Illum previous editions

ILLUM 24 April 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/670468

Contents of this Issue

Navigation

Page 15 of 35

illum | Il-Ħadd 24 t'April 2016 Opinjoni 16 Ched Evans, Natius Farrugia u Anders Brievik I d-diskors ta' Manuel Mallia fil-maratona parlamentari ta' nhar it-Tnejn intgħoġob ferm. Diskors illi ġie mfaħħar miż-żewġ naħat tal-Kamra kif ukoll mill- pubbliku inġenerali. Fid-diskors tiegħu, Mallia tenna t-twemmin tiegħu, bħal ħafna Maltin, fis- saltna tad-dritt u wissa kontra l-periklu ta' kampanji medjatiċi illi jħammġu l-fama ta' individwi illi eventwalment jinstabu illi ma wettqu xejn ħażin. Semma l-każ ta' Thomas Woods illi dakinhar stess kien instab mhux ħati ta' korruzzjoni. Fix-xena politika lokali, akkużi simili spiss isiru. Ħadd ma jiddisputa r-rwol tal-istampa u l-medja inġenerali illi tfittex u tgħarrex l-irregularitajiet u l-illegalitajiet. Ovvjament, l-istampa politika għandha rwol propagandistiku x'tiżvolġi u kulħadd għandu l-preferenzi u l-linja editorjali tiegħu. Li mhux aċċettabli hu illi l-istampa tippubblika stejjer illi xi ħadd għaddielha mingħajr ma tagħmel il-verifiki meħtieġa biex imbagħad il-politiċi joħolqu każ fuq tali storja. Verament kulħadd hu għatxan għall-istejjer imma meta l-istampa tispiċċa tiġi manipulata biex tipproġetta aġenda politika jew xi kultant anke kummerċjali, allura l-istampa ħielsa ma tibqa' ħielsa xejn u titlef id-dinjità tagħha. Jisgħobija nara min jikkomprometti irrimedjabilment ir-reputazzjoni u d-dinjità tiegħu billi jsir aċċessorju ta' manuvri xejn trasparenti biex tintefa' l-ħama kontra avversarji politiċi jew kummerċjali jew forsi anke għal raġunijiet personali. Dan mhux ġurnaliżmu responsabbli u indipendenti imma prostituzzjoni ta' travu essenzjali tad-demokrazija. L-opinjoni pubblika spiss tintefa' f 'ferneżija u tiġi kkundizzjonata bi preġudizzji u fatti xejn konkreti. Ħafna għadhom jiftakru l-każ ta' Ched Evans illi s-sena l-oħra kien ser jiġi ngaġġat biex jilgħab mal-Ħibs. Evans kien instab ħati illi stupra tfajla li kellu x'jaqsam magħha għalkemm dejjem kien sostna illi s-sess kien konsenswali. Intbagħat ħames snin ħabs u ħareġ bil-parole wara illi serva nofs is- sentenza. L-attentati kollha tiegħu sabiex jerġa' jaqbad il-karriera sportiva tiegħu sfaw fix-xejn. Meta pprova jittrenja mat-tim antik tiegħu, Sheffield United, saru protesti kbar. Anke meta pprova ma' tims oħra u meta ħarġet l-aħbar illi l-Hibs kienu qed ser jingaġġawh ġara l-istess. Għaqdiet tan-nisa pprotestaw u l-Prim Ministru ttama illi l-Hibs jaħsbuha sew peress illi l-players tal-football huma mudelli għaż-żgħażagħ. Madankollu, kemm Owen Bonniċi kif ukoll Jason Azzopardi daqqew qanpiena differenti u t-tnejn sostnew illi persuna għandha tingħata l-opportunità illi tirriabilita ruħha wara illi tkun skontat is-sentenza tagħha. Madankollu, Evans baqa' l-Ingilterra. Huwa importanti illi min hu fil-poter ma jiġix imkaxkar mis- sentimenti populisti illi spiss jirriflettu l-istinti l-aktar baxxi tal-poplu. Jew agħar minn hekk jisfrutta tali sentimenti biex jibni l-popularità tiegħu. Ir- riabilitazzjoni ta' min skonta d-dejn tiegħu mas-soċjetà għandha tkun essenzjali fis-saltna tad-dritt. Ħadd m'għandu jibqa' persegwitat ta' xi ħaġa li jkun wettaq minkejja illi skonta l-piena. Aktar u aktar meta din il-ġimgħa, il-Qorti tal-Appell ta' Londra ħasret is-sentenza ta' Evans u ordnat ritrattazzjoni wara illi tresqu provi ġodda. Issa naraw jekk Evans hux ser jinstab ħati fil- ġuri l-ġdid imma intant il-karriera tiegħu ġiet irvinata għal dejjem. Minkejja kollox, Evans forsi għandu jgħodd ruħu xxurtjat illi s-sentenza tiegħu ġiet annullata. Mhux kulħadd ikollu din l-opportunità. Ara kieku Evans inzerta Malta, ma kienx ser ikollu l-opportunità illi s-sentenza tiegħu tiġi riveduta ħlief mill-Qorti tal- Appell. U jekk titfaċċa evidenza ġdida, b'differenza minn dak illi jiġri fl-ambitu ċivili, mhux ċar x'jista' jiġri jekk mhux b'kawża kostituzzjonali bħalma ġara fil-każ ta' dak il-missier illi kien akkużat illi abbuża sesswalment lil bintu u nħeles mill-ħabs. Sitwazzjoni xejn feliċi illi twerżaq illi tiġi indirizzata. Kif rajna l-ġimgħa l-oħra fil-każ tas-sindku taż-Żurrieq, Nazju Farrugia l-ġustizzja kriminali hija materja ferm delikata. Intqal ħafna diskors dwar is-sentenza tal-Qorti tal-Appelli Kriminali illi kkundannat lis-sur Farrugia erbat ijiem detenzjoni. Aktar u aktar meta ġie rappurtat illi l-istess imħallef talab il-maħfra presidenzjali tal-persuna illi kien għadu kemm issentenza. Mossa illi jekk hi minnha hi żgur bla preċedent. Kien hemm min sejjaħ lill- imħallef illi ta din is-sentenza minn kollox, illi ma jafx il-liġi u li messu jitneħħa. Kien hemm min spekula jekk fil-fatt is-sentenza ngħatatx bi żball. Dan il-ġurnal ikkwota esperti anonimi illi sostnew li l-arrest tas-Sindku Laburista Natius Farrugia kien, "illegali, mill-aktar stramb u sar bi ksur tal-liġi, hekk kif Farrugia safa' arrestat fuq akkuża li dwarha hu kien diġà ġie lliberat mill-Imħallef Francesco Depasquale." Kif ser naraw, dan mhux minnu. Wieħed ma jistenniex illi l-ġurnalisti jkunu avukati imma ma jagħmlux ħażin illi fuq materji legali jikkonsultaw ruħhom ma' min verament jaf il- liġi. Is-sur Farrugia kien ġie akkużat illi 1) fid-19 ta' Marzu, 2013 ħebb kontra persuna sabiex jinġurjaha, idejjaqha jew jagħmlilha ħsara bi kliem lil Daphne Anne Caruana Galizia (Kap 9 Art. 339 (1)(d)); u (e); 2) fl-istess data, ħin, lok u ċirkostanzi volontarjament kiser il-paċi u l-bon ordni pubblika b'għajjat, storbju jew ġlied (Kap 9. Art. 339 (1)(dd)) ; u 3) fl-istess data, ħin u lok, ġab ruħu, b'mod li ta fastidju lil Daphne Caruana Galizia u b'mod li kien jaf jew messu kien jaf li dan kien ta' fastidju għall-persuna (Kap 9. Art. 251A). Il-Qorti tal-Maġistrati (Malta) bħala Qorti ta' Ġudikatura Kriminali fl-14 ta' Jannar, 2014 illiberat lis-sur Farrugia mill-ewwel imputazzjoni imma sabitu ħati tat-tieni u t-tielet imputazzjoni u kkundannatu għall-ħlas ta' multa ta' €2400. Taħt l-artiklu 339(1) (dd) illi huwa kontravenzjonali, Farrugia kien suġġett għall- piena ta' detenzjoni, ammenda jew ċanfira mentri taħt l-artiklu 251A, seta' jeħel minn xahar sa sitt xhur priġunerija jew multa bejn €2,500 u € 5,000 jew il-multa u priġunerija flimkien. Għaldaqstant, is-sentenza tal-ewwel qorti kienet taħt il- minimu kif għandha dritt tagħmel f 'ċirkostanzi speċjali. Is-sur Farrugia appella. Fis- sentenza tagħha l-Qorti tal- Appelli Kriminali qalet illi "Mill- provi mismugħa, dan l-inċident kien wieħed pjuttost serju fejn l-appellant flimkien maż-żewġ persuni l-oħra baqgħu isegwu lill- kwerelanta b'insulti, tgħajjir anke bi kliem baxx u ġesti ...l-appellant kien għarafha bħala l-awtriċi ta' blog fejn, skont l-istess appellant wieħed ma jistax jiskarta x-xenarju ta' dan il-każ, fejn il-parti leża, mhux l-ewwel darba illi izzikat lill- appellant billi xxandru fuq il-blog tagħha, anke permezz ta' ritratti meħuda mill-Facebook account tiegħu, biex tipprova tirredikolah u twaqqgħu għaż-żufjett." Il-Qorti tal-Appelli Kriminali laqgħet l-aggravju dwar l-artiklu 251A u lliberat lis-sur Farrugia imma ma laqgħetx l-aggravju dwar it-tieni imputazzjoni u kkonfermat il-ħtija tiegħu fir-rigward. Peress illi s-sur Farrugia nstab ħati biss illi wettaq kontravenzjoni, ma setax jiġi mmultat kif għamlet l-ewwel qorti imma l-Qorti tal-Appelli Kriminali dehrilha illi flok ma tagħti lis-sur Farrugia ċanfira jew ammenda kif setgħet tagħmel, tibagħtu għal erbat ijiem detenzjoni. Is-sentenza hija ċertament severa (għalkemm mhix ċertament severa daqs dawk illi ntbagħtu sentejn ħabs għax ħadu xi larinġ u illi dwarha ma smajna xejn aktar). Imma jidhirli, għalkemm irrid nistqarr illi f 'materji ta' dritt kriminali noqgħod dejjem pass lura, illi s-sentenza hija legalment korretta u illi l-imħallef aġixxa fil-parametri tal-liġi. Jekk hu kif qed ngħid, u nistieden min jiddiskuti din is-sentenza bil-kalma u mingħajr preġudizzji politiċi, wieħed bilfors ikollu jagħmel mistoqsijiet inkwetanti. X'ġagħal lill-imħallef jitlob il-proklama lil min kien għadu bagħat l-ħabs u għala l-proklama ngħatat fi żmien rekord? X'rakkomandazzjonijiet ingħatat il-President biex tagħti l-proklama f 'temp ta' sagħtejn ? Hija x-xewqa ta' kulħadd illi kif qal Manwel Mallia, is-saltna tad- dritt tirbaħ dejjem. Imma każ bħal dan ma jagħmilx ġid u jqanqal ħafna dubji illi m'għandhomx iqumu. Naħseb illi jkun ħażin jekk dan l-inċident jintesa qisu qatt ma ġara. Għalkemm kulħadd huwa suġġett illi jiżbalja, u għalhekk għandu jkollna t-tip ta' mekkaniżmu illi ta tama ġdida lil Ched Evans, ikun ferm detrimentali għas-saltna tad-dritt jekk taħt l-iskuża illi twettaq żball, titwarrab sentenza, severa kemm hi severa, imma illi kienet legalment korretta. Tassew l-imħallfin huma bnedmin bħal kulħadd, jistgħu jiżbaljaw u għandhom il-preġudizji tagħhom. Din il-ġimgħa stess imħallfa norveġiża sabet illi n-Norveġja kisret id-drittijiet umani ta' Anders Breivik illi kien intbagħat 21 sena ħabs wara li qatel 77 persuna. Il-qorti sabet illi Breivik sofra trattament inuman u degradanti peress illi jinżamm għal ħafna żmien waħdu u jiġi mfittex ta' sikwit. Dana minkejja illi għandu tliet ċelel : waħda biex jgħix, oħra biex jistudja u oħra biex jeżerċita. Ħafna skantaw b'din is-sentenza imma l-fidi tagħna fis-saltna tad-dritt iġġagħlna nittamaw illi fl-appell, il-qorti tasal għall- konklużjoni ġusta jekk id-drittijiet ta' Brieveik verament ma nkisrux. Madwar id-dinja, il-qrati jridu jiflu skrupolażament ix-xhieda u japplikaw korrettament il-liġi wara illi jiżnu ċ-ċirkostanzi kollha relevanti. Il-ġustizzja trid tkun għamja imma l-istampa trid ukoll tagħmel il-parti tagħha u mhux tasal għal konklużjonijiet azzardati fuq bażi ta' ftit jew xejn fatti. It-tama illi f 'pajjiżna naslu f 'dan l-istat m'għandha tmut qatt. JOE ELLIS

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 24 April 2016