Illum previous editions

ILLUM 1 May 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/673687

Contents of this Issue

Navigation

Page 11 of 35

minn John Busuttil ID-DJOĊESI ta' Għawdex u l-Komunità Anglikana qed iniedu l-proġett Merħba: proġett ta' akkoljenza ta' grupp ta' 19-il student u studenta Nisranija, ta' bejn it-12 u 16-il sena, minn Erbil, fl- Iraq, akkumpanjati minn 5 għalliema Iraqqini li għandhom inqas minn 30 sena. Dan il-grupp li se jkun ospitat f 'appartament tal- Kurja f 'Marsalforn bejn il-25 ta' Ġunju u t-2 ta' Lulju, u se jiswa lid-djoċesi Għawdxija madwar €35,000 minħabba l-fatt li biex dawn jinġiebu mill-Iraq, il- passaġġi jiswew wisq. Skont l-Isqof Mario Grech permezz ta' dan il-proġett, id-Djoċesi ta' Għawdex se tkun qed timxi mal-passi ta' Papa Franġisku fejn irid li f 'dan l-iskambju, iż- żgħażagħ Iraqqini jitħalltu ma' dawk Għawdxin u bejniethom iħalltu l-kulturi, il-lingwa u l-għeruq tagħhom, u fl-istess waqt ikollhom ġimgħa rikreattiva u spiritwali. Mistoqsi x'inhi r-reliġjon ta' dawn iż-żgħażagħ, l-Isqof qalilna li dawn huma Nsara, iżda mhux Kattoliċi kollha. Tant hu hekk, li flimkien mad-djoċesi Għawdxija hemm involuti f 'dan il- proġett il-Knisja Anglikana f 'Għawdex. "Il-viżjoni ta' dan il-proġett hi li jservi ta' programm ta' skambju edukattiv li jqiegħed fil-prattika l-prinċipji fundamentali umani ta' ħbiberija u mħabba, u jseddaq it- tama għal futur aħjar." L-isqof Grech kompla jgħid li dawn l-adolexxenti Iraqqini li ser jiġu fostna għandhom ħajjithom mhedda minħabba l-ġlied u l-persekuzzjoni li hemm f 'dawk iż-żoni. "Għalhekk hija xewqa tagħna li fil-jiem li se jkunu fostna, dawn jerġgħu jimtlew bit-tama ta' ħajja aħjar u jissaħħu fil- motivazzjoni biex ikomplu fl-impenn tagħhom biex jegħlbu l-isfidi li għandhom. "Barra minn hekk, permezz ta' dan il-proġett qegħdin inpoġġu fil- prattika dak li talabna l-Papa Franġisku: li niftħu l-bieb għal dawn ħutna li qed ikollhom jaħarbu minn pajjiżhom. Għalkemm dawn l-adolexxenti mhumiex 'immigranti' fis-sens dejjaq tal-kelma, huma ġejjin minn klima ta' qtigħ il-qalb u biża' fejn kuljum tiżvolġi d-drama tal-immigrazzjoni." Interessanti wkoll il-kliem tal-Isqof ta' Għawdex fejn qabbel it-theddida ta' dawn iż-żgħażagħ Iraqqini mat- theddida tal-ħajja tagħna wkoll, "għax meta l-bniedem jingħalaq fih innifsu, jogħdos fl-egoiżmu u jsir jinteressah biss biex isalva ħajtu, huwa jitlef ħajtu! Għalhekk il-preżenza ta' dawn l-adolexxenti għandha tkun opportunità għalina biex ngħixu l-karità tal- Vanġelu. Min jitlef ħajtu għall-imħabba tal-proxxmu, dan isibha. Għalhekk permezz ta' dan il-proġett nixtiequ li ngħinu lis-soċjetà tqum minn raqda fonda, tiftaħ għajnejha quddiem dan is-sitwazzjoni tal- imigrazzjoni u ssir aktar sensibbli quddiem din il- karba tal-bniedem. Flok ma niżirgħu l-biża' u s-suspett, inneħħu l-għamad tar- razziżmu u nkunu solidali ma' min hu midrub. "Aħna l-Għawdxin u l-Maltin nafu kemm hemm żvantaġġi għax aħna 'gżejjer'. Ma nkunux aħna l-bnedmin 'gżejjer' maqtugħin mill-bqija, imma minflok infittxu li nibnu l-pontijiet li jagħmluna poplu wieħed. Il-fatt li dan il-proġett qed naħdmuh fi spirtu ekumeniku, huwa xhieda li nħoloq pont bejn il-komunità Kattolika u dik Anglikana. Fadal ħitan oħra x'jaqgħu u pontijiet oħra biex jinbnew." Minn fejn ġiet l-idea tal- Proġett Merħba? L-idea oriġinali li jiġi ospitat grupp ta' żgħażagħ Insara mill-Iraq f 'Għawdex, bdiet bi żjara f 'Malta f 'Ġunju li għadda ta' saċerdot mill-Iraq Fr Douglas al-Bazi. Dan is- saċerdot Iraqqin kien ġie mistieden mill-arċipriet tan- Nadur għall-festa, u wara sar dan il-ftehim biex żgħażagħ mill-parroċċa tiegħu minn Erbil, fl-Iraq jinġiebu Malta. Fr Douglas fil-fatt kien persegwitat u ttorturat mill-Istat Iżlamiku u meta kien liberat, iddeċieda li jieħu ħsieb parroċċa f 'Erbil, li qed tospita, fost l-oħrajn f 'kampijiet, bosta refuġjati minn Mosul u nħawi oħra tal-qrib, li sfaw vittmi tal-persekuzzjoni mill- fundamentalisti Islamiċi. L-arċipriet tan-Nadur sentejn ilu qara b'din illum | Il-Ħadd 01 ta' Mejju 2016 Għawdex 12 Proġett Merħba: Il-Knisja Għawdxija timxi mal-passi tal-Papa Franġisku • Proġett li se jiswa lid-djoċesi Għawdxija €35,000 Għawdex jilqa' 24 żagħżugħ "Aħna l-Għawdxin u l-Maltin nafu kemm hemm żvantaġġi għax aħna 'gżejjer'...ma nkunux aħna l-bnedmin 'gżejjer' maqtugħin mill-bqija, imma minflok infittxu li nibnu l-pontijiet li jagħmluna poplu wieħed" L-Isqof Grech ħareġ bl-idea li jilqa' grupp ta' żgħażagħ Iraqqini f 'Għawdex

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 1 May 2016