Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/670468
illum | Il-Ħadd 24 t'April 2016 Aħbarijiet 6 Il-ftuħ tal-istaġun tal-kaċċa "dubjuż" IL-BIRDLIFE Malta tiżvela kif il-Kummissjoni Ewropea, talbet spjegazzjoni formali lill- Gvern Malti dwar il-ftuħ tal-istaġun tal-kaċċa ta' din is-sena. Waqt konferenza stampa Daryl Grima, president tal-Birdlife, qal li din id- deċiżjoni, tixhed kemm hi dubjuża s-sostanibbiltà tal-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa. Qal ukoll li l-gvern għamel żball li fetaħ dan l-istaġun. It-talba tal-kummissjoni Ewropea tfaċċat abbażi ta' rapport riċenti li sar min-naħa tal-Unjoni Internazzjonali għall- Konservazzjoni tan- Natura. Dan ir-rapport żvela li l-popolazzjoni tal- gamiem fl-Ewropa naqset drastikament bi 80% f 'dawn l-aħħar 30 sena. Mark Sultana, il-kap eżekuttiv tal-BirdLife qal li d-deċiżjoni meħuda mill-Kumitat Ornis biex jinfetaħ l-istaġun tal-kaċċa kienet waħda politika u mhux xjentifikament ġusta. Qal ukoll li se tkun diffiċli li l-gvern jagħti raġunijiet politiċi validi lill-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma investigatx fi żmien meta l-kwota kienet ta' 11,000 gamiema imma issa għalkemm il-kwota niżlet għal 5,000 gamiema, il- Kummisjoni qed tistħarreġ dan il-ftuħ tal-istaġun għaliex il-gamiem jinsabu fi stat tant vulnerabbli. Għaldaqstant dan jista' jfisser li Malta qed mhix iżżomm mal-limiti li waqqfet il-Qorti Ewropea. Il-Kumitat kontra l-Qtil tal-Għasafar (CABS) fil-Ġermanja stqarret li l-inqas għasafar protetti qed jiġu kkaċċjati f 'Malta. Madanakollu, Sultana qal li dan kien għaliex naqas l-ammont ta' għasafar li passew minn fuq Malta minn kemm ilu li fetaħ l-istaġun. Barra minn hekk, fil-kaċċaturi trawmet il-biża' li jiġu arrestati jekk ma jżommux mal-liġi. Sultana stqarr li hemm il- biża' li l-kaċċaturi jibdew jimmiraw għall-għasafar protetti hekk kif l-infurzar tal-liġi jillaxka xi ftit. Arnold Cassola: 'Issa daqshekk' Jgħid li l-klassi politika nsiet kull sens ta' etika u morali "QEGĦDIN ngħixu perjodu ta' kriżi f 'pajjiżna, billi jidher li kull sens ta' morali u ta' etika qed jiġi mwarrab mill-politika Maltija. Għalhekk, il-preżenza tagħkom hawnhekk illum hija importanti għax tixhed li, f 'dan il- mument ta' kriżi ta' valuri fil-politika dominanti Maltija, għad hawn min jinteressah jassoċja ruħu ma' partit bħall-Alternattiva Demokratika, li dejjem mexxa 'l quddiem il-valuri ta' politika nadifa, konsistenti u kredibbli." Dan qalu ċ-Chairman tal-Alternattiva Demokratika Arnold Cassola fl-għeluq tal- Laqgħa Ġenerali Annwali tal- istess partit. Huwa kompla jgħid illi ħaddieħor "minn Kastilja u mill-Parlament, qisu qed jinsa kull sens ta' etika u morali li għandhom jikkaratterizzaw il-politika u qed imexxi biss il-valuri ta' dinja materjalistika, ibbażata fuq il-kommodifikażzjoni ta' kollox –mill-art skarsa tagħna għall-isptarijiet tagħna, mill- kosta prezzjuża tagħna saċ- ċittadinanza Maltija." Arnold Cassola qal illi l-AD isostnu l-valuri bażiċi ta' politika b'wiċċ uman, li "għall-kuntrarju ta' min moħħu biss biex jibni u jispekula fuq kull biċċa roqgħa art li għandna fil- pajjiż jew li jipprova jiftaħ kumpaniji fil-Panama u kontijiet fil-banek 'offshore' ta' madwar id-dinja, jipprova jtejjeb il-kwalità tal-ħajja ta' min hu l-aktar batut, ta' dawk il-pensjonanti, il-persuni b'diżabilità, il-ħaddiema u l-impjegati normali, li bil- pagi u l-allowances miżeri li jirċievu ma jwasslux sal- aħħar tax-xahar." Huwa qal li sar ħafna diskors dwar it-tielet partit meta t-tielet parti "ilu hawn 27 sena." Huwa qal li dak li verament qed jinħass mhux il-bżonn ta' ħolqien tat-tielet partit, iżda li jkun hemm t-tielet partit fil-Parlament Malti. Cassola rrifjuta l-idea illi l-politika hija dwar uċuħ ġodda. "Konrad Mizzi u Keith Schembri, dawn ġew ippreċentati bħala wċuħ ġodda fil-politika Maltija. Araw daqsxejn ir-riżultat: uċuħ ġodda li wasslu għall- politika antika, fl-agħar aspetti tagħha." "Aħna ma ngħalaqniex f 'torrijiet tal-avorju u bqajna f 'kuntatt mal-għeruq għax ngħixu magħhom kuljum. Aħna fil-politika ħdimna senza interessi għal dawn is-snin kollha," qal Cassola f 'botta ċara u b'saħħitha lejn iż-żewġ partiti l-kbar." Huwa qal li l-maġġoranza tal-Maltin jirrikonoxxu din l-onestà intellettwali tal-Alternattiva Demokratika tul is- snin u japprezzawha. Imma dana waħdu mhux biżżejjed biex jiggarantixxi suċċess elettorali lill-AD. Cassola wera t-tama li l-maġġoranza tal-Maltin jaħsbu b'rashom u jafu li "d-degradazzjoni morali li fiha waqgħet il-politika Maltija qed tagħmel ħsara lil pajjiżna." Għalhekk huwa ħeġġeġ lil kulħadd biex jattendi għal protesta organizzata mis- soċjetà ċivili, li għaliha l-AD se tattendi. Is-soċjetà ċivili Maltija ser issemma' leħinha b'mod qawwi. U aħna tal- Alternattiva ma nistgħux ma nappoġġjawx bi ħġarna din il- karba għall-ġustizzja u għall- imġiba etikament korretta min-naħa tal-politiċi. Huwa temm jgħid li "issa daqshekk. Pajjiżna jixraqlu aħjar. U ser nirbħu… għax is-sewwa jirbaħ żgur". Reporter dwar il-media u l-politika X'RABTA hemm bejn il- mezzi tax-xandir u l-politika. Kemm hi influwenti l-media? U kemm tbiddel l-opinjoni pubblika l-media? Il-politiċi għandhom jagħtu każ dak li jkun qed jingħad fuq il- media? U l-media li tigdeb u tivvinta x'post għandha fil-kultura politika? Fost il-mistiedna l-Membru Parlamentari Laburista Manuel Mallia u Clyde Puli mill-Oppożizzjoni. Saviour Balzan f 'Reporter nhar it- Tnejn, fl-10.05pm fuq TVM, b'ripetizzjoni t-Tlieta fis- 1.30pm u l-Erbgħa fis-7pm, it-tnejn li huma fuq TVM2. Clyde Puli Manuel Mallia