mill-iżbalji tal-imgħoddi u tal-preżent. Aktar u aktar meta Malta għandha tant bżonn tkompli tiftaħ, kif qed tagħmel, toroq ġodda u tevita kull tip ta' sqaqien. Biex tiskonġra trid tkun dejjem pur, iżda minn naħa l-oħra, in-nies hawn barra, li verament jinteressahom mhux jekk ta' qabilna kinux agħar minna, iżda jekk hux se nkunu aħjar minnhom. Dawn huma l-fatturi li ħafna drabi wasslu għall-bidla minn Gvern għall-ieħor. U għalkemm is-siġġijiet huma importanti, u napprezza li jista' għad fadal sentejn għall-elezzjoni, ma rridux ninsew li s-siġġijiet tal-lum jirriflettu biss kif kien jaħsibha l-elettorat fir-rebbiegħa tas- sena 2013. Tliet snin ilu. Lil Joseph Muscat tista' taqbel jew ma taqbilx miegħu, iżda kuntrarju għall-mexxejja oħrajn dejjem iddeċieda u qatt ma ħares lejn ħbieb jew uċuħ. Min-naħa l-oħra talba lill-Gvern biex ibiddel il-Prim Ministru tiegħu, qabel lanqas biss għadu ddeċieda jmur kontra l-mandat li ngħata ta' ħames snin. L-umiltà m'għandniex nħarsu lejha bħala sinjal ta' dgħufija iżda bħala don li għandu jpoġġina 'l fuq minn ħaddieħor. L-akbar prezz u l-aktar wieħed għali li nkunu qed nħallsu jkun dak li nagħżlu li ma nagħmlu xejn. Irrid inkun ġust ma' kulħadd, inkluż l-PM innifsu li appena ħareġ mill- Parlament, stqarr illi l-vot ta' fiduċja fil-Gvern mhu ebda skuża biex ma nagħmlu xejn. L-isfida tkompli. L-ambizzjoni tiegħi hija li n-nies tibqa' tara fil-Moviment Laburista, mhux biss l-aħjar għażla iżda wkoll l-aqwa għażla. Il-Ħadd 24 t'April 2016 | illum Opinjoni 15 Issa li għadda l-vot ta' fiduċja... LEO BRINCAT "Ma nistgħu nħallu xejn u lil ħadd itellef mill-attenzjoni pubblika fuq ir-rankatura li Gvern Laburista qabad" "In-nies hawn barra, li verament jinteressahom mhux jekk ta' qabilna kinux agħar minna, iżda jekk hux se nkunu aħjar minnhom" Minkejja li l-Gvern rebaħ il-vot ta' fiduċja l-Ministru Brincat jitlob għal kawtela

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 24 April 2016