Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/673687
illum | Il-Ħadd 01 ta' Mejju 2016 Opinjoni 14 Illum Jum il-Ħaddiem K ien hemm żmien, barra minn xtutna ħafna aktar milli f 'pajjiżna, fejn l-Ewwel ta' Mejju kien ibeżżgħa lis-setgħana u lis- sidien. Il-klassi tal-ħaddiema kienet aktar militanti, magħquda u konxja ta' x'inhi l-qagħda u s-setgħa tagħha. Illum l-Ewwel ta' Mejju spiċċa 'tifkira'. Biex nieħdu eżempju, fil-pajjiż Ewropew l-aktar qrib tagħna, l-Italja, il-jum sar primarjament okkażjoni għal kunċert. Hawn Malta, wara li għal snin kien hemm min ipprova jnessi dan il-jum biex ikun iċċelebrat Jum l-Ewropa minflok, din is-sena l-festa mid-dehra se terġa' ssir bil-kbir, wara li fl-aħħar snin il-Partit Laburista kien spiċċa jfakkar il-Jum ta' fuq fuq. Dnub iżda li Jum il- Ħaddiem aktarx ser jispiċċa manifestazzjoni ta' appoġġ lil Joseph Muscat. Min jaf il- martri ta' Chicago x'jitqallbu f 'qabarhom! Fl-artiklu imma, mhux beħsiebni nitkellem fuq dan. Sejjer nitkellem fuq il-fatt li Jum il-Ħaddiem spiċċa biss tifkira. Dan hu fatt li fih aspetti kemm pożittivi u kemm negattivi (għalkemm dawn tal-aħħar probabbli huma aktar). Hu pożittiv għax il-fatt li qed infakkru Jum il-Ħaddiem, jinvolvi doża ta' realiżmu. Normalment, wieħed ifakkar xi ħaġa li jew m'għadhiex teżisti, jew inkella li qiegħda hemm, imma li ma nagħtux kasha. It-tieni spjegazzjoni naħseb l-aktar li tgħodd għall-klassi tal-ħaddiema. Kuntrarju għal dak li jgħidu xi wħud, inkluż xi wħud qrib il-Partit li xi darba kien isejjaħ lilu innifsu 'tal-ħaddiema' (ħaġa li ma baqgħetx wisq popolari fl-aħħar snin,) il- klassi tal-ħaddiema f 'Malta għadha teżisti u ma spiċċatx inbelgħet fil-klassi tan-nofs. Anzi, nasal biex ngħid li kibret u twessgħat. Li ġara hu li kif inhu naturali, il-klassi tal-ħaddiema tbiddlet. Fejn sa erbgħin sena ilu il-klassi tal-ħaddiema f 'Malta kienet primarjament magħmula minn irġiel il-biċċa l-kbira minnhom mwielda Malta, illum tinkludi wkoll bosta nisa u nies li ġejjin minn pajjiżi u kontinenti differnti. Madankollu, hi klassi li għadha teżisti u kif. Għad hawn nies li jgħixu billi jipproduċu ġid li ħaddieħor imbagħad ibiegħ fis-suq. Għad hawn oħrajn li jaħdmu f 'kundizzjonjiet ta' tbatija u periklu, u li spiss huma mħallsin bil-loqom. Hemm ukoll impjiegi li qabel ma kinux assoċjati mal-klassi tal-ħaddiema, imma li llum in-nies li jaħdmu fihom qed jaqsmu kundizzjonijiet li tradizzjonalment kienu dawk tal-klassi tal-ħaddiema: nuqqas ta' sigurtà finanzjarja, xogħol imħallas ftit, possibbiltà limitata li wieħed jippjana sew għall-futur, ftit ċans li titla' 'l fuq fl-iskala tas-soċjetà. Bħal ħafna affarijiet li trid 'tfakkarhom' imma, dan kollu spiss jiġi minsi u mhux dejjem għal raġunijiet innoċenti. Jekk wieħed jara l-mezzi tax-xandir, l-aktar fejn jidħlu żgħażagħ, wieħed jasal biex jaħseb li f 'pajjiżna kulħadd hu gradwat jew imprenditur, li filgħaxija kulħadd jidħol lura d-dar illamtat kif ħareġ filgħodu u li jaqlagħha tajjeb. Il-fatt li l-paga minima hi miżera, li anzi s-saħħa tal-pagi dawn l-aħħar snin niżlet dejjem aktar (xi darba konna nemmnu li b'paga waħda, anke minima, persuna għanda tgħajjex familja mingħajr lussu imma b'mod komdu), li b'konsegwenza ta' dan wieħed irid jaħdem aktar minn erbgħin siegħa bi bżonn u mhux għax irid, lix-xogħol prekarju u b'kuntratti definiti qed effettivament jeqred bosta drittijiet marbuta max-xogħol li jispiċċaw jeżistu biss fuq il- karti, li d-djar li l-ħaddiema jistgħu realistikament jixtru jew jikru qed isiru dejjem iżgħar fid-daqs u l-kumdità, li l-istrajkijiet donnhom għebu, u li l-unions tilfu ħafna mis- saħħa li darba kellhom, huma ħwejjeġ negattivi li jolqtu lill-ħaddiema imma li donnu mhux moda jiġu diskussi. Anke wħud li suppost huma xellugin jew ma jagħtux każ dawn il-kwistjonijiet, jew jippreferu oħrajn bħall- ambjent u d-drittijiet ċivili, mingħajr ma jorbtu dawn ma kwistjonijet ta' klassi. Fuq kollox imma, il- ħaddiema stess għandhom bżonn jiftakru u jiftakru sew, jekk xejn, li huma ħaddiema. Hemm min, għandu bżonn jiftakar (jew jagħraf ) li hi/u ħaddiem/a, li ma jħallix il-frilli u l-kliem sabiħ tal-klassi tan-nofs tqarraq bih. Hemm bżonn li bosta ħaddiema ma jitqarrqux u jgħarfu li l-meritokrazija, l-opportunitajiet għal kulħadd u s-suċċess huma biss ħrejjef li min għandu s-setgħa jriduhom jemmnu. Hemm ħaddiema imbagħad, li għandhom bżonn jagħrfu li l-akbar problema li għandhom mhix dik tal- immigrazzjoni, imma li min kien u min qed imexxi l-pajjiż, ma jagħtix każ il-bżonnijiet jew l-interessi tagħhom (u għalhekk ma jirrapreżentahomx), minkejja t-tifkira ta' darba f 'sena. Li jiftakru li min qed jiġbor iż-żibel jew jitqabad fuq il-lant tal-bini hu ħaddiem bħalhom, hi x'inhi l-kulur tal-ġilda jew ir-reliġjon tiegħu. Li la l-kulur tal-ġilda u r-reliġjon ma jfissru xejn għal min qed iħaddem - għax għal dan ifisser biss ix-xogħol li dan il-proxxmu qed jagħti u li minnu hu bħala sid qed jistagħna - dawn m'għandom ifissru xejn lanqas għalihom bħala ħaddiema sħabu. Michael Grech huwa membru ta' 'Żminijietna - Leħen ix-Xellug' MICHAEL GRECH "Hemm bżonn li bosta ħaddiema ma jitqarrqux u jgħarfu li l-meritokrazija, l-opportunitajiet għal kulħadd u s-suċċess huma biss ħrejjef li min għandu s-setgħa jriduhom jemmnu" Ħaddiema f 'dimostrazzjonijiet a' Jum il-Ħaddiem, barra minn Malta