Illum previous editions

ILLUM 1 May 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/673687

Contents of this Issue

Navigation

Page 15 of 35

illum | Il-Ħadd 01 ta' Mejju 2016 Opinjoni 16 Tama ġdida fil-Libja X ahar ilu, fit-30 ta' Marzu, Faiez Serraj wasal Tripli. Ma wasalx bl-ajru għaliex il-milizji li kienu jikkontrollaw Tripli għalqu l-ispazju tal-ajru. Minflok, wara vjaġġ ta' tnax-il siegħa fuq vapur tan-navy Libjana, Serraj wasal fil-bażi navali ta' Bu Sitta fi Tripli. Serraj hu l-Prim Ministru magħżul u kap tal- Kunsill Presidenzjali li twaqqaf wara li ġie ffirmat il-ftehim Politiku Libjan f 'Skhirat, il-Marokk f 'Diċembru li għadda. Hu kien akkumpanjat minn sitt membri tal-Kunsill Presidenzjali. Wara l-waqa' ta' Gaddafi, il-Libja waqgħet f 'kaos kbir. Inħatret kamra tar-rappreżentanti wara l-elezzjoni ta' Ġunju 2014 li kellha parteċipazzjoni skarsa. Madankollu, l-Iżlamisti marru ħażin f 'dawn l-elezzjonijiet u m'aċċettawx ir-riżultat. Għalhekk, raw kif għamlu u reġgħu ħatfu l-poter f 'idejhom fi Tripli, irxuxtaw il-Kungress Nazzjonali Ġenerali u waqqfu gvern rivali. Il-gvern maħtur mill-kamra tar-rappreżentanti u li kien rikonoxxut internazzjonalment kellu jaħrab lejn il-lvant f 'Tobruk. Iż-żewġ gvernijiet bdew jikkompetu għall-kontroll tal-istituzzjonijiet nazzjonali li f 'dawn iż-żminijiet imqallba huma l-kolla li għadhom iżommu lil-Libja flimkien: il-Bank Ċentrali Libjan, il-Libyan Investment Authority u l-Kumpanija Nazzjonali taż-Żejt. Intant, tfaċċa l-Istat Iżlamiku li ħa f 'idejh il-belt ta' Derna fil-lvant u l-belt ta' Sirte fejn kien twieled Gaddafi f 'nofs il-Libja. L-Istat Iżlamiku jikkontrolla xi 180 mil tal- kosta tal-Mediterran madwar Sirte u hu theddida kostanti għall-faċilitajiet taż-żejt fil-lvant tal-Libja. Fit-tieni l-ikbar belt, Benghażi, il-preżenza Iżlamika wkoll kienet f 'saħħitha u l-gruppi Iżlamiċi sa ftit ilu kienu jikkontrollaw ħafna kwartieri. Wara sena ta' negozjati bejn ir- rappreżentanti taż-żewġ Parlamenti rivali, bl-għajnuna tar-rappreżentant speċjali tal-Ġnus Magħquda u bl-inkoraġġiment ta' bosta pajjiżi Ewropej u Għarab kif ukoll tal- Amerika, ir-Russja u t-Turkija, intlaħaq il-ftehim li permezz tiegħu, kunsill Presidenzjali ta' disa' membri se jifforma Gvern ġdid. Il-Kamra tar-rappreżentanti ta' Tobruk se tkun il-leġiżlatura prinċipali mentri Kunsill Statali ffurmat minn elementi tal-Kungress Nazzjonali Ġenerali se jkun it-tieni kamra konsultattiva. Il- Ftehim Nazzjonali Libjan jipprevedi li l-Kunsill Presidenzjali jinnomina gvern fi żmien xahar li wara jiġi ratifikat b'riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà. Bosta kienu l-elementi li opponew dan il-ftehim. Lejliet l-iffirmar tiegħu, il-presidenti tal-parlamenti rivali ltaqgħu hawn Malta f 'Kastilja u ddikjaraw li jopponu l-ftehim. Madankollu, impenjaw ruħhom li jkomplu d-diskussjonijiet sabiex jinħatar gvern ta' għaqda nazzjonali. Dawn iż-żewġ presidenti, Agilah Saleh tal-Kamra tar-Rappreżentanti ta' Tobruk u Nuri Abu Sahmain tal-Kungress Nazzjonali Ġenerali kif ukoll il-kap tal-gvern ta' Tripli, Khalifa Ghweil issa ġew milquta b'sanzjonijiet tal-UE minħabba li għadhom jostakolaw il-ftehim politiku Libjan. L-assi tagħhom fit-territorju tal-UE ġew iffriżati u lanqas jistgħu jivvjaġġaw fl-UE. Wara l-wasla ta' Serraj fi Tripli, il-Gvern u l-Kungress ta' Tripli prattikament sparixxew. Kien mistenni ħafna ġlied imma minn dan ma' seħħ xejn. Kulħadd baqa' mgħaġġeb kemm Serraj beda jasserixxi l-awtorità tiegħu mingħajr tixrid ta' demm. Il-gvern ta' ftehim nazzjonali qiegħed bil-mod il-mod jieħu taħt idejh il-bosta ministeri u istituzzjonijiet bħall-Bank Ċentrali u l-Kumpanija Nazzjonali taż-Żejt dlonk irrikonoxxew l-awtorità tiegħu. Imma Serraj għadu jaffaċja sfidi kbar: fl-ewwel lok, il-Ftehim Politiku Libjan għadu ma ġiex ratifikat mill-Kamra tar-Rappreżentanti kif kien jipprevedi l-Ftehim Nazzjonali Libjan. Attentati ripetuti sabiex tiltaqa' l-Kamra tar-Rappreżentanti ma rnexxewx minħabba nuqqas ta' quorum. Madankollu, maġġoranza tad-deputati li jgħidu li huma fuq mija ddikjaraw li huma japprovaw il-Ftehim Politiku Libjan. Il-fatt li l-Kamra tar-Rappreżentanti ma tistax tirratifika dan il-ftehim jista' biss jiġi attribwit għall-fattur tal- ġeneral Khalifa Ħafter. Ħafter kien ġeneral fl-armata ta' Gaddafi li spiċċa priġunier meta l-Libja nvadiet it-Tċad fin-nofs is-snin sebgħinijiet. Qatta' ħafna mis-snin ta' wara f 'Langley, Virginia fejn kien meqjus li hu qrib ħafna tas-CIA. Meta l-poplu Libjan qam kontra Gaddafi, irritorna l-Libja u wara li l-pajjiż waqa' fil-kaos, impona ruħu bħala l-ministru tad- difiża tal-gvern ta' Tobruk. Ħafter igawdi l-appoġġ tal-Eġittu, l-Emirati Għarab Magħquda u mid- dehra, anke ta' Franza. Din il-ġimgħa stess il-forzi tiegħu rċevew kunsinna ta' armi minn sors m'hux magħruf. F'dawn l-aħħar ġimgħat kellu suċċess f 'Bengħażi u issa qed jitfa' l-attenzjoni tiegħu fuq il-forzi tal- Istat Iżlamiku. Ħafter hu beżgħan li l-gvern ta' Serraj ser ineħħilu s-saħħa tiegħu. Għalhekk, hu u s-sostenituri tiegħu qed isostnu li l-Ftehim Politiku Libjan jinbidel biex il-ħatriet militari ma jibqgħux il-prerogattiva tal-gvern il-ġdid. Jidher li Serraj ftit iltaqa' ma' Oppożizzjoni għaliex il-poplu Libjan għejja bil-gwerra ċivili. Pajjiż li kien sinjur illum għandu kwint mill-popolazzjoni li qiegħda ssofri mill-malnutrizzjoni. L-inflazzjoni hija ferm għolja minħabba l-iżvalutar kontinwu tad-dinar u hemm nuqqas ta' flus in ċirkolazzjoni. Skont il- ġurnal online, Libya Herald, fil- preżent, il-Libja tesporta biss 23% taż-żejt li kienet tipproduċi fl-2012, 1.5 miljun barmil kuljum. Peress li l-Libja tiddependi mill-esportazzjoni taż-żejt għal 95% tal-Prodott Gross Domestiku tagħha, il-Libja qiegħed ikollha tonfoq ir-riservi barranin tagħha sabiex tkopri d-defiċit tal- baġit. Skont l-Uffiċju tal-Awditjar Libjan, ir-riservi barranin tal-Bank Ċentrali naqsu b'54% mill-2012 'l hawn u skont il-Fond Monetarju Internazzjonali, il-Libja se tispiċċa bla riservi barranin fl-2019 jekk tibqa' sejra hekk. Intqal li l-ekonomija Libjana hija tant għarkupptejha li l-uniku settur li qed jirrendi huwa t-traffikar ta' bnedmin. Daqshekk hija prekarja s-sitwazzjoni. Jidher li l-momentum huwa favur Serraj u l-Gvern tiegħu mentri l-Gvern ta' Thinni f 'Tobruk qed dejjem jitlef l-appoġġ. Din il-ġimgħa rriżenja d-deputat ministru tal- affarijiet barranin ta' Thinni li saħaq li l-Libja għandha bżonn l-għaqda. Din il-ġimgħa wkoll l-attentat li għamel il-Gvern ta' Tobruk li jesporta ż-żejt falla għaliex it-tanker li għamel bosta jiem ankrat barra minn Malta kellu jsalpa lura wara li ġie milqut minn sanzjonijiet tal- Ġnus Magħquda. Dan l-attentat jista' biss jiġi interpretat bħala mossa ddisprata sabiex il-gvern ta' Thinni jakkwista l-flus. Presubbilment, il-Bank Ċentrali, li kien jiffinanzja l-amministrazzjonijiet rivali, mhux ser jibqa' jagħmel hekk issa li rrikonoxxa l-awtorità tal-Gvern ta' Serraj. Jekk is-sostenituri barranin tal-amministrazzjoni ta' Tobruk u ta' Hafter jirtiraw l-appoġġ tagħhom, il-ħajja ssir aktar faċli għal Serraj u l-prospetti ta' paċi fil-Libja jitjiebu sew. F'diskors li ta nhar il-Ħamis fuq it-televiżjoni, Serraj saħaq li l-għan tal-proċess politiku hu stabbiltà, sigurtà u ħajja onorevoli. Issa wasal iż-żmien tal-implementazzjoni prattika tal-Ftehim Politiku Libjan u spiċċa ż-żmien tad-diskussjoni u tal-ħela ta' ħin f 'dibattiti politiċi. Wara bosta laqgħat mal-mexxejja tal-istituzzjonijiet u tas-soċjetà ċivili, Serraj qal li beda jwettaq pjanijiet u soluzzjonijiet sabiex jgħinu liċ- ċittadini fil-ħajja ta' kuljum tiegħu. Semma l-ħlas ta' salarji li kienu għadhom ma tħallsux, l-indirizz tal-problema tan-nuqqas ta' flus fiċ-ċirkolazzjoni u nuqqas ta' dawl u l-ftuħ ta' linji ta' kreditu sabiex jinxtraw affarijiet essenzjali u provvisti mediċi. Serraj saħaq li l-politika tal-gvern tiegħu hija ta' rikonċiljazzjoni u għalhekk, iltaqa' ma' min jopponi l-Ftehim Politiku Libjan sabiex jinstab kompromess. Qal ukoll li l-gvern tiegħu jeħtieġ l-appoġġ popolari li nħass meta wasal Tripli u qal li huwa konxju li jrid isir titjib immedjat sabiex jitnaqqas il-piż fuq iċ-ċittadini. Serraj ħeġġeġ lill-Kamra tar- Rappreżentanti sabiex tirrattifika l-Ftehim Politiku Libjan u saħaq li l-Gvern tiegħu huwa tal-Libjani kollha, anke dawk kontra dan il- Ftehim. Fl-aħħar nett, filwaqt li rrefera għall-periklu gravi tal-Istat Iżlamiku, wissa kontra avventuriżmu fil-ġlieda kontrihom u saħaq fuq il-ħtieġa ta' kmand militari unifikat sabiex jaffaċja l-isfida tal-Istat Iżlamiku. Serraj, li ġej mid-dinja tan- negozju u mhux minn dik politika, ċertament kellu bidu ferm pożittiv f 'dawn l-aħħar tletin jum. Jeħtieġ l-għajnuna kollha possibli sabiex jirbaħ l-isfidi li għandu u jevita li l-Libja tispiċċa stat fallut. Irid jirxoxta l-istituzzjonijiet li sofrew bil-kbir mit-tiranija ta' Gaddafi li fi żmienu, għamel minn kollox sabiex ikisser dak kollu li jgħaqqad in-nazzjon Libjan. F'dawn l-aħħar tletin jum, purċissjoni ta' ministri tal-affarijiet barranin u ambaxxaturi żaruh u wegħduh l-appoġġ ta' pajjiżhom. Beda Gentiloni, il-ministru tal- affarijiet barranin Taljan u komplew il-Ministri ta' Franza u l-Ġermanja li marru flimkien, l-Ingliż, it-Tork u issa anke l-Ispanjol. Bosta ambaxxati barranin ukoll bdew jiftħu mill-ġdid fi Tripli jew indikaw li se jagħmlu hekk fil-futur qarib. F'din l-attività diplomatika kollha, wieħed kien jistenna li Malta tkun aktar attiva. Huwa minnu li l-Ministru tal-Affarijiet Barranin ħareġ stqarrija fit-23 t'April li għadda fejn ħeġġeġ il-Kamra tar- Rappreżentanti sabiex tirratifika mingħajr aktar dewmien il-Ftehim Politiku Libjan. Madankollu, frankament, meta tieħu kont tal-importanza tar-relazzjonijiet politiċi u kummerċjali bejn iż- żewġ pajjiżi, wieħed kien jistenna aktar. Il-laqgħa li saret f 'Diċembru li għadda f 'Kastilja tat lok għal ħafna spekulazzjoni dwar l-aġenda tal-Gvern Malti u wieħed jittama li din il-laqgħa m'affetwatx ħażin il- prospetti Maltin f 'dan il-pajjiż ġar. Il-Libja l-ġdida għandha bżonn l-għajnuna kollha possibli u m'għandniex nibqgħu lura milli noffruha fil-limitazzjonijiet kollha tagħna. JOE ELLIS "Il-Libja l-ġdida għandha bżonn l-għajnuna kollha possibli u m'għandniex nibqgħu lura milli noffruha fil- limitazzjonijiet kollha tagħna"

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 1 May 2016